“U ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u ara, kollox kien tajjeb ħafna […]” (Ġen 1, 31) Hekk insibu mniżżel fl-ewwel kapitlu ta’ l-ewwel ktieb tal-Bibbja, wara l-ħolqien Alla ra li kollox kien f’ postu, kollox kien kif għandu jkun. Imma kemm nistgħu ngħidu li llum għadu kollox f’ postu? Kemm nistgħu ngħidu llum li fid-dinja hawn kollox tajjeb ħafna? Veru li Alla ħalaq il-bniedem u tah id-dritt li jikkmanda l-art, iżda l-bniedem minbarra li kkmanda l-art, abbuża minnha, sfruttaha, u f’mumenti wkoll ħarbatha.
Dan kollu għandna neħduh bħala sinjal. In-natura qed turina li hemm xi ħaġa li mhux sejra sewwa. Il-makkinarju għandu bżonn l-attenzjoni! L-ingranaġġi qed jitgerfxu f’ xulxin! Qegħda turina biċ-ċar li hemm bżonn nagħmlu xi ħaġa għax l-affarijiet ma għadhomx kif kienu. U bla ma rridu nieqfu naħsbu ftit u ngħidu “Imma jien waħdi x’ nista’ nagħmel?” Hemm x’ wieħed jagħmel, l-importanti li dak li wieħed jista’ jagħmel jagħmlu. U nagħti ftit eżempji: Jekk mhux ser nuża l-kompjuter għal tul ta’ ħin, nitfih u nerġa nixgħelu meta jkolli bżonnu, jekk hemm vit iqattar insewwih mill-ewwel, jekk ser noħrog mill-kamra nitfi d-dawl, jekk sejjer il-belt u ma għandix għaġla paritikolari immur bil-mezzi pubbliċi u mhux bil-karozza tiegħi. U la qiegħed insemmi l-karozzi tajjeb hawnhekk insemmi din l-esperjenza tiegħi. Għal bosta snin kont naħdem f’ uffiċċju f’ qasam industrijali. Maġenb l-uffiċċju kien hemm, (u għadha hemm) fabbrika li tħaddem eluf ta’ persuni. Ta’ kuljum kont nara mijiet kbar ta’ karozzi ipparkjati barra l-fabbrika. Il-maggoranza ta’ dawn il-karozzi kienu jservu biss biex iwasslu persuna waħda. Jekk isir ftehim bejn żewġ persuni u wieħed jagħddi għall-ieħor jonqsu żewġ problemi: il-problema tal-parkeġġjar u l-problema ekoloġika.
Forsi hemm min ma jinteressaħx mill-problema ekoloġika, imma jekk wieħed jaħseb ftit, jara li jekk jieħu xi miżuri ta’ din il-kwalità, anke butu jgawdi. Ma nisewx x’ jgħid il-Malti, bil-qatra l-qatra tintela’ l-ġarra, u jien ngħid ukoll li bil-qatra l-qatra wkoll din l-istess ġarra tiżvojta.
Reno Muscat OP
awwissu 2007

Nessun commento:
Posta un commento