domenica 18 agosto 2013

San Domenico in Soriano

Ġenna Dumnikana fl-Italja ta’ isfel

Għandi bosta tikfiriet sbieħ ta’ dan il-post mitluf fix-xagħri tal-Calabria, imma l-aktar ħaġa li bqajt niftakar huwa l-kliem li qalli wieħed patri Dumnikan, xwejjaħ fiż-żmien imma żagħżugħ fil-qalb: <<Bologna hemm il-ġisem ta’ Duminku; f’Soriano għandna l-ispirtu – f’Soriano Duminku għadu ħaj”>>.

Qbadt il-ferrovija ma’ Fra Vincenzo minn Napli. Kien għadu kmieni filgħodu. Vjaġġ ta’ madwar erba’ sigħat. Fl-ewwel waqfa tal-ferrovija telgħet mara li kellha biljett li l-post immarkat fuqu kien l-istess ta’ Fra Vincenzo. U iva, hemm postijiet vojta kemm trid u billi tibdel il-post mhux sejra taqa’ d-dinja! F’kull sazzjon li waqafna fih bdew telgħin aktar u aktar nies. Ħriġna mir-reġjun ta’ Campania u dħalna f’ dak ta’ Basilicata. Ġew jikkontrollaw il-biljetti –problema – il-biljetti tagħna kienu doppji. Kien żball min-naħa tal-gabbana tal-biljetti. Mhux sejrin ninżlu hawn żgur – ma tarax! Baqa’ aktar minn siegħa u nofs oħra biex naslu. U issa l-vagun kien mimli kollu! Bit-tajjeb u l-ħażin irranġajna u bqajna bilqegħda fejn konna. Ħallejna l-Basilicata u dħalna fil-Calabria.

Il-ferrovija waqfet fl-istazzjon ta’ Paola – le le mhux Raħal Ġdid! Kienu bosta dawk li niżlu f’dan l-istazzjon. Hawnhekk insibu devozzjoni lejn San Franġisk, mhux dak ta’ Assisi imma San Franġisk ta’ Paola. Dan il-qaddis twieled propju hawnhekk fl-1416; hawn devozzjoni kbira lejh imxerrda mal-Calabria kollha. Bosta minn dawk il-Kalabriżi li jisimhom Francesco huma msemmijin għal dan il-qaddis mir-reġjun tagħhom. Tisfira twila dwiet fl-arja, ingħalqu mill-ġdid il-bibien tal-vaguni u komplejna triqitna.

F’ Soriano ma hemmx stazzjon tal-ferrovija. Għandha xorti tasal tal-linja aħseb u ara l-ferrovija! Waqafna fl-istazzjon ta’ Vibo Valentia. Inżilna, ħriġna mill-istazzjon u sibna lis-superjur tal-kunvent ta’ Soriano jistenniena. Irkibna u tlaqna. F’inqas minn nofs siegħa sibna ruħna Soriano.

ritratt 1.jpg
Il-kwadru mirakoluż li nsibu f’ Soriano 
Aktarx li l-ewwel kunvent tal-Patrijiet Dumnikani f’dan il-post infetaħ fl-1510. Kien ċertu patri Dumnikan minn Catanzaro, pajjiż fil-Calabria wkoll, bl-isem ta’ Vincenzo li waqqaf dan il-kunvent. Jingħad li madwar għoxrin sena wara l-komunità tal-patrijiet kibret mhux ħażin. Ta’ kull filgħodu kmieni l-fra tal-kunvent, Fra Lorenzo minn Grotteria, raħal qrib Reggio Calabria, kien jinżel fil-kor tal-knisja tal-kunvent sabiex jixgħel ix-xemgħat u jlesti għall-matutin. Ta’ min iżomm f moħħu li l-matutin kien talb li l-komunità kienet tgħid flimkien għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu. Lejl minnhom waqt li kien qiegħed bħas-soltu jagħmel dax-xogħol, daħlet waħda mara fil-knisja u staqsietu jekk f’dik il-knisja kienex hemm xbieha ta’ San Duminku. Il-fra qalilha li ma kienx hemm, u tabilħaqq ma kienx hemm, u kompla fuq xogħolu bla ma ħabbel rasu min kienet dik il-mara misterjuża. Jingħad li l-għada dik il-mara marret mill-ġdid fil-knisja ta’ Soriano, din id-darba kellha magħha żewġ nisa oħra. Il-mara sejħet lill-fra u tatu f’idu romblu li x’ħin fetħu sab li kienet pittura ta’ San Duminku. Il-qaddis jidher libes l-abitu abjad bil-kappa sewda, kif normalmet ikun rappreżentat fl-arti. Jidher wieqaf u f’ idu tal-lemin qiegħed iżomm ktieb filwaqt li f’dik tax-xellug naraw ġilju abjad. Id-daqs ta’ din il-pittura huwa ta’ 125 ċentimetru b’198 ċentimetru.

Il-fra għadda dik il-pittura lill-patrijiet, li dawn min-naħa tagħhom riedu jkunu jafu x’kif u x’fatta. Kellmu lill-fra, staqsewh elf mistoqsija u l-povru fra qalilhom dak kollu li ra. Mid-deskrizzjoni li tahom kien konkluż li dik il-mara ma kienet ħadd ħlief l-Imqaddsa Marija u ż­-żewġ nisa l-oħra li kellha magħha kienu Santa Marija Maddalena u Santa Katarina ta’ Lixxandra, iż-żewġ qaddisin prottetturi tal-Ordni tal-Predikaturi. Dan il-fatt seħħ fil-lejl ta’ bejn l-14 u l-15 ta’ Settembru, 1530. Sal-lum fil-15 ta’ Settembru f’Soriano għadha tkun iċċelebrata l-festa ta’ San Duminku.[1]
Fdal tal-knisja u l-kunvent ta' San Duminku f’ Soriano
Il-kunvent ta’ Soriano donnu għandu xortiħ ħażina. Huwa ġġarraf f’terremot li seħħ fl-1659, imma l-patrijiet reġgħu bnewh mill-ġdid. Din id-darba l-kunvent inbena f’forma monumentali taħt it-tmexxija tal-Patri Dumnikan Bonaventura Presti li kien ukoll arkitett. Fl-1783 reġgħet messitu l-istess xorti. Terremot ieħor waqqa’ l-kunvent u l-knisja tad-Dumnikani. Biss din id-darba la l-knisja u lanqas il-kunvent ma reġgħu nbnewh. Dak li kien baqa’ wieqaf wara dan it-terremot għadna nistgħu narawh sal-lum. Fadal biss il-fadal ta’ wieħed mill-kjostri u l-faċċata barokka tal-knisja. Il-kunvent ta’ Soriano Calabro kien wieħed kbir ħafna, biss biss kien fih ħames kjostri u knisja kbira ħafna. Fl-1866 bis-sopressjoni tal-ġid tal-ordnijiet, dan il-kunvent ittieħed minn idejn il-patrijiet Dumnikani. Kien fl-14 ta’ Lulju, 1942 li l-patrijiet reġgħu lura fil-kunvent ta’ Soriano Calabro. Illum il-parti waħdanija li kien fadal mill-kunvent hija f’idejn il-kunsill lokali u fiha librerija kif ukoll sala li fiha jsiru bosta wirjiet. Dawk li darba kienu ċ-ċelel tal-patrijiet illum huma uffiċini tal-kunsill lokali. Imma n-nuqqas ta’ aktar minn ħamsa u sebgħin sena ta’ preżenza tad-Dumnikani minn dan il-post ma tefiex il-fjamma tad-devozzjoni u l-imħabba lejn il-qaddis Duminku.

Il-knisja li nsibu llum, ovvjament iddedikata lil San Duminku, ma nbnietx fil-post fejn kien hemm il-knisja l-qadima imma minflok wieħed mill-kjostri. Fil-fdal tal-knisja l-qadima llum għadhom isiru xi attivitajiet kulturali u reliġjużi – dejjem jekk it-temp ikun jippermetti għax din hija knisja bla saqaf. Il-kunvent li fih tgħix il-komunità Dumnikana llum huwa wieħed żgħir ħafna. U l-kwadru ta’ San Duminku x’ sar minnu? Il-kwadru għadu jinstab fil-knisja. Jinsab fuq l-altar maġġur u quddiemu hemm prospettiva tal-bronż indurata bid-deheb. Il-kwadru ma jidhirx jekk il-bieba tal-bronż li hemm quddiemu ma tkunx miftuħa. Din il-bieba saret biex tipproteġi t-tila mill-ħsara li tista’ ssirlu bl-elementi tan-natura. [2]

Il-k wadru ta’ San Duminku ta’ Soriano fl-ermitaġġ ta’ 
San Pietruburgu r-Russja. (Pedro  A. Boccanegra c 1660)
Ix-xbieha ta’ San Domenico in Soriano saret waħda devozzjonali u dlonk bdiet tinfirex mal-Italja u mal-pajjiżi fejn kien hemm il-preżenza tal-patrijiet Dumnikani jew tal-inqas id-devozzjoni lejn il-qaddis. Bdejna nsibu pittura li tirrappreżenta lil San Domenico in Soriano. Xi xbiehat juru lil San Duminku kif jidher fit-tila oriġinali u xi pitturi oħra juru lill-Madonna tippreżenta t-tila lil Fra Lorenzo, filwaqt li f’oħrajn jidhru wkoll Santa Marija Maddalena u Santa Katerian ta’ Lixxandra. Fl-Italja nsibu xbiehat ta’ San Domenico in Soriano fl-ibliet ta’ Bari, Benevento, Bologna, Bolzano, Brindisi, Catania, Firenze, Ġenova, Lecce, Lucca, Napli, Palermo, Parma, Pesaro, Prato, Reggio Calabria, Ruma, Savona, Siena, u Vercelli. L-Awstrija, Franza, il-Belġju, il-Ġermanja, il-Kroazja, il-Messiku, il-Peru, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, ir-Russja, Spanja u fl-aħħar u mhux l-inqas Malta wkoll għandhom xbieħat ta’ San Domenico in Soriano. Xbieha fuq dik ta’ Soriano, jiġifieri mingħajr il-figuri tal-Madonna, tal-qaddisin nisa jew ta’ Fra Lorenzo, insibuha fil-knisja tal-kunvent tal-patrijiet Dumnikani tar-Rabat, xogħol tal-Isqalli Giuseppe Ragazzo.[3] Ta’ min jgħid ukoll li qabel ma l-bombi qerrieda tat-tieni gwerra dinjija waqqgħu l-knisja tal-Lunzjata tal-Birgu, fiha kellna l-artal ta’ San Duminku ta’ Soriano.

L-artal ta' San Duminku ta' Soriano,
fil-knisja l-qadima tal-Luzjata, il-Birgu
Soriano baqa’ raħal ċkejken minkejja l-mijiet ta’ snin li ilu jeżisti. In-numru ta’ nies li joqgħodu fih ma jaqbiżx it-tlett elef. Bħala attrazzjoni prinċipali nsibu bla dubju l-fdalijiet tal-knisja u l-kunvent tad-Dumnikani. Bħala festi jsiru bla ebda dubju dik ta’ San Domenico in Soriano fil-15 ta’ Settembru imma fit-8 ta’ Awwissu jkun iċċelebrat ukoll San Duminku. Fil-11 ta’ Novembru ssir il-festa ta’ San Martin filwaqt li fl-Għid il-kbir issir purċissjoni bl-istatwi ta’ Kristu, l-Madonna u San Ġwann Battista.

Bħal kull parti oħra tal-Italja, f’Soriano insibu l-ikel tipiku tal-post. Tgħaddi minn quddiem id-djar u xxomm riħa ta’ ikel taqsamlek qalbek! Forsi għax jien żaqqieq? Ma nafx imma naf li l-kċina tal-Calabria hija waħda li toffri tjubija li mhux faċli tfissirha bil-kitba. Jekk tkun tħobb l-ikel pikanti hawn issib il-ġenna . . . . jew aħjar l-infern għax il-bżar aħmar tal-Calabria jaħraq daqs in-nar tal-infern. Qrib dan ir-raħal hemm irħula oħra li daqsu huma nteressanti: Sorianello, raħal mill-isbaħ li tista’ tmur għalih minn Soriano anke bil-mixi. Ftit aktar imbiegħed hemm Serra San Bruno, bl-abatija taċ-Ċertosini (patrijiet tal-klawsura) mibnija fl-1095. Din l-abatija hija d-dar ta’ bosta partijiet minn diversi partijiet tad-dinja. It-triq bejn Soriano u Serra San Bruno tgħaddi minn bosk. Kien hawnhekk li l-ewwel darba f’ħajti rajt volpi. Ma kontx nimmaġina li dan l-annimal għadu jinstab tant qrib ta’ pajjiżna. Donnu kelb baxx b’denb oħxon. Pizzo Calabro, post fejn il-baħar fejn issib ġelat tant tajjeb li wara l-ewwel wieħed ma toqgħodx jekk ma dduqx it-tieni, u jekk tinsa l-kaloriji tieħu t-tielet ukoll!

Imma mhux bilfors toħroġ barra mir-raħal. Il-Knisja u l-bitħa tal-kunvent ta’ San Duminku joffru l-ħajja għal Soriano Calabro. Fil-knisja spiss isiru programmi u kunċerti mużikali, filwaqt li l-bitħa tal-kunvent spiss tkun il-post fejn wieħed jgħaddi siegħa jgħid kelma mal-ħbieb. Jekk wieħed ikun ixxurtjat biżżejjed għandu mnejn jinzerta lil xi ħadd bil-kitarra. Lejl minnhom inzertajt lil Domenico, żagħżugħ ferrieħi u fuq tiegħu, bil-kitarra, li dawwar miegħu għadd ta’  nies u beda jkanta kanzunetti tipiċi tal-Calabria. Niftakru fost oħrajn ikanta Lu Maritiello ta’ Tony Santagata – Vino, vino eccolo qua, vino vino e tira campa’!

Imma f’qalb kull raħħal jew raħħala, żagħżugħ jew żagħżugħa, tifel jew tifla hemm imħabba qawwija lejn San Duminku. Kulħadd ikellmek dwar il-festa li jagħmlulu, kulħadd jgħidlek kemm iħobbuh lill-qaddis patrun tagħhom Duminku. Tinduna bl-imħabba li għandhom lejn il-qaddis għax għajnejhom jixgħelu x’ħin isemmuh. Jgħidulek kemm pelleġrinaġġi jiġu biex iżuru l-knisja tagħhom. U tabiħaqq jaslu ħafna u ħafna pelleġrinaġġi hawnhekk. Kemm kien qalli sewwa Patri Michele Miele O.P.: <<Bologna hemm il-ġisem ta’ Duminku; f’Soriano għandna l-ispirtu – f’Soriano Duminku għadu ħaj”>>. Fil-ftit jiem li qattajt ġewwa Soriano Calabro nista’ ngħid li għandu raġun mija fil-mija.

Fr. Reno Muscat OP


Dan l-artiklu deher fil-Programm tal-Festa San Duminku Birgu 2013



[1] Calcara G., San Domenico in Soriano, Monteleone, Palermo, 2004, pp. 26-27.
[2] Milella O. (ed), I domenicani in Calabria. Storia e architettura dal XV al XVIII secolo, Gangemi, Napoli, 2004, pp 143-145.
[3] Fasadi M., Il-Madonna tal-Għar, Pubblikazzjoni Dumnikani, Rabat, 1980, p. 20.

Nessun commento:

Posta un commento