sabato 14 giugno 2014

Il-knisja Anglikana ta’ San Ġorġ Martri f’ Venezja

Fit-tliet snin li għaddew fil-programm tal-festa tal-Għaqda Soċjo-mużikali Anici wasaltilkom xi tagħrif dwar knejjes li nsibu ġewwa Venezja u li huma ddedikati lil San Ġorġ. Wara San Giorgio Maggiore, San Giorgio degli Schiavoni u s-sena l-oħra San Giorgio dei Greci, inħossni nonqos jekk ma niktibx xi ħaġa dwar ir-raba’ knisja li nsibu hemmhekk u li hija wkoll iddedikata lill-qaddis martri ta’ Lidda. Din is-sena sejrin nagħtu ħarsa lejn il-knisja Anglikana ta’ San Ġorġ li nsibu f’ campo San Vio ġewwa Venezja.
Biex tasal għal din il-knisja, minn pjazza San Mark, tista’ taqbad il-“vaporetto” u tieqaf ħdejn l-akkademja tal-arti jew tista’ timxiha u kif taqsam il-kanal il-kbir minn fuq il-pont tal-injam imsejjaħ il-pont tal-akkademja tiġbed lejn ix-xellug.

Il-bini ta’ din il-knisja ma kienx intenzjonat għal skop reliġjuż. Dan il-bini sewwasew inbena bħala maħżen.  F’ dan il-maħżen kien jinħadem kwalita’ ta’ ħġieġ sabiħ ħafna  li għadu magħruf u sinonimu ma’ Venezja sal-lum il-ġurnata. Dan huwa il-famuż ħġieġ Murano. Fl-1842 kienet imwaqqfa id-djoċesi Anglikana ta’ Ġibilta li kellha f’idejha il-ħidma pastorali tal-mediterran kollu. Ġewwa Venezja kien hemm ir-Reverendu  John Davies Mereweather li kien ilaqqa’ lill-Insara Protestanti tal-lingwa Ingliża ġewwa daru ġewwa Palazzo Contarini  billi ma kienx hemm knisja għall-Anglikani dak iż-żmien. Fl-1855 huwa nħatar bħala kappillan tal-Anglikani fil-belt ta’ Venezja. Dan il-qassis Anglikan ħadem bosta għall-għaqda bejn l-Insara tant li fl-1870 kien ippubblika il-ktieb "The Anglican Church, and universal religious union". Il-ħidma tiegħu ftit li xejn kellha suċċess. Il-Knisja Kattolika bdiet taħseb dwar l-għaqda tal-Insara madwar mitt sena wara l-ħruġ ta’ dan il-ktieb.  Baqa’ kappillan tal-Anglikani f’ Venezja sal-1887 imma xorta baqa f’ dik il-belt sakemm miet  fl-1896.

Fl-1892 il-komunita’ Anglikana akkwistat il-bini fejn illum insibu il-Knisja tagħhom. Kienet iddedikata lil San Ġorġ dik is-sena stess.  Minn barra din il-knisja hija mibnija b’ ġebel bajdani u fuq il-bieb prinċipali insibu basso riliev ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel jissielet mad-dragun.  Il-bieb prinċipali huwa tal-bronz. Minn ġewwa l-knisja hija forma ta’ sala rettangulari  u fiha gallarija b’ orgni fiha. Dan l-orgni huwa rigal tad-dukessa ta’ Northumberland.  L-altar jinsab fil-faċċata tal-knisja. Mal-ħitan miżbugħin griż hemm għadd ta’ lapidi li jfakkru xi vittmi tal-gwerra u xi nies oħrajn. Bħall-knejjes Anglikani l-oħra hawn insibu għadd ta’ bnadar imdendlin mal-ħajt fosthom bnadar ameriknai, bojod bis-salib aħmar u union jacks. Bħal bosta knejjes Anglikani oħra, hawn insibu wkoll għadd ta’ twieqi bi stained glass.

Mit-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Gibilta (1842) sa ftit inqas minn mitt sena wara l-istorja tad-dinja inbidlet u x-xorti ta’ Venezja inbidlet ukoll. Fit-twaqqif tad-djoċesi Venezja kienet taqa’ taħt l-Awstrija. Fl-1866 Venezja bdiet tifforma parti mir-renju l-ġdid tal-Italja. B’ Mussolini bħala kap tal-Gvern Taljan u bit-tieni gwerra dinjija wara l-bieb, il-knisja Anglikana ta’ San Ġorġ għalqet il-bibien tagħha u ma baqgħetx tagħti servizz bejn l-1935 u l-1945. Wara l-gwerra din il-knisja bdiet terġa toffri s-servizz tagħha lill-Insara Anglikani ta’ lsien Ingliż, imma s-servizz kien jingħata biss fix-xhur tas-sajf. Fl-1967 laħaq kappillan tal-knisja il-Kanonku Victor Stanley li mill-ġdid beda jagħmel is-servizz liturġiku kull nhar ta’ Ħadd.

Kuntrarjament għall-knejjes l-oħra li nsibu f’ Venezja, din hija knisja li tiftaħ biss matul is-servizz liturġiku, nhar ta’ Ħadd filgħodu. Wara s-servizz terġa tinagħlaq. Ovvjament matul is-servizz wieħed ma jistax idur u jara l-knisja sewwa. Il-knisja tkun miftuħa wkoll meta fija jsir xi kunċert minn xi kor Ingliż. Hawn wieħed ikun aktar liberu biex jara din il-knisja.

B’ dan it-tagħrif dwar din il-knisja temmejna d-dawra li għamilna dawn l-aħħar erba’ snin fejn żorna l-erba’ knejjes iddedikati lil San Ġorġ Marti fil-belt ta’ Venezja.

Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher fil-programm tal-Festa San Ġorġ Martri Qormi 2014  
maħruġ mill-Għaqda Mużikali Anici.

Nessun commento:

Posta un commento