sabato 7 novembre 2015

Ix-xahar tal-erwieħ, ta’ San Martin u aktar

Għalina x-xahar ta’ Novembru huwa il-ħdax-il wieħed matul is-sena. Dan għaliex aħna nużaw il-kalendarju Gregorjan. Isem dan ix-xahar ġej mill-kelma Latina Novem li tfisser disgħa għaliex fil-kalendarju Ruman antik, Novembru kien id-disa’ xahar tas-sena. Għal bosta minna dan ix-xahar huwa marbut mal-erwieħ, ċimiterji, qraba u ħbieb mejtin, imma Novembru mhux mejtin biss.

Żjara liċ-ċimiterji
Matul dan ix-xahar jiżdiedu ħafna ż-żjajjar liċ-ċimiterji. Il-Knisja Kattolika tagħti l-indulġenza plenarja lil dawk li f’ xi jum bejn l-1 u t-8 ta’ Novembru jżur xi ċimiterju u jitlob għall-erwieħ. Iż-żjajjar liċ-ċimiterji aktarx isiru bħala rispett lejn dawk li għaddew għall-pass li jmiss qabilna. Iċ-ċimiterju huwa post għażiż ħafna għaliex nafu li hemm jinstabu l-fdalijiet tal-familjari tagħna mejtin, ta’ ħbiebna, tal-għeżież tagħna. Mhux ta’ b’ xejn li ftit ġimgħat ilu bqajna xxukkjati meta smajna b’ xi atti li ġraw fiċ-ċimiterju tal-Addolorata. Bilfors, hemmhekk hemm xi ħadd jiġi minna, hemmhekk kulħadd għandu lil xi qarib.

Ir-rispett lejn dawn il-postijiet ma hijiex biss minn dawk li huma Kattoliċi, imma kull tip ta’ twemmin reliġjuż għandu stima u qima lejn il-post tas-serħan.

Qabel ma beda l-Kristjaneżmu, il-post fejn kien isir id-dfin kien jissejjaħ Nekropoli, kelma li ġejja mill-Grieg, Nekros li tfisser mejjet u Polis, li tfisser belt. Il-post tad-dfin kien jissejjaħ bħala l-Belt tal-mejtin. L-Insara bdew isejħu l-post tad-dfin Ċimiterju,li ġejja mill-kelma Griega koimetérion li tfisser post tal-mistrieħ. L-Insara biddlu anke l-ħsieb tal-mewt, fiċ-ċimiterju l-mejjet jitpoġġa għas-serħan biex jerġa’ jqum. Fil-bidu ta’ dan ix-xahar il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-qaddisin kollha u l-għada tiċċelebra l-Għid tal-imwiet. Għalhekk ix-xahar ta’ Novembru huwa magħruf minn ħafna bħala x-xahar tel-erwieħ.

Ġewż, lewż, qastan, tin
Fil-11 tax-xahar niċċelebraw il-festa ta’ San Martin ta’ Tours. Fi ċkuniti konna nistennew bil-ħerqa dan il-jum biex nirċievu borża tad-drapp mimlija b’ bosta frott frisk u frott niexef u ħbejża ċkejkna b’ lewża fuqha. Ta’ tfal żgħar konna spiss inkantaw it-taqbila popolari “Ġewż, lewż, qastan, tin; kemm inħobbu ’l San Martin!” F’ dan iż-żmien tas-sena il-frott niexef bħal ġewż, ġellewz, lewż, ġewż tal-indi, tin niexef u tin taċ-ċappa, jibda jerġa’ jidher fis-suq u għalhekk nassoċċjawh ma’ San Martin. Fl-Italja nhar San Martin jibda jinxtorob l-inbid il-ġdid, San Martino vino nuovo jgħidulek. Jgħidu wkoll A San Martino ogni mosto diventa vino jiġifieri li f’ San Martin kull meraq tal-għenba jkun sar inbid, u fil-fatt dakinhar kull familja Taljana tixtri inbid ġdid u sservih mal-ikel ta’ nofsinhar.

Is-sajf ta’ San Martin
Ladarba qed insemmu lil San Martin insemmu wkoll li hemm ftit jiem lejn nofs ix-xahar ta’ Novembru li nsejħulhom is-sajf ta’ San Martin. Illum bilkemm għadna nindunaw bil-bidla għaliex il-klima tbiddlet u kważi kważi sa nofs Novembru nkunu għadna għaddejjin bil-jiem sajfin. Iżda qabel kien mod ieħor, donnha x-xita kienet tibda lejn tmiem Settembru jew il-bidu ta’ Ottubru u meta f’ nofs Novembru kienu jagħmlu xi ftit jiem bnazzi konna ngħidu li wasal is-sajf ta’ San Martin. L-Ispanjoli u t-Taljani jsejħu dan il-fenomenu bħalna filwaqt li l-Franċiżi u l-Ingliżi jsejħulu s-Sajf Indjan. Hu x’ inhu, jismu x’ jismu donnu li kulħadd jifraħ u jgawdi ftit jiem bnazzi wara li jkun beda xi ftit tal-bard. Aħna l-Maltin il-bard ikun għadu bogħod minna u għalhekk aktar nifirħu bil-borża ta’ San Martin milli bis-sajf tiegħu!

Jum ir-Radd ta’ ħajr
Ġewwa l-Istati Uniti, kull raba’ Ħamis tax-xahar ta’ Novembru jiġi ċċelebrat it-Thanksgiving day. Kien il-President Abraham Lincoln li fl-1863 iddikkjara dan il-jum bħala btala pubblika biex fiha jintradd ħajr lil Alla għall-ħsad u għall-frott li jkunu taw l-uċuħ tar-raba. Dakinhar hemm id-drawwa li jittiekel id-dundjan.

Tmiem is-sena
F’ Novembru bosta drabi tintemm is-sena liturġika tal-Knisja u fl-aħħar Ħadd tas-sena Liturġika tkun iċċelebrata l-festa ta’ Kristu Re. Din il-festa twaqqfet mill-Papa Piju XI fl-1925 u kienet tkun iċċelebrata fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru. Wara l-Konċilju Vatikan II din il-festa bdiet tkun iċċelebrata fi tmiem is-sena liturġika. Tmiem is-sena liturġika jfisser ukoll bidu ta’ sena liturġika ġdida. Is-sena liturġika ġdida tibda bl-Avvent li jwassalna sal-Milied.

Ma rridx ninsa ngħid ukoll li f’ Novembru wkoll niċċelebraw Jum ir-Raġel. Jekk fit-8 ta’ Marzu d-dinja tiċċelebra Jum il-Mara, fid-19 ta’ Novembru niċċelebraw Jum ir-Raġel. Mhux jum magħruf wisq, imma tal-inqas hemm jum iddedikat għalina l-irġiel ukoll. Ix-xejn xejn, anke jekk il-jum li taw lilna hu fix-xahar tal-mejtin, imma ejjew ma ngergrux, ix-xejn xejn!


Fr Reno Muscat 

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 7 ta' Novembru 2015.





Nessun commento:

Posta un commento