sabato 29 giugno 2024

Illum l-Imnarja

 

Ta’ kull sena, bħal-lum, 29 ta’ Ġunju, il-Knisja Kattolika tiċċelebra l-festa ta’ San Pietru u San Pawl, iżda magħna l-Maltin dan il-jum huwa aktar magħrf bħala “L-Imnarja”.

Il-festa tal-Imnarja tmur lura ħafna sekli, ferm qabel il-wasla tal-Kavallieri ta’ San Ġwann fl-1530. Ir-Rumani kienu jiċċelebraw festa pagana msejħa luminaria, li minnha ħarġet il-kelma Maltija “Imnarja”. Luminaria, li tfissr dwal, ġejja mid-drawwa ta’ lejlet il-festa meta n-nies kienu jaħarqu l-fjakkli u jagħmlu ħġejjeġ fuq il-ħitan tas-swar u fuq il-bejt tal-Katidral tal-Imdina li kienet tiċċelebra l-festa solenni ta’ San Pietru u San Pawl.

Festa tal-bdiewa

L-Imnarja, hija magħrufa bħala l-festa għall-bdiewa li kienet issir wara l-ħsad, meta kienu jistrieħu wara x-xogħol iebes tagħhom. Il-jum ta’ din il-festa jiġi ftit jiem biss wara tmiem l-istaġun tar-rebbiegħa u l-bidu tas-sajf, żmien li r-raba’ ftit li xejn jista’ jsir xogħol fih. Din il-festa minn dejjem kienet issir fil-Buskett limiti tar-Rabat fejn il-maġġoranza tan-nies kienu bdiewa. Il-popolarità ta’ din il-festa żdieded fi żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann. Fl-Arkivji tal-Ordni nsibu dokument li jgħid li l-Granmastru Pinto żied is-Solennità tal-Imnarja billi bħala l-Prinċep ta’ dawn il-gżejjer beda jżur il-festa.

Fl-imgħoddi, lejlet il-festa, il-bdiewa kienu jgħaddu l-lejl fuq is-Saqqajja, imbagħad filgħodu jisimgħu l-Quddiesa tas-sbiħ il-jum tal-Imnarja u wara jassistu għall-purċissjoni li toħroġ mill-Katidral immexxija mill-isqof  u l-monsinjuri tal-Katidral u li fiha kienu jieħdu sehem ukoll bosta membri ta’ ordnijiet reliġjużi u mijiet ta’ fratelli. L-attrazzjoni ewlenija tal-Imnarja, kienet tkun it-tiġrijiet tal-bhejjem. Il-premjijiet ta’ dawn it-tiġrijiet kienu jkunu palji tad-damask li spiss kienu jingħataw mir-rebbieħa lil xi knisja.

Aktar tard

Fi żmien il-Gvernatur William Reid, bdiet tittella’ fil-Buskett wirja agrarja. L-ewwel darba li din saret kienet filgħodu tad-29 ta’ Ġunju tal-1854. Fl-1844 twaqqfet is-Società Agraria di Malta bil-għan li tgħin lill-bdiewa. Mż-żmien din ħadet f’idejha l-wirja ta’ prodotti agrarji fil-Buskett nhar l-Imnarja. Fis-sena 1866, il-wirja bdiet tiftaħ fit-28 ta’ Ġunju u tkompli sal-għada filgħodu.  F’din il-wirja, li għadha ssir sal-lum, wieħed ikun jista’ jara bosta prodotti tar-raba’, bħal ħaxix u frott kif ukoll prodotti oħra tal-bdiewa bħal ġobon, għasel, suf u tajjar. Ma’ dawn ikun hemm ukoll il-wirja tal-annimali, kull tip ta’ annimal li wieħed isib għand il-bdiewa, minn tiġieġa jew fenek sa nagħaġ u barrin. Il-jum tal-Imnarja fil-Buskett kien ukoll ikkaratterizzat mill-għana Malti. U ma’ dan kollu jingħaqad l-ikel, xi fenkata tajba u xarba nbid milli jaf jagħmel il-bidwi Malti.

Obbligu

Il-festa tal-Imnarja kienet ukoll marbuta mal-obbligi taż-żwieġ, fejn in-nutar kien jikteb il-kuntratt taż-żwieġ u l-għarus kien iħallas lil missier l-għarusa somma flus skont il-ftehim tagħhom. Dan il-ftehim kien jorbot ukoll lill-għarus biex jieħu lil martu futura għall-festi ta’ San Girgor, ta’ San Ġwann u l-festa tal-Imnarja peress li fl-imgħoddi ma tantx kien hemm okkażjonijiet għal miżżewġin ġodda biex jiddevertu. Fuq din kien hemm taqbila ħelwa li parti minnha tgħid hekk:


Fl-iskrittura Matrimonjali

Jagħmlu l-pattijiet konjugali

Li joħodha l-festi prinċipali

Jonsobha fuq il-ħajt

Jixtrilha xriek qubbajt

Li jkun tal-qannebusa

Għax minnu tiggosta l-għarusa.

 

Għawdex

Il-festa tal-Imnarja f’Għawdex tkun iċċelebrata differenti. Fil-Gżira tat-Tliet Għoljiet insibu parroċċa ddedikata lil qaddisin Pietru u Pawlu, sewwasew fir-raħal tan-Nadur. Hemmhekk issir festa parrokkjali kif isiru fil-bliet u l-irħula tagħna. Lejlet il-festa ta' San Pietru u San Pawl, rir-rahal tan-Nadur jibda l-qofol tal-festi b’baned li jdoqqu tul it-toroq ewlenin tar-raħal. Din tkun opportunità unika biex wieħed iżur il-knisja Parrokkjali tan-Nadur peress li tkun miftuħa sa tard u mżejna għall-festa. Il-qofol tas-serata jkun wirja tan-nar fil-pjazza tar-raħal. Imbagħad l-għada ma għandniex xi ngħidu, jum il-festa, bil-quddiesa tal-festa filgħodu u l-purċissjoni li toħroġ mill-Bażilika Kolleġġjata tar-raħal.

 

Illum

Forsi għal ħafna minna llum huwa biss jum ta’ festa, festa pubblika, waħda mill-bosta li għandna matul is-sena. Tabilħaqq li din is-sena l-Imnarja ħabtet is-Sibt u għalhekk għal xi wħud ma tibdel xejn. Biss l-attivitajiet għal din il-festa għadhom isiru, mhux bħalma kienu jsiru qabel u n-nies għadha titla’ l-Buskett, forsi mhux daqs qabel ukoll, imma din hija festa li għadha ssir, festa tradizzjonali tal-bdiewa, li minkejja l-progress kollu li sar anke fil-qasam agrarju, ma mititx mewta naturali.

 

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 29 ta' Ġunju 2024




Nessun commento:

Posta un commento