Fir-raħal tagħna nagħmlu festa lill-patrun tal-Belt Rohan, San Filep ta’
Agira, u bosta Żebbuġin iġibu isem il-patrun tar-raħal. Biss dan ma huwiex
l-uniku qaddis li jġib dan l-isem. Ha naraw ftit xi qaddisin oħra li wkoll
iġibu l-isem ta’ Filippu.
San Filippu Appostlu
Qaddis tal-ewwel seklu. Aktarx li dan Filippu twieled ġewwa Betsaida
fil-Palestina. Kien wieħed minn tal-ewwel li ssejjaħ minn Ġesù biex jimxi
warajh u għażlu bħala Appostlu. Aktarx li qabel ma mexa wara l-Mulej, kien
dixxiplu ta’ Ġwanni l-Battista. Minbarra dak li nsibu dwaru fl-erba’ Evanġelji,
it-tradizzjoni mhux dejjem taqbel dwar xi stejjer li jingħadu dwaru. Żgur li
xandar il-fidi ta’ Kristu ġewwa l-Friġja taħt l-Imperatur Domizjanu. Aktarx li
kien fil-Friġja stess li Filippu ħa l-martirju billi sallbuh rasu ’l isfel.
Il-knisja tiċċelebra l-festa ta’ dan l-Appostlu nhar it-3 ta’ Mejju flimkien
mal-Appostlu Ġakbu ż-żgħir.
San Filippu Benizi
San Filippu Neri
Filippu Neri twieled ġewwa Firenze l-Italja fis-sena 1515. Missieru kien
nutar u ċ-ċkejken Filippu studja biex jilħaq hu wkoll nutar. Ġewwa Firenze,
fil-kunvent Dumnikan ta’ San Marco kien hemm Fra Girolamo Savonarola li ħalla
influenza kbira fuq Neri. Kien influenzat ukoll mill-patrijiet Benedittini ta’
Montecassino. Ta’ tmintax-il sena ħalla Firenze u mar jgħix Ruma għal sbatax-il
sena fejn studja l-filosofija u t-teoloġija u ħadem bħala skrivan. Kien jikteb
ukoll għadd ta’ poeżiji. Fl-1538 huwa beda jaħdem maż-żgħażagħ ta’ Ruma u
waqqaf għaqda ta’ lajċi li kienu jiltaqgħu biex jagħmlu ħin ta’ adorazzjoni u
biex jgħinu lill-pellegrini u l-morda li jkunu Ruma. Filippu kien jgħaddi ħin
twil jitlob ġewwa l-katakombi ta’ San Bastjan fejn fl-1544 kellu estasi li
ħallietlu marka f’ ħajtu u f’ qalbu. Fl-1551 huwa kien ordnat saċerdot u beda
jgħix fid-dar ekklesjastika msejħa ta’ San Gilormu. Hemmhekk dlonk ħa fama ta’
konfessur tajjeb li kien jaf jaqra l-qlub.
Ix-xogħol maż-żgħazżagħ baqa’ jagħmlu minkejja x-xogħol l-ieħor kollu u
fl-1575 waqqaf il-Kongregazzjoni tal-Oratorju. Din il-kongregazzjoni bniet
knisja ġdida ġewwa Ruma li minkejja li isimha propja huwa Santa Maria in Vallicella, aktar hija magħrufa bħala Chiesa Nuova. Huwa miet fis-26 ta’ Mejju
tas-sena 1595 u jinsab midfun fil-knisja magħrufa bħala Chiesa Nuova f’ Ruma. Il-festa ta’ dan il-qaddis tkun iċċelebrata fis-26
ta’ Mejju.
San Filippu ta’ Ġesù
San Filippu
Howard
San Filippu Smaldone
Filippu twieled ġewwa Napli l-Italja fis-27 ta’ Lulju 1848. Minkejja
t-taqlib u l-instabilità politika, kif ukoll l-antiklerikaliżmu li kien
jirrenja f’ dawk is-snin ġewwa l-Italja, huwa għażel li jsir qassis. Minn meta
kien għadu s-seminarju huwa beda ħidma biex jgħin lill-morda bil-pesta kif
ukoll lill-muti u t-torox. Dak iż-żmien ma kienet teżisti l-ebda assistenza
soċjali għal nies bħal dawn. Kien infettat hu stess bil-pesta u hu stess kien
jgħid li kienet il-Madonna ta’ Pompei li salvatlu ħajtu. Fl-1871 kien ordnat saċerdot f’ Napli. Hu
ħalla belt twelidu u mar ġewwa Lecce fejn fl-1885, bil-għajnuna ta’ xi
sorijiet u ta’ Dun Lorenzo Aspicelia
fetaħ dar għat-torox. Din id-dar aktar il quddiem kellha ssir l-ewwel dar
tas-Sorijiet Sależjani tal-Qalb ta’ Ġesù, li twaqqfu minn Filippu stess. Huwa kompla l-ħidma tiegħu ġewwa Lecce fejn ħadem
ħafna mal-għomja u mal-orfni. Miet f’ Lecce stess nhar l-4 ta’ Ġunju 1923. Kien
beatifikat mill-Papa San Ġwanni Pawlu II u kkanonizzat minn Papa Benedittu XVI
fis-sena 2006. Il-festa tiegħu tkun iċċelebrata fl-4 ta’ Ġunju.
Hawn rajna xi wħud minn dawk il-qaddisin li jġibu l-isem tal-patrun tagħna
Filippu. Hemm bosta qaddisin u beati li kellhom dan l-isem, iżda hawn tajna
ħarsa ħafifa ta’xi qaddisin tul l-era kristjana kollha.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu dher fil-programm tal-Festa San Filep Ħaż-Żebbuġ 2017, maħruġ mill-Banda 12th May

Nessun commento:
Posta un commento