sabato 28 marzo 2020

Il-liżar tal-kefen ta’ Kristu


L-ewwel parti

Fl-erba’ Evanġelji nsibu r-rakkont tal-passjoni, il-mewt u d-difna ta’ Ġesù u b’xi mod jew ieħor insibu wkoll imsemmi l-kefen, il-liżar jew il-faxex li fih jew fihom kien imkeffen Kristu. Araw sewwa x’jgħidlu dawn l-Evanġelji

Ġużeppi ħa l-ġisem u keffnu f’liżar nadif [San Mattew 27. 59]

Dan (Ġużeppi) xtara liżar tal-għażel, niżżel lil Ġesù mis-salib, keffnu fil-liżar u qiegħdu f'qabar imħaffer fil-blat; imbagħad gerbeb ġebla fid-daħla tal-qabar. [San Mark 15:46] 

(Ġużeppi) niżżlu mis-salib, keffnu f'liżar, u qiegħdu f'qabar maqtugħ fil-blat, li fih kien għadu ma tqiegħed ħadd. [San Luqa 23:53] 

Dawn it-tnejn (Ġużeppi minn Arimatija u Nikodemu) ħadu l-ġisem ta' Ġesù u kebbewh bil-faxex tal-għażel bil-fwejjaħ, kif soltu jagħmlu l-Lhud qabel id-difna. [San Ġwann 19:40]

Kemm-il darba smajniehom dawn is-siltiet mill-Evanġelji l-aktar fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa. Il-ħsieb tiegħi llum huwa dwar dak il-liżar jew aħjar il-kefen li jissemma f’dawn is-siltiet tal-Evanġelji. Mhux l-intenzjoni tiegħi li nidħol f’dak li jirrigwarda l-fidi, min isegwi l-artikli tiegħi jaf li dawn ikunu ta’ xejra kulturali jew informattiva u mhux ta’ laqta reliġjuża, biss ngħid mill-ewwel li jekk bniedem jemmen jew ma jemminx li dan il-liżar huwa tabiħaqq il-liżar li fih tkeffen Ġesù Kristu, la jnaqqas u lanqas iżid il-fidi ta’ dak li jkun. Naħseb indunajtu li ser nikteb dwar il-kefen li jinsab fil-katidral ta’ Turin fl-Italja. Dan huwa biss relikwa, tassew relikwa mill-aktar għażiża għall-Knisja iżda bl-ebda mod ma jorbot lil ħadd jemme li huwa awtentiku. Iżda tajjeb inkunu jafu xi ħaġa dwaru.

Nemmen li lkoll xi darba jew oħra smajna bil-liżar li jinsab ġewwa l-belt ta’ Turin li jingħad li huwa l-istess liżar li Ġużeppi minn Arimatea keffen il-ġisem ta’ Kristu mejjet fih. Mhux kulħadd jaqbel ma’ dan. Dan in-nuqqas ta’ qbil mhux xi ħaġa tal-lum imma kien argument ta’ dibattitu u kontroversji matul is-snin. Dawn il-kontroversji kienu jqumu l-aktar minħabba l-fatt li relikwi simili għal dan ta’ Turin kienu jinstabu  fost oħrajn f’Besançon u Cadouin fi Franza kif ukoll f’Xabregas fil-Portugall. Hu x’inhu,  jibqa’ l-fatt li l-liżar ta’ Turin dejjem kien l-aktar wieħed famuż.

Ftit storja
Id-dokumentazzjoni li titratta dan il-liżar tista’ titqies awtentika biss min-nofs is-seklu XIV ‘l quddiem, madanakollu t-tiftix storiku, xjentifiku, ikonografiku u arkeologiku jgħinna nibnu l-istorja ta’ dan il-liżar kemm jista’ jkun korretta. Fis-sena 544 fil-belt ta’ Edessa, li llum hija magħrufa bħala Urfa jew Şanlıurfa fix-Xlokk tat-Turkija, kienet tinsab xbieha straordinarja “mhux magħmula bl-idejn”. Bosta esperti jqisu li din id-deskrizzjoni tirreferi għall-liżar. Tajjeb ngħidu li f’dak iż-żmien il-liżar li qed insemmu kien mitwi b’mod li l-wiċċ biss kien jidher. Fis-sena 944 din ix-xbieha kienet meħuda Kostantinopoli, fejn għall-ewwel darba nsibu riferenzi għal-liżar li fih tkeffen Kristu. Fl-1204 il-kavallier Robert de Clari kiteb li fl-assedju ta’ Kostantinopoli sparixxiet mill-belt sakemm fl-1353 dan il-liżar instab ġewwa Lirey, fi Franza, għand Geoffrey de Charny. Sewwa sew mitt sena wara, Margaret de Charney ċediet din ir-relikwa lid-Duka Luwigi I ta’ Savoia, li huwa żamm f’ Chambéry. Fl-1506 il-Papa Ġulju II ta l-awtgorità li tibda ssir il-venrazzjoni ta’ dan il-liżar. Kien l-4 ta’ Diċembru, 1531 meta nar qawwi ħakem il-kappella ta’ Chambéry, propju fejn kien jinsab il-liżar, magħluq f’kaxxa tal-fidda. In-nar tant kien qawwi li dewweb xi ftit mill-fidda tal-kaxxa, tant li taqtira fidda waqgħet fuq il-liżar li kien mitwi u taqbitu. Sentejn wara s-sorijiet tal-istess belt raqqgħu t-toqob li din it-taqtira fidda kienet għamlet fil-liżar.

Minn Franza għall-Italja
Kien Emanuele Filiberto ta’ Savoia li ħa l-liżar minn Franza għall-Italja, propjament f’Turin fl-1578. Fl-1694 il-liżar kien imqiegħed fil-kappella tal-palazz irjali ddisinjata mill-abbati Guarino Guarini. Kien fl-1898 li inġibed l-ewwel ritratt tal-liżar minn Secondo Pia u fl-1973, sewwasew fit-23 ta’ Novembru, deher għall-ewwel darba fuq it-televiżjoni. L-istudji xjentifiċi baqgħu dejjem għaddejjin u fl-1988 ittieħdet parti mil-liżar għal aktar stħarriġ fuqu.

Il-kappella li kien fiha kellha bżonn ta’ restawr u fl-24 ta’ Frar, 1993 il-liżar sab ruħu fuq l-altar maġġur tal-katidral ta’ Turin. Ftit qabel dan ir-restawr kien lest, bejn il-11 u t-12 ta’ April, 1997 il-kappella tal-liżar inħakkmet min-nirien qawwija. Il-pumpiera ta’ Turin irnexxielhom isalvaw il-liżar min-nirien u jumejn wara l-kummissjoni responsabbli mill-liżar iddikjarat li l-ebda ħsara ma kienet saritlu.

Din hija biss daħla dwar dak li wieħed jista’ jikteb fuq dini r-relikwa għażiża. Billi hemm ħafna x’wieħed iżid, jekk Alla jrid bħal-lum ġimgħa nkompli ngħid xi ħaġa fuq dan il-kefen interessanti.

Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Marzu 2020

Nessun commento:

Posta un commento