sabato 13 luglio 2024

Sjuf tfuliti

 

Nemmen li ħafna huma dawk li bħali jibdew jeqirdu bis-sħana sa minn filgħodu malli jiftħu għajnejhom. Nistqarr il-verità li jiena wieħed minn dawk li nippreferi x-xitwa, imma ovvjament ikolli ngħaddi mill-istaġuni kollha, fosthom is-sajf, inħobbu jew ma nħobbux. Għidtilkom li jien nippreferi x-xitwa imma mhux dejjem kont hekk. Ta’ tifel kont inħobbu s-sajf. Min jaf, forsi ma kienux sjuf daqstant qliel is-sjuf ta’ tfuliti? Naħseb fuq is-sjuf ta’ tfuliti u nħoss ċerta nostalġija, imbagħad noqgħod naħseb u nara kemm kienu differenti s-sjuf ta’ dari minn dawk tal-lum.

Tmiem l-iskola

Fi ċkuniti l-iskola ma kinitx tispiċċa fi tmiem Ġunju imma fil-15 ta’ Lulju u tibda f’nofs Settembru, mela aħna kien ikollna madwar madwar tliet ġimgħat inqas vaganzi. Meta bdejt nattendi l-iskola sekondarja niftakar li lejn tmiem Ġunju kienu jibdew l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena. Jiena, bħalma ġieli għidtilom, minn Ħal Qormi u nagħmel mal-paroċċa ta’ San Ġorġ. Il-festa ta’ dan il-qaddis ilha madwar ħamsin sena ssir fl-aħħar Ħadd ta’ Ġunju, għalhekk ta’ kull sena ix-xalata tal-festa tiegħi kienet tkun l-iskola aktarx bl-ewwel eżamijiet. Imbagaħd jispiċċaw l-eżamijiet u sakemm nistennew ir-riżultati, kultant b’qalbna ttaqtaq, konna ngawdu  s-sajf xorta waħda. Il-ħruġ tagħna ħafna drabi kien ikun xi ġurnata fejn il-baħar.

Il-baħar

Il-familja tiegħi kienet familja ta’ furnara li kienu jaħdmu nhar ta’ Ħadd u mbagħad it-Tnejn joħduha festa, allura aktarx li konna mmorru ġurnata baħar nhar ta’ Tnejn. Aħna dejjem fittixna minn San Pawl il-Baħar il fuq biex ngħumu. Nies il-mara ta’ wieħed miz-zijiet kellhom boat house Buġibba u spiss konna mmorru ħdejhom.

Buġibba fis-snin 70
Buġibba ma kinitx bħal-lum. Tasal għaliha minn San Pawl u terġa’ toħroġ mill-istess triq. Il-Qawra kienet kollha raba’ u xejn bini. Kien hemm xi lukandi u ristoranti kif ukoll barijiet għax Buġibba dejjem attirat lit-turisti, imma taħsbux li kienet bħalma hi llum! Min bħali qed joqrob għall-Kartanzjan jaf x’qed ngħid. Il-pjazza ewlenija dejjem niftakarha hemm, minkejja li differenti minn kif narawha llum, biss Triq il-Pijunieri ma kinitx teżisti. Kien għad hemm ftit djar, li dak iż-żmien kienu kollha villeġġjaturi mhux bħal-lum, biss konna nsibu kollox.

Rari konna mmorru l-Għadira. Missieri kien ħadem qafas ta’ kamp bil-kanen u ommi kienet ħietet id-drapp għalih. Meta konna mmorru f’din il-bajja konna nieħdu magħna dan il-kamp u narmawh fuq ir-ramel. Kamp żgħir li mhux żgur kien fih żewġ metri b’żewġ metri imma li kien iservina tajjeb għal ġurnata baħar.

Ġieli konna mmorru lejn l-Armier. Hemm kienu jipparkjaw il-karozzi ta’ missieri u taz-ziju qrib xulxin u jifirxu liżar kbir minn karozza għal oħra u b’hekk kien jinħoloq daqsxejn ta’ kamp bla taħbit ta’ xejn. Wara l-ikel iz-zijiet kienu jinteddu fl-art jistrieħu siegħa, għax filgħaxija kien ikollhom jerġgħu jibdew il-ġimgħa tax-xogħol fil-forn. Ngħid id-dritt hawn kont nippreferi jiena mill-postijiet l-oħra kollha.

X’nostalġija

Semmejt l-Armier u hawn nixtieq naqsam magħkom xi ħaġa minn dak li ktibt fil-ktieb tiegħi “Ritratti ta’ Tfuliti”:

“Iz-ziju Marju għandu juke box taħdem bil-batteriji. Kulurha oranġjo.  Tieħu erba’ batteriji kbar. Meta mmorru l-Armier dejjem iġibha miegħu u jġib ukoll kaxxa tal-injam mimlija diski suwed. Oħti u Mary l-kuġina jintefgħu jdoqqu d-diski. Knock three times, Tie a yellow ribbon round the old oak tree, Sugar sugar, I heard it through the grapevine, A whiter shade of pale, Proud Mary u ħafna oħrajn. Għandu wkoll ħafna diski Maltin, It-Tliet Għażżenin, Taxi Mary, Fejn Tarawni Tkellmunix, Is-Sakranazzi u oħrajn. […] Popolari ħafna huma d-diski ta’ Elvis u tal-Beatles, imma ftit li xejn għandu minnhom iz-ziju Marju.”

Fir-ramel tax-xatt konna nibnu kastelli u mitt ħaġa oħra. Naħseb li ħafna qed jiftakru fi tfulithom huma u jaqraw!

Kisra ħobż biż-żejt

L-ikla tagħna għal ħdejn il-baħar kienet tkun xi kisra ħobż tal-Malti biż-żejt u t-tadam, imħawra bil-kappar, żebbuġ, werqa tan-nagħniegħ u xi ġbejna tal-bżar. Il-kbar kienu jiftħu xi landa bulibif. Ngħid għalija għadni sal-lum nippreferi din l-ikla minn kwalunkwe platt ieħor! Kien ikollna l-picnic coolers bix-xorb u għad-deżerta xi bettiegħa jew dulliegħa friska. Għal xi s-sagħtejn ta’ waranofsinhar kien jasal van li jbiegħ il-ġelat u dritt konna mmorru nixtru wieħed.

Kif isir il-ħin konna ngħabbu kollox fil-karozzi u nitilqu lejn darna. It-triq twila u wara ġurnata qbiż kienet tmur għajni bija sakemm naslu d-dar u jqajmuni biex ninħasel u nneħħi l-melħ tal-ilma baħar minn fuqi.

Kienu sempliċi imma sbieħ is-sjuf ta’ tfuliti.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -13 ta' Lulju 2024



Nessun commento:

Posta un commento