venerdì 21 luglio 2017

Social Street

Id-dinja li fiha ngħixu llum il-ġurnata waqqgħet kull limiti ta’ distanza grazzi għall-konnettività. Fid-dinja tal-lum id-distanza ftit li xejn għadha problema, iżda mill-banda l-oħra neħħiet il-ġost li wieħed jista’ jgawdi il-ħin veru, dak li jkun qed jiġri ħdejh, għax bosta drabi dak li jkun jaljena ruħu b’ dak li jkun qed isir xi mkien ieħor. Il-bniedem ta’ din id-dinja moderna ma għadux jiltaqa’ biex jieħu kafè mingħand il-ħanut tal-kanturniera jew mill-każin, il-ħaddiem tal-lum ma fadallux ħin biex jgħid kelmtejn fuq iz-zuntier jew fuq il-bank tal-injam li hemm fil-pjazza tar-raħal. Il-bniedem tat-tielet millenju ma għadux jaf min huma dawk it-talin li għandhom l-istess gosti tiegħu, dawk li jaħsbuha bħalu. Il-bniedem modern bilkemm jaf min huma l-ġirien tiegħu, dawk li jgħixu fl-istess żona tar-raħal tiegħu, lanqas jaf lin-nies kollha tat-triq tiegħu minkejja li tkun triq ċkejkna. M’ inix ngħaġġibha, ngħid għalija llum ma nafx in-nies kollha tat-triq li fiha twelidt u għext għal għexieren ta’ snin.

Isir l-ewwel pass
Ġewwa l-belt ta’ Bologna f’ Italja,

Federico Bastiani, ġurnalista lawrjat fl-ekonomija, induna li ibnu ma kellux ma’ min jilgħab il-ballun. Huwa ddeċieda li jgħin lil ibnu u mar fuq Facebook biex isib min jista’ jilgħab ma’ ibnu. Ovvjament, ma setax isib ħbieb għal ibnu li jkunu joqgħodu bogħod. Il-ħbieb riedu jkunu joqgħodu qrib kemm jista’ jkun. X’ għamel Bastiani? Ħoloq grupp fuq Facebbook, il-post per eċċellenza fejn jiltaqgħu l-bnedmin illum. Il-grupp kellu l-ħsieb li jkollu fih membri lil dawk li joqgħodu qrib tad-dar ta’ Bastiani. Kien Settembru 2013 meta twieled il-grupp  bl-isem Via Fondazza e Dintorni.  

Il-grupp ta’ din it-triq beda bi ftit membri iżda ma damx wisq ma kiber. Il-membri tal-grupp fl-aħħar ftehmu li jiltaqgħu u dawn il-laqgħat bdew isiru spiss. Mhux aktar laqgħat fuq il-komputer imma laqgħat f’ post komuni, f’ sala qrib it-triq tagħhom. F’ dawn il-laqgħat bdew jinqasmu l-ideat ta’ kreattività, suġġerimenti u fuq kollox laqqa’ ġirien li qatt ma kienu raw lil xulxin qabel. X’ dinja din hux? Ġirien li qatt ma jkunu raw lil xulxin minkejja li jkunu ilhom snin twal jgħixu fl-istess triq, forsi fl-istess blokk ta’ appartamenti! Iben Bastiani ma damx wisq ma sab ħbieb tamparu ma’ min jilgħab.

Idea li nxterdet
Dak li seħħ ġewwa Via Fondazza f’ Bologna ma baqax hemm biss. Hemm nibet il-ħsieb, hemm twieldet idea li nxterdet anke lil hinn mill-Italja. Fi ftit xhur fl-Italja kien hemm aktar minn 260 grupp ta’ Social Street. F’ Milan biss kien hemm aktar minn 7,000 persuna membru f’ xi grupp Social Street.

Hekk Facebbok, in-network soċjali li spiss ikun meqjuż bħala l-intrata għas-solitudni, sar il-benniena ta’ esperiment soċjali mill-aktar innovattivi, fejn minkejja li joħloq grupp virtwali, iwassal għal laqgħat soċjali verament, mhux biss virtwali imma laqgħat fejn bnedmin tad-demm u l-laħam iħallu darhom, iqumu minn fuq is-siġġu ta’ quddiem il-komputer u jiltaqgħu ma’ bnedmin tad-demm u l-laħam bħalhom. Social Street huwa x-xewa ta’ relazzjoni umana fiż-żmien il-Facebook. Social Street hija idea tassew sempliċi li ftit ftit qed isir idea rivoluzzjonarja. Social Street għandha mnejn tkun it-triq li treġġa’ lura lill-bniedem biex ikun soċjali bħalma kien qabel daħal l-internet fi djarna.

Tkompli tikber
Wara tliet snin u nofs mit-twelid tal-ewwel grupp Social Street, Federico Bastiani stqarr li fil-bidu ma kellux f’ moħħu li dan il-proġett se jkollu s-suċċess li kellu, ried jgħin lil ibnu u spiċċa biex jgħin lil bosta toroq. Bosta bliet u rħula qegħdin joħolqu gruppi Social Street li qed iħallu r-riżultat mixtieq.
M’ ilux kont f’ raħal qrib Avellino, raħal ta’ mhux aktar minn 3,500 abitant. Raħal fuq il-muntanji li minkejja li l-poplu għadu jiltaqa’ fil-pjazza u bosta mir-residenti għadhom imorru l-quddies kuljum, xorta nħass il-bżonn li jinbeda dan il-proġett. Illum ma tridx wisq risorsi biex twaqqaf grupp bħal dawn, l-għodda għandu kulħadd, li jkun jeħtieġ hija l-inizjattiva. F’ dan il-każ li qed insemmi, l-inizjattiva ħadha l-arċipriet tar-raħal. Kull triq għandha rappreżentant li joħloq grupp li fih jinkitbu l-ġirien. Bis-saħħa ta’ dawn il-gruppi, ħafna ġirien bdew isiru jafu lil xulxin aktar u bdew jgħinu lil xulxin. Jaqsmu bejniethom l-ideat u l-esperjenzi.

Ma nafx jekk Malta għandniex minn dawn il-gruppi, jista’ jkun li iva.

Meta kont għadni ngħix Bologna kont ngħaddi spiss qrib Via Fondazza. Min qatt kellu jgħidli li minn din it-triq kellha tinbet idea hekk sabiħa li tinxtered ma’ bosta partijiiet tal-Italja, u mhux biss, imma nake fl-Amerika qed jitwaqqfu gruppi bħal dawn. U f’ pajjiżna min se jieħu l-inizjattiva?


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon 22 ta' Lulju 2017


Nessun commento:

Posta un commento