sabato 5 giugno 2021

Karma


L-Ingliżi jgħidu “what goes around comes around”, it-Taljani jgħidu “ciò che va, torna” u aħna l-Maltin ngħidu li bħalma tagħmel jagħmlulek. Illum bosta jużaw il-kelma “Karma” biex ifissru dan il-ħsieb. Karma hija kelma li tfisser ir-riżultat tal-azzjonijiet ta’ persuna kif ukoll l-azzjonijiet infushom. Huwa terminu dwar iċ-ċiklu tal-kawża u l-effett. Skont it-teorija tal-Karma, dak li jiġri lil persuna, jiġri għax ikun ikkawżawh bl-azzjonijiet tagħhom. Hija parti importanti minn ħafna reliġjonijiet bħall-Induiżmu u l-Buddiżmu. Il-kelma Karma ġejja mill-verb kṛ , li fl-ilsien Sanskrit, użat fl-Asja, tfisser “tagħmel” jew “tikkawża”. Allura nistgħu ngħidu li l-Karma hija kawża ta’ dak li tagħmel.



Aħna wkoll

Minkejja li llum anke f’pajjiżna għandna bosta persuni li jappartjenu għall-fidi tal-Induiżmu jew tal-Buddiżmu, għadna m’aħniex wisq midħla ta’ dawn ir-reliġjonijiet u dak li jgħallmu. Billi ħafna minna jappartjenu għall-fidi Kristjana għandna mnejn naħsbu li din hija nozzjoni ’l barra minn dak li nemmnu aħna. Mhux hekk fil-verità. Anke fil-Bibbja nsibu bosta riferimenti li jfissru l-istess ħaġa li tfisser il-Karma fir-reliġjonijiet Ażjatiċi.

Fil-Ktieb ta’ Ġob insibu dan il-vers: “Dawk li jaħdmu l-ħażen u l-għawġ jiżirgħu, ħażen u għawġ jaħsdu” (Ġob 4: 8) Ma tridx wisq sforzi biex tifhem dan il-vers. Fil-Ktieb tal-Proverbji nsibu: “Min iħabrek għall-ġid ikun milqugħ tajjeb, imma min ifittex id-deni, deni jsib.” (Prov 11: 27) kif ukoll “Min iħaffer ħofra jaqa’ ġo fiha, min igerbeb blata, tinqaleb fuqu.” (Prov 26: 27) F’dan il-ktieb hemm bosta versi oħra li juru li dak li tagħmel jerġa’ jiġi għandek. Fis-Salmi wkoll insibu l-Karma. “Arah, l-għadu jnissel il-ħażen, jitqal bil-qerq u jiled il-gideb. Fetaħ bir u ħaffru sewwa; iżda jaqa’ fil-ħofra li għamel hu. Fuq rasu taqa’ l-ħsara li għamel; fuqu tinżel id-dnewwa tiegħu.” (Salm 7: 15-17) Insibu wkoll: “Tiġbornix man-nies ħżiena, ma’ dawk li jagħmlu l-ħażen, li kliem ta’ sliem jgħidu lil għajrhom, u qalbhom bil-qerq mimlija. Ħallashom skont għemilhom, skont l-għemejjel ħżiena tagħhom; skont dak li għamlu jdejhom, roddilhom il-ħlas li ħaqqhom.” (Salm 28: 3-4) Il-kliem huwa ċar daqs il-kristall; dak li tiżra taħsad!

Qadim u Ġdid

Forsi naħsbu li dawn il-ħsibijiet insibuhom biss fit-Testment il-Qadim imma jekk infittxu fil-Ġdid Testment insibu l-Karma wkoll. Araw kif itemm il-kapitlu 3 tal-Evanġelju tiegħu San Ġwann: “Min jemmen fl-Iben għandu l-ħajja ta’dejjem; iżda min ma joqgħodx għall-Iben ma jarax il-ħajja, imma tibqa’ fuqu l-korla ta’ Alla.” San Mattew jikteb bla ma joqgħod jomgħodha: “Mela dak kollu li tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, agħmluh ukoll intom lilhom; għax din hi l-Liġi u l-Profeti.” (Mt 7:12) Fl-istess Evanġelju nsibu: “ Jgħidilhom: ‘Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh.’  U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem. (Mt 25: 46) U billi fuq tlieta toqgħod il-borma, dan l-Evanġelista jgħidilna: “Erġa’ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.” (Mt 26: 52) San Pawl fl-ittra lil Galatin jgħidilhom: “Titqarrqux; Alla ma jidħak bih ħadd. Dak li bniedem jiżra’, dak huwa li jaħsad.” (Gal 6:7) Fit-tieni ittra lill-Korintin dan l-appostlu jgħid: “Jeħtieġ li lkoll kemm aħna nidhru quddiem it-tribunal ta’ Kristu, ħalli kulħadd jieħu skont it-tajjeb jew il-ħażin li jkun għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem.” (2Kor 5:10) San Ġwann fl-ewwel ittra tiegħu jgħid: “Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen.” (1Ġw, 1: 9) San Ġakbu fl-ittra tiegħu jgħid: “Dawk li jfittxu s-sliem jiżirgħu fis-sliem u jkollhom il-frott tal-ġustizzja.” (Ġak 3: 18)

Mhux soltu li jiena nikteb fit-tul dwar il-fidi Nisranija imma llum ħassejt li għandi ntawwal xi ftit biex naraw li l-karma ma hijiex biss xi ħaġa tar-reliġjonijiet li ftit li xejn nafu dwarhom imma hija punt importanti fil-fidi Nisranija wkoll.

Fil-ħajja ta’ kuljum


L-azzjonijiet tagħna huma dawk li jibnulna ħajjitna. Ir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn huma l-istorja li tinbena magħna. Jekk jiena nfittex li nkun vendikattiv, nara kif nagħmel biex nagħmel il-ħajja ta’ ħaddieħor miżerja, biex nikkalpesta lil dawk li huma taħti, nista’ nibqa’ ċert li llum jew għada r-rota ser iddur u dak li qiegħed taħti għad ikun fuq rasi. Kemm-il darba nkun trattajtu ħażin ma nistax nistenna li hu ser jitrattani tajjeb. Nisimgħu l-kliem “Aħfer u insa”, imma kemm verament bniedem jasal biex jaħfer u jinsa azzjoni ħażina? Jipprova imma aktarx li ma jirnexxilux jinsa. Jasal jaħfer imma kif qatt jista’ jinsa? Darba smajt lil wieħed jgħid li meta tkun tiela’ t-telgħa titrattax ħażin lil dawk li tiltaqa’ magħhom għax inti u nieżel trid terġa’ ssib wiċċek quddiemhom! Kemm fiha x’tifhem dil-kelma. Kemm hawn min jaħseb li ser jitla’ t-telgħa u jibqa’ hemm fuq!

Il-Karma ma nistgħux naħarbu minnha. Dak li nagħmlu nsibu, f’ħajjitna jew wara.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 5 ta' Ġunju 2021



Nessun commento:

Posta un commento