venerdì 3 luglio 2020

Monument


Kull nazzjon li jeżisti fid-dinja għadnu xi ġrajja jew ġrajjiet importanti li jixraq li titfakkar. Kull pajjiż ukoll għandu nies importanti li wkoll ikun jixraq li jfakkar. Ħafna drabi dawn jibqgħu mfakkra permezz ta’ xi monument. Dan l-aħħar bdejna nisimgħu ħafna argumenti dwar xi monumenti anke f’pajjiżna.
Biex ħadd ma jinsa
It-tempji tal-Gġantija
Monument jista’ jkun xi binja antika. Jingħad li t-tempji megalitiċi li għandna f’pajjiżna, Ħaġar Qim, l-Imnajdra u l-Ġgantija huma l-eqdem bini wieqaf li hawn fid-dinja. Stonehenge li huwa bini li jixbaħ lil dawn it-tliet binjiet li semmejt ukoll hu qadim, imma dawk li nsibu fil-gżejjer tagħna aktarx li twaqqfu madwar seba’ mitt sena qabel. Hawn min jgħid li l-eqdem bini huma l-piramidi, imma anke l-forma turik liema ġie l-ewwel. Intant ma noqgħodux nidħlu f’polemiċi. Dawn il-binjiet huma kollha monumenti qodma li llum għadna ngawduhom għax kienu kkonservati meta nstabu.

Arkati u bibien
Il-bieb ta' Ħaż-Żebbuġ
Hemm monumenti li jfakkru xi ġrajja importanti. Ir-Rumani kienu jħobbu jibnu xi ark biex ifakkru xi gwerra li ntrebħet jew xi persuna famuża. Għadna nistgħu naraw minn dawn l-arkijiet mhux biss fil-belt kapitali tad-dinja Rumana, Ruma, Caput Mundi, imma madwar id-dinja kollha. Fost l-aktar popolari hemm dak ta’ Pariġi, msejjaħ Arc de Triomphe li nbena propju biex ifakkar rebħa li kien wettaq Napuljun Bonaparti fl-1806. Bieb ieħor magħruf sewwa, li tlesta qabel dak ta’ Pariġi huwa dak magħruf bħala Brandenburg Gate fil-belt Ġermaniża ta’ Berlin. Dan tlesta fl-1791. Ma nistax ma nsemmix ukoll dak li nsibu fi Brusell fil-Belġju, hekk imsejjaħ Arcade du Cinquantenaire, li l-bini tiegħu tlesta fl-1905.

Malta wkoll nistgħu niftraħru b’bibien jew arki bħal dawn. Ejjew inħallu barra dawk li nsibu mas-swar tal-Imdina, tal-Kottonera u tal-Belt Valletta. Kemm Ħaż-Żebbuġ kif ukoll Ħaż-Żabbar huma żewġt ibliet Maltin li jistgħu jiftaħru li biex ifakkru li l-Gran Mastri Rohan u Hompesch rispettivament tawhom isimhom, bnew dawn iż-żewġ bibien sbieħ li għadna ngawduhom sal-lum.

Personaġġi
Imbagħad hemm monumenti oħra li juru personaġġi li jkollhom xi rabta mal-pajjiż. Malta nistgħu ngħidu li aħna wkoll għandna numru mhux ħażin minn dawn il-monumenti. Tassew li ġieli kellhom jgħaddu snin biex  Sar xi momument li min tant kien jixraqlu imma aħjar tard milli qatt.

Personaġġ li tassew inħoss li pajjiżna qed jonqos bil-kbir miegħu huwa Dun Gioanello Cilia, li fit-23 ta’ Ġunju 1556, meta l-Forti Sant Iermu waqgħet f’idejn it-Torok, dan spiċċa maqtul minnhom. Dan ma kienx membru fil-milizja, ma kienx suldat imma kien il-Kappillan ta’ Ħal Qormi li dak iż-żmien Sant Iermu kien jagħmel parti minnu. Dan ħass li kellu jkun hemmhekk jassisti spiritwalment lil dawk li kienu qed jiġġieldu għall-fidi fuq it-territorju tal-parroċċa tiegħu. Għaddew 455 sena u lanqas irħama ma hawn tindika lil dan l-eroj u martri. Ħaġa bħal din għandha tħammar wiċċ min hu nkarigat mill-patrimonju Malti.

Kontroversji
Hawn min il-kontroversi jikolhom aktar minn biċċa ħobż biż-żejt fejn xatt il-baħar. Minn żmien għal żmien fuq din in-nitfa ta’ blata jkun hawn min jiċċaqlaqlu fuq xi ħaġa. Ġieli smajna xi psewdo storiku jgħid li għandna nneħħu l-George Cross minn fuq il-bandiera Maltija. Kull meta sar xi stħarriġ dwar dan l-argument, dejjem kien hemm aktar minn disgħin fil-mija li ma jaqblux ma’ din il-ħaġa għax dak huwa unur għalina lkoll, mhux biss għan-nanniet jew bużnanniet tagħna li mietu fil-gwerra imma għalina wkoll biex niftakru li l-qlubija tal-ġens Malti kienet ippremjata minn sultan barrani wkoll. U issa qed nisimgħu biex il-monument tar-Reġina Vittorja jitneħħa minn Pjazza Reġina. Se ndumu nilgħabu ċess bil-monumenti? Tas-Sette Giugno qallajnih u dak tal-Gran Mastru Vihena, stordejnih. (dan minn Manuel Island sab ruħu f’nofs il-pjazza li llum tissejjaħ Reġina fil-B elt Valletta, imbagħad ħaduh quddiem il-Mall il-Furjana sakemm kellu jwarrab biex postu jieħdu l-monument tal-Indipendenza.) Niskanta kif hawn min kollox jagħtih fastidju, anke statwa ta’ Reġina. Jien kieku ddejjaqni, meta nidħol il-Belt ngħaddi minn hemm bla ma nħares lejha. Mhux għax fil-verità minkejja li ma tagħtinix fastidju fejn qegħda, xi darba waqaft niċċassa lejha!

Ħsara
Dan l-aħħar smajna u rajna li waqt protesti barra minn Malta saru xi ħsarat lil xi monumenti. Aktarx li dawn il-monumenti kellhom rabta ma’ persuni li b’xi mod kienu marbutin mal-iskjavitù fl-Amerika. Ma rridx nidħol fil-kwitjoni kif bdew il-protesti u sebaħ u dalam.
Meta waqa’ l-Komuniżmu fl-Ewropa tal-Lvant konna rajna xeni bħal dawn. Niftakar kont mort l-Ungerija ftit snin wara l-waqa’ tal-komuniżmu. Dawn biex ma jħallux momumenti ta’ żmien il-Komuniżmu mżerdin mal-pajjiż kollu, bil-periklu li fuqhom isiru atti ta’ vandaliżmu, ġabruhom kollha fi pjazza waħda u ħolqu mużew apert.

Li rrid ngħid jien huwa li pajjiżna għandu storja twila, u mhux lakemm naqbdu nneħħu kif ġie ġie għax inkunu qed nagħmlu ħafna ħsara.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 4 ta' Lulju 2020


Nessun commento:

Posta un commento