sabato 11 novembre 2023

Il-Bronx

 

Forsi ftit huma dawk minna li jafu xi jkun dan il-Bronx, allura nfiehem mill-ewwel. Bronx huwa medda ta’ art fi New York li fiha ftit aktar minn mitt kilometru kwadru u li fiha joqgħodu madwar miljun u nofs ruħ. Mela biex nifthemu aħjar ikollna ngħidu li f’medda ta’ terż tal-art ta’ Malta joqgħodu tliet darbiet il-popolazzjoni ta’ pajjiżna. Biex dan ikun possibbli ried jinbena bini għoli.

Il-bidu

Il-kelma "Bronx" ħareġ biha Jonas Bronck imwieled l-Iżvezja u emigra lejn l-Amerika. Huwa waqqaf l-ewwel insedjament Ewropew fiż-żona bħala parti mill- kolonja ta’ New Netherland fl-1639. Il-kolonji Ewropej ħadu post, u art, l-indiġeni Lenape wara l-1643. Fis-sekli 19 u 20, il-Bronx beda jilqa’ fih  ħafna gruppi ta’ immigranti u ġie mibdul f’komunità urbana ffurmata minn barranin, l-ewwel minn pajjiżi Ewropej partikolarment l-Irlanda, il-Ġermanja, l-Italja u l-Ewropa tal-Lvant  u aktar tard mill-Puerto Rico, Trinidad, Ħaiti, Gujana, Ġamajka, Barbados u r- Repubblika Dominikana kif ukoll immigranti mill-Afrika tal-Punent, l-aktar mill-Ghana u n-Niġerja u migranti Afrikani Amerikani min-Nofsinhar tal-Istati Uniti. Il-Bronx huwa l-ifqar distrett mill-15 li nsibu fi New York.

Il-Bronx ta' New York
Il-Bronx kien jissejjaħ Rananchqua minn dawk li kienu jgħixu fil-qrib filwaqt li Amerikani oħra kienu jsejħu l-Bronx bħala Keskeskeck. Il-Bronx ta’ New York huwa maqsum mix-Xmara Aquahung li issa saret magħrufa bħala x-Xmara Bronx. L-istorja tal-Bronx matul is-seklu 20 tista' tkun maqsuma f'erba' perjodi: perjodu ta’ tkabbir fin-numru ta’ residenti bejn l-1900 u l-1929, bi tkabbir tal-popolazzjoni minn 200,000 fl-1900 għal 1.3 miljun fl-1930. Is-snin tad-Depressjoni l-Kbira u wara t-Tieni Gwerra Dinjija raw tnaqqis fit-tkabbir li wassal għal tnaqqis sostanzjali ta’ residenti. Minn nofs is-seklu 20 sal-aħħar tas-seklu kienu żminijiet diffiċli, hekk kif il-Bronx inbidel matul l-1950 u l-1985 minn żona li fiha joqgħodu nies bi dħul moderat għal żona ta’ residenti bi dħul aktar baxx u b'rati għoljin ta' kriminalità vjolenti u faqar f'xi żoni. Il-Bronx ra qawmien ekonomiku u żvilupp li beda fl-aħħar tas-snin tmenin li għadu sejjer sal-lum.

Kriminalità

Il-kriminalità organizzata ilha assoċjata mal-Belt ta’ New York u taf fil-bidu tagħha mill-gruppi tal-Forty Thieves u tal-Roach Guards fiż- żona ta’ Manhattan għall-ħabta tas-sena 1820. Fis-snin sebgħin tas-seklu li għadda, il-Bronx kien lokal b’rata għolja ta’ kriminalità. Spiss kont tisma’ bi qtil, kummerċ tad-droga u ħruq. Dan il-lokal kien meqjus bħala wieħed mill-aktar perikolużi fid-dinja. Illum, iżda, dan m’għadux il-każ, u ġeneralment mhux ta’ riskju li tmur tara l-Bronx u tara kif din iż-żona inbidlet. Biss huwa fatt magħruf li fejn ikun hemm konċentrazzjoni daqstant kbira ta’ nies, fejn it-taħlit ta’ diversi kulturi huwa xi ħaġa li ma tistax tkun evitata, fejn insibu nuqqas ta’ spazju għad-divertiment u għall-mistrieħ, il-kriminalità ma hijiex xi ħaġa rari.

Napli

Il-Bronx ta' Napli
Meta kont ngħix Napli spiss kont nikteb dwar din il-belt li fiha żewġt uċuħ, fiha l-lussu, is-sabiħ, il-barokk u fiha l-faqar, il-ħmieġ u fiha wkoll il-kriminalità. Dak iż-żmien kont niffrekwenta parroċċa fi kwartier li jġib l-isem ta’ San Giovanni a Teduccio. Jgħidu li hawn huwa wieħed mill-aktar postijiet li tiffjorixxi l-Camorra, li għal dawk li ma jafux x’inhi ngħidilhom li hija l-Mafia Naplitana. Hawn ukoll hawn żona magħrufa bħala l-Bronx. Għad li ma hijiex kbira bħal dak ta’ New York, fiha bejn wieħed u ieħor l-istess ambjent: faqar, taħlit u kriminalità. L-appartamenti tal-Bronx ta’ Napli kienu ġew mibnija biex jakkomodaw lil dawk li ma setgħux jixtru dar. Minħabba n-nuqqas ta’ kontrolli u tmexxija ħażina matul is-snin, dawn l-appartamenti kienu saru rigal għall-Camorra. Fil-Bronx ta’ San Giovanni a Teduccio, is-Silenzios (isem ta’ waħda mill-friegħi tal-Camorra) kienu sfurzaw familji sħaħ, anke jekk kienu jokkupaw xi appartament b’mod leġittimu, biex iħallu dawk id-djar biex b’hekk jagħmlu spazju għall-ħbieb tagħhom, u hekk setgħu jibnu fortizza minn fejn iwettqu l-attivitajiet illeċiti tagħhom. Illum hemm aktar kontroll, imma l-Bronx ta’ San Giovanni jibqa’ dejjem post li mhux ta’ min jiċċajta miegħu.

U pajjiżna

Malta
Qabel f’Malta kellna l-kerrejjiet. Il-housing soċjali ħoloq il-housing estates u bdejna aħna wkoll ikollna taħlit soċjali, biss qatt ma kellna kriminalità organizzata fihom bħalma kien hemm fil-Bronx ta’ New York jew ta’ Napli.

Biss, bil-bini sfrenat li qed naraw dawn iż-żminijiet f’pajjiżna, wisq nibża’ li resqin lejn sitwazzjoni xejn sabiħa. Meta l-bini jogħla ’l fuq u kważi kważi r-raġġi tax-xemx lanqas imissu mal-art tat-triq, inkunu qed noħolqu Bronx. U Bronx fih il-problemi tiegħu, anzi fih ħafna problemi. Għadna fi żmien li niftħu għajnejna jew diġà tard wisq?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -11 ta' Novembru 2023




Nessun commento:

Posta un commento