giovedì 4 aprile 2013

San Tumas iwaqqa’ l-kolonni


Il-kwistjoni tal-jum nazzjonali ta’ Malta


Dan l-aħħar f’ pajjiżna reġa’ instema’ d-diskors dwar jum Nazzjonali wieħed. L-ebda nazzjon ieħor fid-dinja ma għandu ħames jiem nazzjonali. Aħna biss. Hemm xi pajjiżi li għandhom aktar minn jum wieħed imma mhux ħamsa!

Ejjew napplikaw il-loġika ta’ San Tumas ta’ Akwinu fuq il-festi nazzjonali tagħna. Kieku l-Kavallieri ma rebħux lit-Torok fl-assedju l-kbir, kieku l-istorja ta’ Malta hija differenti minn dik li hi. Allura l-ewwel kolonna hija it-8 ta’ Settembru, il-Vitorja. U kieku l-istorja ma kienitx dik li hi ma kienx ikun hemm l-Assemblea Nazzjonali li tiltaqa’ biex tfassal kostituzzjoni u titlob lill-Gvern Ingliż japprovaha, u ma kienx ikun hemm il-ġrajja tas-7 ta’ Ġunju, 1919. It- tieni kolonna wasslet biex tmiss ukoll lit-tielet waħda li nistgħu ngħidu hija t-twaqqif tan-Nazzjon Malti fil-21 ta’ Settembru, 1964. Il-kolonna li kien imiss taqa’ kienet it-twaqqif ta’ stat mhux iktar b’ kap barrani imma b’ kap Malti. It-twaqqif tar-Repubblika ta’ Malta fit-13 ta’ Diċembru, 1974. L-aħħar kolonna hija it-tluq tas-servizzi Ingliżi minn artna, fil-31 ta’ Marzu, 1979.

Huma kollha dati importanti fl-istorja ta’ pajjiżna u jkun għajb jekk nitilfu jew ninsew xi waħda minnhom għax huma lkoll tappi importanti fin-nisġa tal-ġens Malti. Imma hemm bżonn jissejħu kollha “Jum Nazzjonali”? Għalfejn Jum l-Indipendenza ma nsejħulux biss Jum l-Indipendenza? Għalfejn jum ir-Repubblika ma nsejħulux biss Jum ir-Repubblika? Għalfejn jum il-Ħelsien ma nsjeħulux biss Jum il-Ħelsien? Bilfors iridu jkunu msejħa jiem nazzjonali? X’ ibiddel mis-sustanza tal-istorja jekk il-21 ta’ Settembru jkun biss Jum l-Indipendenza ta’ Malta u t-13 ta’ Diċembru jkun biss Jum ir-Repubblika ta’ Malta mingħajr ma nirreferu għalihom jew għall-jiem l-oħra bħala jiem nazzjonali? L-istess jgħodd għall-jiem nazzjonali l-oħra. Dan ma jfissirx li ma għandhomx jibqgħu jiġu ċċelebrati bl-istess mod li jkunu iċċelebrati sa issa, li qiegħed ngħid jien huwa biss li jkollna jum wieħed biss li jissejjaħ nazzjonali. Fl-aħħar mill-aħħar jekk dawn il-granet jitnaqqsilhom il-kliem “Jum Nazzjonali” mhux sejjer jitnaqqsilhom xejn mill-ġieħ u l-valur tagħhom għax il-valur tagħhom ma huwiex fl-isem imma fl-akwisti li ġabu għall-pajjiż. U propju għalhekk għandhom jibqgħu jiġu ċċelebrati bil-mod li jkunu ċċelebrati sa issa.


U liema għandu jkun dan il-jum wieħed biss? Naħseb li għandu jkun it-8 ta’ Settembru. Mhux għax jien minn xi belt jew raħal li jiċċelebra l-festa tal-Bambina, le xejn minn dan, imma fiha nara l-bidu tat-triq storika. Kieku ma kienx hemm dik ir-rebħa fl-1565 l-istorja ta’ pajjiżna għandha mnejn kienet tkun ferm differenti minn dik li hi llum. Għandu mnejn ma kienx ikollna Sette Giugno u lanqas Indipendenza u la Repubblika u lanqas Ħelsien. Naf li se jkun hemm min ma jaqbilx ma’ dan li għidt, imma ħabib, ipprova aħseb fuq l-ewwel triq ta’ San Tumas ta’ Akwinu. Jekk ma jkunx hemm l-ewwel ċaqlieqa jibqa’ kollox f’ postu u ma jitħarrek xejn. Minn dawn il-ħames kolonni, liema kienet l-ewwel li tħarrket?

San Tumas iwaqqa' l-kolonni 

Wieħed mill-akbar ħassieba tal-Knisja Kattolika huwa San Tumas ta’ Akwinu. Huwa magħruf għall-bosta kitbiet filosofiċi u teoloġiċi tiegħu, imma ma’ bosta huwa magħruf għall-ħames toroq li jagħtina biex naslu nifhmu li Alla jeżisti. Dawn ma humiex provi tal-eżistenza ta’ Alla imma huma toroq li jwassluk biex b’ mod razzjonali tasal taċċetta l-esistenza ta’ qawwa sopranaturali, dak li aħna nsejħulha Alla. L-ewwel triq li jagħtina dan il-qaddis fi ftit kliem tgħid: Kull ħaġa li titħarrek tagħmel hekk għax tkun tħarrekt minn xi ħaġa oħra u l-ewwel ċaqlieqa ssir minn mutur li ma jiċċaqlaqx imma jċaqlaq, dak li aħna nsejħulu Alla. B’dan il-kliem żgur li fejn konna bqajna, allura huwa jipprova jfisser din it-triq bi kliem eħfef. Jgħidilna li jekk ikun hemm ringiela kolonni waħda ħdejn l-oħra, ilkoll imbegħdin bl-istess distanza, u xi ħadd jinbotta l-ewwel kolonna, din taqa’ fuq it-tieni waħda u twaqqa’ lil din ukoll, kif taqa’ t-tieni waħda tmiss mat-tielet waħda u din taqa’ fuq ir-raba’ waħda u hekk kolonna wara kolonna jaqgħu kollha. Imma kieku ma kienx hemm dak ix-xi ħadd li ta l-ewwel imbottatura lill-ewwel kolonna, kieku kien jibqa’ kollox f’ postu u ma jitħarrek xejn. Eżempju iktar prattiku u li għandu mnejn anke intom ġieli għamiltu huwa meta jkollok sett tal-logħba dominos, tpoġġihom weqfin ħdejn xulxin bi spazju l-istess bejn biċċa u oħra. Meta tlestihom kollha twaqqa l-ewwel blokka u waħda wara l-oħra jispiccaw kollha mwaqqgħin. Din hija l-ewwel triq tal-qaddis Dumnikan.

Spiss jiġru ħwejjeġ f’ ħajjitna li nistħajjilhom isegwu din l-ewwel triq li semmejna. Tassew li l-għan ta’ San Tumas kien li jwassal lil dak li jkun għall-għarfien ta’ Alla, imma l-argument jista’ jiġi adattat għal sitwazzjonijiet oħra. Eżempju tixtri kompjuter u wara tinduna li jkun aħjar jekk tixtri mejda għalih u mal-mejda titħajjar tixtri wkoll siġġu bir-roti biex taħdem komdu fuqu. U meta jkollok dan kollu tara li jonqsok lampa sabiħa għal ħdejh. Kif ngħidu aħna l-Maltin: ħaġa taqla’ ’l-oħra.


Fr. Reno Muscat OP
In-Nazzjon 4 ta' April 2013

Nessun commento:

Posta un commento