venerdì 1 dicembre 2017

Ritratt

Qatt ġralkom bħali? Nistħajjilkom tgħidu: “Mela xi ġralu biex qiegħed jistaqsina?” Ma ġrali xejn speċjali, imma kont qed inqalleb f’kexxun u sibt ritratt ta’ bosta snin ilu. Ħarist lejh u ndunajt kemm tibdil sar; fija u żgur anke f’dawk sħabi li kien hemm f’dak ir-rirtatt, nies li ilni ma narahom snin twal. F’qalbi għidt: “Min jaf x’sar minnhom, min jaf jekk għadhomx kollha ħajjin?” Hu x’inhu dan ir-ritratt ħalla lili u lil sħabi żgħażagħ, ħajjin u mimlijin enerġija kif konna xi tletin sena ilu. Imnalla konna ħadna dak ir-ritratt għax b’hekk kultant nistgħu niftakru f’xulxin!

Xbihat
Illum faċli tieħu ritratt, kemm toħroġ it-telefon ċellulari mill-but u tiġbed ritatt ta’ dak li trid. Ix-xewqa tal-bniedem li jżomm tifkira viżibbli ta’ ċerti waqtiet, ta’ xi nies, ta’ xi postijiet partikoli hija antika daqs kemm hu qadim il-bniedem innifsu. Fuq il-ħitan tal-għerien fejn kienu jgħixu bnedmin primitivi sibna xi taħżiż jew tpinġijiet. Dan jikkonferma dak li qed ngħid jiena. L-istess fil-katakombi, dawn kienu jiżżejnu bi tpinġijiet. Aktar tard in-nobbli bdew iqabbdu lill-artisti beix ipittruhom jew ipittturlhom xi xena biex isebbħu darhom. Il-Knisja ma baqgħetx lura u mliet bosta mill-postijiet tagħha bil-pittura. Madanakollu xorta l-fotografija kienet għadha ma ġietx żviluppata.

Nicéphore Niépce
Point de vue du Gras
L-inventatur Franċiż Joseph Nicéphore Niépce huwa meqjuż bħala missier il-fotografija moderna. Huwa żviluppa l-Eljografija – teknika li kienet tagħti l-ewwel għamla ta’ ritatti stampati. Bejn l-1826 ul-1827 huwa beda juża l-kaxxa tar-ritratti primittiva u jiżviluppa r-ritratti li kien qed jieħu biha. Illum għandna l-eqdem ritatt fid-dinja meħud b’kaxxa tar-ritatti grazzi għal dan il-bniedem. Huwa kien ġibed ritratt mit-tieqa ta’ daru ġewwa Saint-Loup-de-Varennes fil-Lvant ta’ Franza. Illum dan ir-ritratt jissejjaħ Point de vue du Gras. Biex inkun qed ngħid is-sewwa kollu, ma nafux jekk qabel dan ir-ritratt kienx hemm oħrajn miġbudin b’kaxxa tar-ritatti minn Niépce jew forsi minn xi ħadd ieħor, iżda dan huwa l-aktar wieħed antik li għadna nsibu.

Il-karta tal-identità


Spiss nisimgħu l-anzjani, forsi l-aktar dawk tal-irħula, jirreferu għall-karta tal-identità bħala “Ir-Ritratt”. Jekk Vitor sejra l-isptar, Salvina tfakkarha biex tieħu r-ritatt magħha għax inkella ma tinqediex jew jekk Kitty sejra l-bank għax wasal iċ-ċekk tal-pensjoni u trid issarfu, oħtha Lola tgħidilha darba, darbtejn, tlieta beix tieħu “l-itratt” magħha għax inkella jkollha terġa’ tiġi d-dar bħal ħmar. X’karattri ħelwin dawn ix-xjuħ Maltin ukoll! Niġġustahom!

Il-bużnanna
Niftakar meta kont għadni tfal, kienet introdotta f’Malta il-Karta tal-identità. Qabel ma kinitx teżisti u biex ngħidu d-dritt ftit li xejn kien hawn bżonnha! Il-bużnanna tiegħi ma kinitx toħroġ mid-dar u għalhekk kellhom jiġu d-dar in-nies tal-gvern biex jiġbdulha ritratt. Issa din il-povra xiħa ta’ aktar minn tmenin sena, qatt f’ħajjitha ma kienet ħadet ritratt għax kienet tgħid li dawk affarijiet tax-xitan. U jekk għal tmenin sena emment hekk, ma konniex sejrin inbiddlulha fehmitha aħna. Ġie l-fotografu d-dar u hi bl-ebda mod ma riedet li jittieħdilha ritratt. “Imma sinjura, jekk ikollok bżonn tmur il-bank ma tinqedix mingħajrha”, qalilha dak tar-ritratti. U n-nanna Anni dlonk weġbitu: “Uwa jien lanaqs qatt ersaqt ’l hemm f’ħajti, lanqas biss naf fejn hu dal-bank li qed isemmi, taħseb li se mmur issa li lanqas għadni noħroġ mill-bieb il barra?” Imma l-liġi hija liġi u minn hemm u min hawn aljenaha u ħadilha ritratt. Din kienet ix-xbieha waħdanija li qatt kellna tal-Bużnanna; Anni ta’ Galluwa. Ftit wara waslu l-karti tal-identità, bir-ritratt fuq quddiem, miktibin bl-idejn u magħluqin fil-plastik, quddiem trasparenti u wara blu. Il-bużnanna ċċassat kif bla ma taf kellhom ritratt tagħha!

Storja u nostalġija
Illum meta nsibu xi ritratt antik immorru lura fi ħsibijietna. Naraw postijiet li llum ma għadhomx hemm! Grazzi għar-ritratti nistgħu naraw il-ġmiel li kellu l-bini tat-Teatru Rjal fid-daħla tal-Belt Valletta. Dan eżempju wieħed, u se nieqaf hawn għax jekk nibdew żgur ma nieqaf qatt!

Ir-ritratt jirrakkonta storja, jikxef il-mistur. Juri d-drawwiet, il-moda, l-istil ta’ ħajja taż-żminijiet li fih ikun ittiħed. Ir-ritratt jirrakkonta storja, anzi r-ritratt jikteb storja. L-istorja tnissel in-nostalġija, iġġib it-tifkiriet, sbieħ jew koroh.

Kemm hi ħaġa tajba li t-teknoloġija avvanzata li għandna llum tat lil kulħadd l-opportunità li jieħu ritratti ta’ ħafna waqtiet tal-ħajja. Dawn jibqgħu tifkira, dawn huma dokumenti li għada trid tinkiteb l-istorja fuqhom, dawn huma xhieda tal-lum għan-nies ta’ għada.

Ritratt: xi storja, kemm ħsibijiet hemm wara dak in-naqra ta’ ritratt stampat fuq karta tleqq, tiżloq, bil-kulur jew abjad u iswed, primittiv jew elaborat. Hu x’inhu, ritratt huwa aktar minn biċċa karta stampata!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 2 ta' Diċembru 2017


Nessun commento:

Posta un commento