venerdì 13 novembre 2020

Simbolu


Fil-ħajja tagħna l-bnedmin nużaw jew niltaqgħu ma’ għadd ta’ simboli li jifhimhom kulħadd mingħajr ħtieġa ta’ spejga. Simbolu mhux biss sinjal imma huwa wkoll disinn jew oġġett li bla ma trid, xħin tarah moħħok jiftakar f’xi ħaġa jew f’xi ħadd.

Etimoloġija

Tajjeb qabel xejn naraw minn fejn ġejja l-kelma Simbolu u x’tifsira għandhom il-kliem li ġejja minnhom. Il-Latin juża l-kelma “simbŏlum”, u din ġejja mill- Grieg “σύμβολον” (simbolon) li hija kelma ffurmata minn żewġ kelmiet, “Sin”, li tfisser “flimkien” u “Bollon” li tfisser “tpoġġi” jew “titfa’ “. Għalhekk Simbolon u l-kliem kollu li joħroġ minnha, tfisser tpoġġi flimkien jew inkella tgħaqqad. Fil-fatt simbolu jgħaqqad grupp ta’ nies flimkien. Per eżempju partit politiku għandu l-arma tiegħu li l-membri tiegħu jaċċettaw bħala s-simbolu komuni li jgħaqqadhom flimkien. L-istess ngħidu għal għaqdiet oħra, soċjetajiet ta’ kull tip, mużikali, kulturali jew reliġjużi għandhom xi simbolu li jgħaqqadhom.

Sinjali

Simbolu li kulħadd jifhem

Is-simbolu mhux sinjal għalkemm jista’ jkun hemm xi sinjali li jinftehmu minn kulħadd bla ebda sforz. Nieħdu s-sinjali tat-traffiku. Dawn jinftehmu minn kull min isuq, jew tal-anqas hekk suppost. Jekk tara tabella tonda ta’ lewn aħmar b’faxx orizzontali abjad f’nofsha, f’moħħok mill-ewwel jiġi l-ħsieb li minn dik it-triq ma tistax tgħaddi bil-karozza. Dan is-sinjal huwa xi ħaġa internazzjoanli, tkun fejn tkun fid-dinja dan is-sinjal jindika l-istess ħaġa. U bħal din it-tabella huma s-sinjali tat-traffiku kollha.

L-istess nistgħu ngħidu għal xi sinjali oħra bħal dawk li jindikaw xi post għall-ikel, jew il-kamra tal-banju. Bħalissa billi għaddejjin minn żmien tal-pandemija qed naraw għadd ta’ sinjali bħal dawk biex naħslu jdejna, nagħmlu s-sanitizer, inżommu d-distanza soċjali jew biex ma nieħdux b’idejn xulxin. Dawn is-sinjali kulħadd jaf xi jfissru bla ebda ħtieġa ta’ spjegazzjoni.

Id-differenza bejn simbolu u sinjal hu li ħadd ma jħossu li jappartjeni għal xi sinjal filwaqt li simbolu bosta drabi huwa mod ta’ għaqda.

Simboli reliġjużi

Bħalma diġà għidt, jeżistu wkoll simboli reliġjużi L-istilla ta’ David, stilla kaħla b’sitt ponot hija simbolu tal-poplu Lhudi u fil-fatt insibuha fuq il-bandiera tal-istat ta’ Israel. Is-salib huwa s-sinjal tal-Kristjani, mhux biss dawk ta’ Rit Ruma jew Ortodoss imma ta’ kull min jemmen fi Kristu b’ eċċezzjoni ta’ xi setta li ma taċċettax is-salib bħala simbolu tal-fidi tagħha. L-istess il-qamar u l-istilla b’ħames ponot, dan huwa s-simbolu tal-fidi Musulmana. Kemm is-salib kif ukoll il-qamar u l-istilla nsibuhom fuq xi bnadar ta’ xi nazzjonijiet. Fost oħrajn anke l-bandiera ta’ pajjiżna fiha simbolu tas-salib fuqha għalkemm ma huwiex marbut mal-fidi Nisranija. Bnadar bis-salib, li wkoll ma għadhomx rabta mal-fidi, hemm bosta. Ħaġa li dejjem saħħritni hi li n-naħa tal-Iskandinavja hemm il-bnadar kollha li fihom is-salib; Danimarka, Svezja, Norveġja, Finlandja u l-żlanda. Issa li bdejna bil-bandar tajjeb insemmu wkoll li f’xi pajjiżi Musulmani nsibu l-bandiera bil-qamar u l-istilla bħalma huma dawk tat-Tuneżija, l-Alġerija u t-Turkija fost oħrajn. Wara kollox anke bandiera hija simbolu ta’ poplu.

Simboli reliġjużi

F’reliġjonijiet Orjentali nsibu simboli reliġjużi wkoll. Il-Yin-yang huwa simbolu ta’ reliġjon antika Ċiniża li llum jintuża wkoll f’xi arti marzjali. Fil-Buddiżmu, l-Induiżmu u reliġjonijiet Indjani oħra nsibu d-Dharmachakra li tixbaħ ir-rota li ddawwar it-tmun tax-xwieni. Dawn ma humiex is-simboli waħdanin f’dawn ir-reliġjonijiet bħalma għall-Insara mhux is-salib biss huwa simbolu tal-fidi, imma aktarx huma l-aktar popolari.

Simboli li lkoll nużaw huma dawk li jindikaw il-munita ta’ xi pajjiż. Dawk il-Maltin li resqin jew qalbu l-ħamsin sena jiftakru li konna nużaw tliet simbolu għall-munita tagħna: £, Lm u issa €. Simbolu mill-aktar famuż fil-qasam monetarju huwa dak li jindika d-dollaru: $.

Persuna bħala Simbolu

Che Guevara
Ġieli nsibu persuni li saru simbolu. Mahatma Ghandi huwa s-simbolu tal-ħelsien għall-Indja bħalma Nelson Mandela huwa għall-Afrika ta’ Isfel. Martin Luther King huwa s-simbolu tal-ugwaljanza għall-persuni b’ġilda skura fl-Amerika. Dawn huma persuni li tabilħaqq huma simbolu għall-popli li ġawdew minn ħidmiethom imma huma wkoll ikoni magħrufin madwar id-dinja kollha. Persuna simbolu wkoll hija l-figura kontraversjali ta’ Che Guevara, l-Arġentin li sar simbnolu tal-bniedem revoluzzjonarju.

Attenti

Tajjeb li noqgħodu attenti u ma nagħmlu xejn li jweġġa’ s-sentimenti ta’ ħaddieħor. Jekk naraw simbolu li għalina ma jfisser xejn għal ħaddieħor għandu mnejn ikun ifisser ħafna. Huwa għalhekk li liġi li tipprojbixxi simboli reliġjużi hija ħażina għax simbolu huwa xi ħaġa intima ta’ grupp jew entità partikolari, ta’ moġġoranza jew ta’ minoranza. F’soċjetà li tiftaħar b’ugwaljanza u aċċettazzjoni anke ta’ individwi ma tistax taċċetta li tneħħi simbolu li forsi jkun ilu mijiet jew eluf ta’ snin jirrapreżenta poplu.

Tajjeb li nibżgħu għall-minoranza imma bla ma nikkalpestaw lill-maġġoranza.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 14 ta' Novembru 2020




 

 

Nessun commento:

Posta un commento