martedì 18 giugno 2013

KALAROGA, BOLONJA U MALTA


Ma twelidtx u lanqas trabbejt f’parroċċa Dumnikana jew fejn hemm preżenza tad-Dumnikani. B’daqshekk ma jfissirx li ma kontx naf b’San Duminku u bil-festi li jsiru f’ ġieħu kemm fil-belt Valletta kif ukoll fil-belt Vittoriosa. Minn dejjem għoġobni l-innu lil dan il-qaddis, miktub mill-Qormi bħali Ġużè Muscat Azzopardi (1853 – 1927), rumanzier u poeta  kif ukoll fundatur tal-Għaqda Kittieba tal-Malti (1920) u mużika tal-Belti Ġużeppi Caruana (1880 – 1931), kompożitur ta’ bosta mużika għal innijiet fosthom tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila (1871 – 1961). Dejjem staqsejt lili nnifsi dwar l-ewwel vers ta’ dan l-innu. Malta nafha għax Malti jien, Bologna smajt biha kemm-il darba, imma Kalaroga ma kont naf xejn dwarha. Meta aktar ’il quddiem issaħħart bil-ħajja tal-qaddis Duminku, u tnisslet fija x-xewqa li nissieħeb mal-Ordni tal-Predikaturi, bdejt naqra dwar Duminku ta’ Gużman. Kont niltaqa’ bosta drabi ma’ isem raħal twelidu – Caleruega fi Spanja. Poġġejt dal-post mal-lista ta’ għadd ta’ postijiet li kont nixtieq inżur. U meta sibt iż-żmien opportun mort u għixt f’ dan ir-raħal li ta lid-dinja kewkba, dan ir-raħal li fih ra id-dawl ix-xandar tal-Mulej.

Inżilt fl-ajruport ta’ Valladolid, fejn sibt lil Fra Sistu, ħabib tiegħi, Dumnikan ukoll, jistennieni. Tlaqna lejn il-kunvent ta’ Valladolid, introduċieni mal-membri tal-komunità u dħalna fir-refettorju biex nieklu. Waqt l-ikel id-diskors ma naqasx. Patri xwejjaħ beda jsemmili li jaf patri Dumnikan Malti imma ma setax jiftakar ismu. F’ħin minnhom nisimgħu jgħidli: “Zerafa, Zerafa!” Kien qed jirreferi għal P. Pietru Pawl (1929 – 2011). Dak iż-żmien P. Pietru Pawl Zerafa kien għadu mimli bl-għomor. (Din il-ħaġa ġratli bosta drabi. Meta ngħid li jien Malti, bosta jsemmuli lil Patri Pietru Pawl Zerafa. Kien patri magħruf u maħbub li għamel ġieħ lill-provinċja tagħna.) Wara l-ikel tlaqna lejn Caleruega. Ma hemmx wisq bogħod, 125 kilometru! Siegħa sewqan kollox. Bdejna għaddejjin minn kampanja b’xenarji mill-isbaħ. Ir-reġjun ta’ Kastilja u Leon huwa sabiħ ħafna. Iż-żona hija mimlija kastelli, kif juri l-isem tagħha stess wara kollox. Ħin minnhom waqt li konna għaddejjin mill-autostrada bejn Valladolid u Aranda, naraw tabella bil-kliem Haza. Aza, il-post fejn kienet toqgħod omm San Duminku. Ma sibtx oġġezzjoni x’ħin ix-xufier staqsieni ridtx imur s’hemm. Konna qegħdin noqorbu lejn Caleruega, kien jonqos biss xi 40 kilometru. Ta’ min jittawwal ftit fejn kienet tgħix in-nanna.



Dehra ta’ Aza
Fuq għolja tara bini bħal fortizza. Dik hi Aza! Tasal u ssib ruħek f’ dak li fadal mill-kastell tal-familja ta’ omm San Duminku. Ftit huma dawk li joqgħodu f’ dan il-post. Fl-2008 kienu joqgħodu hemm 31 ruħ kollox. Hawn tħossok li tkun erġajt lura lejn il-medjuevu għax donnu l-progress ma kienx wisq kattiv ma’ din in-naħa. Morna l-knisja ċkejkna u unika li tinstab f’ dan il-post. Kienet magħluqa ovvjament. Hija knisja ddedikata lil San Mikiel u tagħmel mal-parroċċa ta’ Hontanges, fid-djoċesi ta’ Burgos. Ta’ interess ukoll f’dan il-post huma s-swar tas-seklu  XV mibnijin fuq il-pedamenti ta’ swar aktar qodma, jiġifieri tas-swar ta’ żmien Ġovanna ta’ Aza, omm Duminku.
Tlaqna u komplejna triqitna. Għaddejna minn Aranda. Belt antika imma li matul iż-żmien aġġornat u llum hija belt mimlija ħajja. Kull xorta ta’ ħwienet jimlew it-toroq prinċipali tal-belt. Mill-istazzjon tal-ferrovija kif ukoll tal-autobus jitilqu ta’ kuljum eluf ta’ nies lejn Madrid, Barċellona  jew bliet oħra Spanjoli.
Knisja ta San Mikiel f' Aza
Qbiżna Aranda u triq fil-kampanja qabbditna triqitna lejn Caleruega. Għelieqi enormi. Ma tara xejn bini, xejn djar, imma pjanura immensa ta’ għelieqi. Kien Frar u xi ftit jiem qabel kien għadu kif niżel is-silg. Qtajjiet ta’ silġ kienu għadhom jidhru ’l hawn u ’l hinn. Bdejna noqorbu lejn ir-raħal u l-ewwel ma jidher huwa bini enormi. Sistu qalli li dak huwa l-kunvent tagħna, il-kunvent fejn huwa kien għamel in-novizzjat. Wasalna u waqafna fil-pjazza ta’ quddiem il-kunvent. Pjazza li hija ċ-ċentru tal-ħajja ta’ Caleruega. Fiha hemm il-kunvent tal-Patrijiet Dumnikani, il-kunvent

tas-sorijiet Dumnikani u l-monasteru tas-sorijiet tal-klawsura Dumnikani wkoll. Kollox Dumnikan, anke l-parroċċa hija afdata f’idejn id-Dumnikani. Faċċata tal-kunventi hemm il-ħanut tax-xorb. Skont  l-istitut nazzjonali tal-istatistika Spanjol fl-2011 kien hemm 509 persuni joqgħodu hemmhekk. Sewwasew wara l-knisja parrokkjali hemm għolja li jingħad li darba kien hemm monasteru fuqha.
Dħalna ġol-kunvent. Laqagħni P. Jesus Martinez. L-istess storja ta’ Valladolid. Malli għidtilhom li jiena Malti bdew isemmuli xi patrijiet Dumnikani Maltin. Mill-ġdid issemma Pietru Pawl Zerafa imma issa in-numru żdied. Billi P. Jesus kien għal xi żmien jgħix Ruma kien jaf ħafna Dumnikani Maltin. Semmewli lil P. Mark Said (1918 - 2006). Semmewli wkoll lil P. Frank Borg, il-pirjol attwali tal-Birgu u lil P. Joe Agius li għadu sal-lum jgħix Ruma. Dħalna fil-kamra fejn issir ir-rikreazzjoni, offrewli kafè bil-brandy Spanjol. Ma’ ħajt minnhom kien hemm bosta ritratti mdendlin. Kienu tal-kapitli ġenerali tal-ordni. Bejn is-17 ta’ Lulju u t-8 ta’ Awwissu, 1995 il-kapitlu tad-definituri kien sar propju f’dan il-kunvnet u għalhekk poġġew ritratt ta’ dan il-kapitlu wkoll. Fir-ritratt rajt żewġ  Dumnikani Maltin oħra li kont nafhom, P. Frans Micallef u P. Mark Montebello.
Ħriġt indur ftit ir-raħal, l-istess toroq li min jaf kemm ġera fihom Duminku meta kien ċkejken. Li n-nies tal-post jaraw patri liebes it-tonka bajda hija xi ħaġa mill-iktar normali hawnhekk, imma li jaraw wiċċ ġdid mhux daqstant normali. Malajr beda t-tislim. Ħin minnhom mara waqfet tkellimni. Pruvajt inkellimha bit-Taljan. “Sto qui per una settimana, per un ritiro!” Boqq! Ma fehmet xejn imma daħqitli. Pruvajt niftakar xi ħaġa bl-Ispanjol. “Yo soy en Caleruega por una semana por oraciones” pruvajt infehma u naħseb li fehmet għax qalti: “Sí sí!” Komplejt indur il-ftit toroq tar-raħal u erġajt sibt ruħi fil-pjazza ċentrali, il-qalb u r-ruħ tal-post. Issa l-knisja kienet miftuħa. Dħalt. Il-kappillan, Dumnikan imdaħħal fiż-żmien imma b’moħħ ta’ żagħżugħ. (Għandu 80 sena llum. Biex taraw kemm għadu żagħżugħ f’qalbu dal-patri ngħidilkom biss li bqajna nikkuntatjaw lil xulxin permezz ta’ Facebook!) Parroċċa ddedikata lil San Bastjan. “U s-santa mqatta! Jien vera Qormi, imma Ġorġaniż!” għidt bejni u bejn ruħi aktar bħala ċajta milli għax tagħmilli xi differenza lil min tkun iddedikata l-parroċċa! Iżda bħal donnu biex nikkonsla sirt naf li l-għolja li tibda sewwasew minn wara l-knisja ġġib l-isem ta’ San Jorge, San Ġorġ! U allura bejn l-għolja Ġorġjana, bejn il-parroċċa Bastjaniża u bejn l-ispirtu Dumnikan ħassejtni qiegħed f’dari.
P. Jesus riedni li din il-ġimgħa ngħaddiha f’meditazzjoni dwar San Duminku. Ħadni nżur il-monasteru tas-sorijiet tal-klawsura. Il-kunvent tas-sorijiet, it-torri tal-Familja Ġużman, niżzilni fil-post fejn twieled San Duminku, daħħalni fil-kantina fejn sar il-miraklu tal-inbid. Dewwaqni l-ħelu tajjeb li jagħmlu s-sorijiet. Filgħaxija f’kamarti ħarist mit-tieqa lejn inżul ix-xemx u ssaħħat! Xi ġmiel! Bla ma trid ħsibijietek jogħlew lejn il-Ħallieq. Bilfors titlob hawn, trid u ma tridx l-ambjent iġegħlek titlob. Mhux ta’ b’xejn Duminku sar qaddis. Hawn il-post jgħinek titqaddes.


Ma’ P. Jesus fil-kjostru ta’ Santo Domingo de Silos
Darba minnhom wara ikla paella P. Jesus dar fuqi u staqsieni jekk insuqx. X’ħin weġibtu fl-afferamttiv dar lejn il-kappillan u qallu xi ħaġa bl-Ispanjol. Dar lejja u qalli biex wara nofsinhar immorru Santo Domingo de Silos. Meta Ġovanna ta’ Aza kienet tqila b’Duminku kienet tmur fil-monasteru ta’ Silos sabiex titlob. San Duminku ta’ Gużman huwa msemmi għal San Duminku ta’ Silos u min jaf kemm-il darba huwa wkoll żar dan il-post. Silos huwa post żgħir, raħal medjevali bi ġmiel liema bħalu.  Joqgħodu fih madwar 300 ruħ imma minħabba l-abazija tal-patrijiet Benedittini li hemm, iżuruh eluf kbar ta’ turisti. Dħalna fil-monasteru jew abazija. Imxejna fil-kjostru magħruf  ta’ dan il-post. Kjostru romanesk li jmur lura lejn is-seklu VII. Dħalna fil-knisja u tlabna. Kien għadu l-ħin u ħriġna. Ix-xita ma waqqfitx lit-turisti milli jżuru dan il-post ferm sabiħ. Dħalna nieħdu kafè minn ġewwa ħanut b’ambjent medjevali sakemm sar il-ħin biex immorru ngħidu l-għasar mal-irħieb tal-monasteru. X’għasar dak! Jekk il-post jistiednek titqaddes, il-kant tal-patrijiet iġegħlek tħossok li diġà wasalt il-ġenna! Aħna u sejrin lura Caleruega P. Jesus qalli: “Imnalla taf issuq għax ridtek iżżur dal-post!” Kif dħalna fil-ġnien tal-kunvent u konna ħerġin mill-van tal-kappillan P. Jesus qalli li issa kien imiss inżuru Osma, fejn San Duminku kien kanonku tal-kattidral.

U hekk kien, jumejn wara kellna mmorru Osma. Sbaħna b’jum imċajpar għall-aħħar. P. Jesus staqsieni jekk naqtax qalbi insuq f’dik il-kundizzjoni. Għidtlu li le. Qalli li għandna siegħa sewqan. Erġajt għidlu le. Tlaqna wara l-quddiesa ta’ filgħodu. Kullimkien abjad. Bdejt nistħajjilni qiegħed f’borża tal-karti bajda. Ċpar biss. Soqt bil-mod, u lanqas stajt insuq wisq għax il-viżibilità kienet mill-agħar. Tlabt lil San Duminku jwasalna bis-sliema għax ngħid id-dritt qatt ma kont soqt f’kundizzjoni bħal dik u anke min ikun saq, xorta d-diffikultà hija kbira. Wara ħames minuti sewqan ħriġna minn dik is-sitwazzjoni u bdejna mexjin fit-triq bla tfixkil ta’ xejn. Warajna fix-xefaq kien għadu jidher iċ-ċpar li kien jiksi lil Caleruega.
Quddiem il-parroċċa Caleruega
Osma belt medjevali, b’kattidral imwaqqaf minn San Pietru ta’Osma, li l-istatwa tiegħu tilqek int u dieħel mill-bieb prinċipali tal-belt u li l-qabar tiegħu jinstab fl-istess kattidral. Dan il-qaddis kien isqof ta’ Osma u l-festa tiegħu tiġi ċċelebrata fit 2 ta’ Awwissu. Il-kattidral li nsibu llum ma huwiex l-istess wieħed li kien bena San Pietru ta’ Osma imma xi partijiet minnu għadhom dawk oriġinali. San Duminku kien kanonku ta’ hawnhekk. Ġejna biex nidħlu fil-kattidral. Kien magħluq minħabba li kien qed isir xi restawr fih. Li kieku kont waħdi kien ikolli ndawwar denbi u nerġa lura bħal ħmar, imma ma’ patri Jesus l-istorja differenti. Jaf lil kulħadd dan P. Jesus. Dħalna u dorna kull rokna. Min jaf kemm-il darba kien hawnhekk San Duminku! Ħriġna u dorna ftit il-post. Dħalna nieklu u nixorbu xi ħaġa minn ħanut fi pjazza kbira u komplejna nduru t-toroq u l-knejjes tal-post sakemm sar il-ħin biex nerġgħu lura. Fit-triq lura il-patri qalli li dan kien il-mod li huwa jmexxi l-irtiri fuq il-passi tal-fundatur tagħna. Iħalli lil dak li jkun b’ħafna ħin ta’ meditazzjoni personali, imma jforni lil dak li jkun b’materjal għall-meditazzjoni.

Għaddiet il-ġimgħa li kelli nagħmel Spanja u minn Caleruega wassluni sa Aranda fejn qbadt pullman għal Valladolid. Minn Caleruega mort inkompli l-istudji tiegħi Bologna fejn wara kelli ninżel Malta għall-ordinazzjoni. Illum meta nisma’ Kalaroga, Bologna u Malta niftakar fil-mixja li għamilt qabel irċivejt is-saġrament tal-ordni sagri, mixja fuq il-passi tal-patrijarka San Duminku.  Issa li ġejt assenjat fil-kunvent tal-Birgu fejn hawn qalb tħeġġeġ għal dan il-qaddis, inħossni aktar kburi li għamilt din il-mixja.

Fr Reno Muscat OP

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-festa ta' San Duminku l-Birgu, 2012

Nessun commento:

Posta un commento