sabato 29 agosto 2015

Baħar

Nistgħu ngħidu li n-natura kienet ħanina magħna l-Maltin fejn tidħol kosta għax il-baħar li jdawwar gżiritna huwa kważi kollu sabiħ u nadif. Forsi bosta drabi tant aħna mdorrijin bil-baħar qrib tagħna li lanqas nindunaw bir-rikkezza tiegħu, tant nieħdu l-affari kif jgħidu l-Ingliżi ‘for granted’.

Sors ta’ għixien
Huma bosta dawk li jaqilgħu l-għixien tagħhom mill-baħar. Dlonk naħsbu fis-sajjieda li joħorġu għall-ħut fuq il-baħar biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum. Imma mhux dawn biss jaqilgħu x’ jieklu bis-saħħa tal-baħar. Kemm ħaddiema tax-xatt jgħixu billi jaħdmu fuq dak li jġibu l-vapuri? Qabel, in-numru tal-ħaddiema tax-xatt kien akbar minn dak tal-lum għaliex l-esiġenzi kienu differenti u llum il-makkinarju ħa post ta’ bosta ħaddiema. L-introduzzjoni tal-containers għall-ġarr tal-merkanzija naqqset il-ħtieġa ta’ bosta ħaddiema u burdnara.

Il-baħar ġieli kien ukoll il-kawża ta’ telf ta’ persuni. Sajjieda li joħorġu għas-sajd u ma jerġgħux lura. Dan l-aħħar bdejna nisimgħu wkoll b’ għadd ta’ persuni li fil-ħarba tagħhom mill-Afrika lejn l-Ewropa isibu t-tmiem ta’ ħajjithom fil-baħar. Kemm niket jista’ jħalli dal-baħar ukoll!

Il-baħar huwa ġid. L-ifqar pajjiżi fid-dinja jew ma għandhomx baħar jew għandhom ftit li xejn. Il-Kongo għandu ftit li xejn kosta u huwa l-ifqar pajjiż fuq wiċċ id-dinja. Żimbabwe, pajjiż ieħor fost l-ifqar ma għandux xatt għax huwa mdawwar mill-Afrika ta’ Isfel, mill-Możambikk, mill-Botswana u minn Żambja. Il-Botswana u Żambja wkoll huma artijiet bla port u l-qagħada finanzjarja tagħhom ma hijiex wisq itjeb minn dik ta’ Żimbabwe. Ma rridx ngħid li kull pajjiż li għandu l-baħar hu sinjur għax kieku l-Eritrea hija sinjuruna għax għandha kosta tul il-pajjiż kollu. Lanqas irrid ngħid li ma hemmx pajjiżi sinjuri li ma għandhomx baħar. L-Iżvizzera ma għandiex baħar imma ħadd ma jista’ jgħid li hija pajjiż fqir. Lanqas l-Awstrija ma għandha baħar imma jgħixu sewwa hemmhekk. Il-Ġermanja għandha ftit baħar fit-tramuntana tal-pajjiż u ma hemmx xi ngħidu dwar il-qagħada tal-poplu Ġermaniż. Fl-Ewropa hemm pajjiżi bla port li ekonomikament huma wara pajjiżi oħra. L-Ungerija, il-Bjelorussja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, is-Serbja u l-Maċedon


ja huma kollha pajjiżi bla aċċess għall-baħar. Finanzjarjament ma nistgħux ngħidu li qegħdin fl-istess skala tal-Iżvizzera, jew il-Ġermanja. Meta l-Eks Jugoslavja nqasmet, il-Bożnija u Ħerżegovina kienet sejra tispiċċa pajjiż bla port, għalhekk il-Kroazja tat parti mill-kosta lil dan il-pajjiż biex tal-inqas ikollu port. B’ din il-mossa il-Kroazja spiċċat mifruda geografikament.

Il baħar Malti
Il-baħar tagħna huwa mfaħħar minn dawk kollha li jiġu jżuruna. Minħabba ċ-ċokon tagħna u għalhekk minħabba l-ammont limitat ta’ traffiku fuqu, il-baħar Malti għadu nistgħu ngħidu nadif. Għandna bajjiet sbieħ u għandna varjetà ta’ bajjiet – min iħobbir-ramel għandu fejn imur, min iħobb iċ-ċagħaq isib bajjiet biċ-ċagħaq ukoll u min iħobb il-blat isib fejn imur ukoll.

Kull meta kelli xi barranin mistiednin tiegħi hawn Malta dejjem ppruvajt noħodhom sa Għawdex, u min ġie fis-sajf ġieli ħadtu sa Kemmuna. Ilkoll tpaxxew bil-ġmiel tal-bajja ta’ bejn il-Kmiemem, magħrufa bħala Blue Lagoon. Xi ġmiel! Kemm tkun sabiħa dil-bajja meta tasal fiha u tkun għadha vojta. Tinżel u tistħajlek qiegħed il-ġenna. Saċerdot Taljan, ħabib tiegħi, meta ħadtu bejn il-Kmiemem, malli wasalna kull ma qal kien il-kliem “Madre mia!” – espressjoni li turi l-għaġeb li ħass b’ dak li ra. Qalli li hemmhekk isbaħ mill-Costa Smeralda ta’  Sardenja – ma nafx!

Fil-ħajja tagħna
Billi l-baħar huwa hekk qrib tagħna ma jistax jonqos li jkun parti minn ħajjitna. Anke fejn jidħlu idjomi u qwiel Maltin, insibu għadd minnhom marbutin mal-baħar. “Hemm baħar ta’ nies” ngħidu meta jkun hemm folla kbira. “hemm baħar jaqsam” meta rridu nuru li hemm differenza kbira. Ngħidulek ukoll li “bil-flus tagħmel triq fil-baħar” imma ħej, “il-baħar żaqqu ratba u rasu iebsa”. Tinsiex ukoll li “min jiftaħar jaqa’ l-baħar” u qatt ma għandek “tixtri l-ħut fil-baħar”.

Wieħed nafu, Malti bħalna, kien jistudja l-Ingilterra, bogħod mill-baħar. Qalli li kultant kien iħossu għajjien mentalment, kien jaqbad karozza tal-linja u jmur xi siegħa u nofs bogħod mid-dar tiegħu, f’post fejn il-baħar. Qalli li kien jerġa’ lura donnu bniedem ġdid, donnu batterija iċċarġjata.
Il-baħar huwa wkoll mod ta’ rilassament għalina l-Maltin. Minħabba ċ-ċokon ta’ artna, id-distanzi huma minimi u għalhekk nistgħu meta rridu naqbdu u mmorru sa xatt il-baħar, jew biex ngħumu jew biex sempliċiment nagħmlu żewġ passi jew biex nieklu xi ħaġa hemmhekk. Kemm aħna xxurtjati li għandna l-baħar idawwar lil pajjiżna. Ma aħniex xi pajjiż sinjurun, lanqas aħna xi pajjiż fqir, imma għandna ġid li tatna n-natura u li l-ebda somma ta’ flus ma tista’ tixtri – il-baħar tagħna.


Fr Reno Muscat

Artiklu li deher f' In-Nazzjon, 29 ta' Awwissu 2015

Nessun commento:

Posta un commento