domenica 2 dicembre 2012

Ġojjelli ta’ arti u storja fil-belt ta’ Napli


                      
Meta wieħed ikun qiegħed idur il-belt ta’ Napli bla ma jrid jintebaħ bl-għadd ta’ knejjes li jinstabu f’ din il-belt antika u sabiħa. Forsi wieħed jistaqsi kif f’ Napli insibu dawn il-knejjes kollha. Tajjeb niftakru li għal bosta snin din il-belt kienet imperu. Ma rridux naħsbu fuq Napli u fuq l-Italja tal-lum imma rridu nġibu quddiem għajnejna s-sitwazzjoni qabel l-unifikazzjoni tal-Italja, fl-1861, meta allura Napli kienet il-kapitali tar-renju taż-żewġ Sqalliji, (Regno delle Due Sicilie). F’ din il-belt kapitali bosta ordnijiet reliġjużi kif ukoll id-djoċesi ħasbu biex jibnu knejjes sbieħ u jimlewhom bl-aqwa opri tal-arti. Illum dawn il-knejjes huma ġojjelli ta’ arti li jirrakkuntaw ukoll storja glorjuża. Ejjew naraw ftit xi wħud mill-aktar knejjes popolari li nsibu f’ din il-belt meraviljuża, knejjes li għenu sabiex din il-parti tal-belt issir wirt tal-umanità, iddikjarata mill-UNESCO fl-1995.
Id-duomo San Ġennaro
Ma nistgħux nibdew jekk ma nsemmux lil San Ġennaro u d-duomo iddedikat lilu sewwasew fiċ-ċentru tal-belt. Biex ngħidu s-sewwa dan il-kattidral huwa ddeidikat lill-Assunta imma l-ebda Naplitan ma jgħidlek dan għax kulħadd jafu bħala d-duomo ta’ San Ġennaro. Dan il-kattedral huwa mibni fuq il-fdalijiet ta’ żewġ knejjes qodma u nbena fis-seklu tlettax. Minbarra l-bosta opri artistiċi li nsibu hawnhekk insemmu biss il-kappella ta’ San Ġennaro fejn insibu bosta opri tal-arti kemm bħala pittura kif ukoll bħala skultura fil-fidda. F’ din il-kappella hemm mizmuma l-aktar relikwija għażiża għan-Naplitani, l-urna bid-demm ta’ San Ġennaro li jdub kull l-ewwel sibt ta’ Mejju u fid-19 ta’ Settembru waqt li jiġi esebit lill-pubbliku. Meta dan id-demm ma jdubx in-Naplitani jemmnu li jkun ġej l-inkwiet fuq belthom. Faċċata ta din il-kappella nsibu kappella oħra sabiħa fejn fiha hemm il-fdal ta’ santa Restituta. F’ dan il-kattidral hemm ukoll l-oqbra tal-Papa Innoċenż IV u tas-Sultan Karlu l-ewwel ta’ Napli.
Mhux bogħod wisq mill-kattidral insibu il-Knisja ta’ San Paolo Maggiore. Din hija knisja barokka mibnija fuq il-fdal ta’ tempju pagan iddedikat lil Dioskuri. Fl-1538 din il-knisja għaddiet f’idejn it-Teatini, ordni ta’ kanoniċi regulari imwaqqfa minn San Gejtanu. Dawn bnew mill-ġdid din il-knisja fil-forma li għandha llum. Din il-knisja inlaqtet mill-bombi tal-allejati fl-1943. Dakinhar intilfu bosta affreski antiki u minkejja li l-knisja reġgħet inbniet, il-ħsara artistika mitlufa hija waħda irreparabbli. Xorta waħda għad fadal fiha bosta opri tal-arti li mhux ta min jitlef l-okkażjoni li jarahom. Taħt din il-knisja insibu l-kripta sabiħa li fiha il-fdal ta’ San Gejtanu. Il-qabar huwa tal-irħam abjad mill-isbaħ. F’ din il-kripta jista wkoll isir quddies fuq il-qabar ta’ dan il-qaddis.
Quddiem San Paolo Maggiore insibu il-Bażilika ta’ San Lorenzo Maggiore. Hija knisja sabiħa li mhux ta’ min ma jżuriex. L-istil arkitettoniku tagħha huwa wieħed xi ftit differenti mill-knejjes l-oħra li semmejna sa issa imma hemm biċċiet ta’ arti rinaxximentali li jkun dnub li wieħed jgħaddi minn hemm bla ma jarahom.

San Domenico Maggiore
Qrib insibu il-bażilika ta’ San Domenico Maggiore. Din hija waħda mill-aktar knejjes importanti mill-punt storiku u artistiku. Hija knisja kbira ħafna u fiha għadd ta’ kappelli laterali. F’ kappella minnhom insibu is-salib li jingħad li kellem lil San Tumas ta’ Akwinu. Is-saqaf tal-knisja huwa tal-injam u għandu stil tassew sabiħ. Fis-sagristija tal-knisja insibu l-fdalijiet tas-sovrani aragoniżi. Interessanti l-fatt li f’ din is-sagristija insibu midfun lil Richard Luke Concanen, l-ewwel isqof kattoliku ta’ New York. iL-knisja hija msebbħa b’ għadd kbir ta’ opri artistiċi.

Viċin ta’ San Domenico insibu il-kappella magħrufa bħala ta’ Sansevero. F’ din il-kappella barokka insibu numru kbir ta’ opri artistiċi fosthom skultura fl-irħam. Ma nistgħux ma nsemmux l-istatwa ta’ Cristo velato. Minkejja ċ-ċokon tal-kappella l-għadd ta’ opri artistiċi huwa kbir ħafna.

Qrib ukoll insibu il-knisja ta’ Santa Kjara, knisja gotika li jmiss magħha għandha kjostru mill-isbaħ li ta’ min iżuru. Ftit passi bogħod insibu il-knisja Del Gesu Nuovo. Knisja kbira u sabiha iddedikata lit-Trinità imma magħrufa bħala Gesu Nuovo. Hija knisja kbira mimlija skultura, pittura u opri oħra tal-arti. L-irħam intarzjat li nsibu f’ din il-knisja jixhed b’liema devozzjoni kienu jzommu id-dar ta’ Alla in-Naplitani. F’ din il-knisja insibu l-fdalijiet ta’ San Giuseppe Moscati, it-tabib qaddis. Insibu wkoll mużew dwar dan il-qaddis ta’ żmienna

.
Piazza Plebbiscito
Ma nistgħux inħallu barra il-knisja ta’ San Franġisk ta’ Paola. Din il-knisja tagħmel parti mill-palazz irjali li jinsab sewwasew quddiem il-Knisja fi Piazza Plebbiscito. Din il-knisja neoklassika inbniet mir-re Federiku l-ewwel bħala ħajr lil dan il-qaddis talli reġa ħa f’ idejh ir-renju. Hija mibnija forma tonda u l-koppla tagħha hija għolja 53 metru. Fiha jsiru bosta tiġijiet u jekk wieħed ikun ixxutjat biżżejjed jista jekk ikun hemm xi tieġ jidħol iżurha.
Għamilna mixja ta’ mhux aktar min kilometru u nofs, jew tnejn, imma dak li żorna ħadna lura sekli sħaħ. Dawn huma ġojjelli ta’ arti u storja. Kull pass li wieħed jagħmel f’ dan il-knejjes ikun qiegħed jgħix l-istorja. Kull fejn taqa’ ħarstu ssib xi opra li warajha minn  jaf kemm-il storja, kemm-il- leġġenda, kemm-il wegħda hemm moħbija warajha. Napli, il-belt li darba kienet il-kapitali ta’ imperu llum għadha tista’ tiftaħar li għandha dawn il-ġojjelli ta’ storja u arti, ġojjeli li l-kliem ma jistax ifissirhom u l-kitba tista’ tnaqsilhom mill-glorja tagħhom għax huma wisq sbieħ biex tiddeskrivihom.

© Fr. Reno Muscat OP

Nessun commento:

Posta un commento