Spiss nitkellem ma’ xi persuni barranin u meta ngħidilhom li jien mill-gżira ta’ Malta, ħafna drabi dlonk isemmu lill-Kavallieri ta’ Malta. Nemmen li dan l-ordni kavalleresk huwa l-aktar ħaġa marbuta ma’ pajjiżna. Dan l-aħħar kont qed nitkellem ma’ persuna u qaltli li kienet qed taħseb biex tissieħeb ma’ wieħed minn dawn l-ordnijiet tal-kavallieri u għalhekk tħajjart infittex xi ħaġa dwar dan is-suġġett, l-ewwel nett biex naqta’ l-kurżità u t-tieni biex naqsam dak li nsir naf magħkom.
Il-kavallieri huma ordnijiet jew aħjar għaqdiet reliġjużi u
militari li bdew jitwaqqfu fil-Medju Evu, li l-membri tagħhom jieħdu l-voti.
Il-ħsieb oriġinali tagħhom kien id-difiża tal-postijiet qaddisa u l-kura
tal-morda, pellegrini u midruba minn spedizzjonijiet lejn l-Art Imqaddsa. Fuq
l-eżempju tal-Ordni ta’ San Lazzru, imwaqqaf qabel is-seklu 10 biex itfejjaq
il-lebbrużi, twaqqaf l-ordni tal-Ospitalieri ta’ San Ġwanni ta’ Ġerusalemm,
iktar tard imsejjaħ l-Ordni ta’ Malta, madwar
is-sena 1020. Ordnijiet kavallereski oħra twaqqfu wara, bħal ngħidu aħna madwar
l-1024 l-Ordni ta’ San Kosma u San Damjan; fl-1118 dak tat-Templari; bejn
l-1174 u l-1179, dak tas-Santu Sepulkru ta’ Ġerusalemm; fl-1191 l-Ordni Tewtoniku, riservat għan-nobbli Ġermaniżi.
Sadanittant xi ordnijiet oħra twieldu fil-Portugall u Spanja, biex jipprovdu
difiża kontra l-invażjonijiet tal-Mori: l-ordnijiet ta’ San Benedittu ta’ Aviz
maħluq minn Alfonso I tal-Portugall fl-1162; ta’ Calatrava mwaqqaf fl-1158 minn
Dun Sancho III, Sultan ta’ Kastilja; Oedine della Mercede stabbilit fl-1218
bil-għan li jifdi l-Insara li kienu waqgħu fil-jasar tal-Mori u l-Ordni ta’
Kristu, stabbilit fl-1318 minn Dijonisju, sultan tal-Portugall. Dawn
l-ordnijiet kollha adottaw ir-regoli tal-ordnijiet monastiċi, ġew rikonoxxuti u
kkonfermati mill-Papa u kisbu donazzjonijiet u konċessjonijiet mingħand sovrani
u sinjuri Kattoliċi. Fis-seklu 16, biex jiġġieldu t-Torok u l-kursari twaqqfu
xi ordnijeit oħrajn, bħall-Ordni ta’ San Stiefnu stabbilit fl-1562 minn Cosimo
I de’ Medici u dak ta’ San Mawrizju u San Lazzru mwaqqaf fl-1572 minn Emanuele
Filiberto ta' Savoia. Maż-żmien ħafna ordnijiet spiċċaw għal kollox filwaqt li
xi oħrajn spiċċaw fil-poter tal-familji ħakkiema, u għalhekk is-sovran kien jippremja
lil dawk li kellhom xi merti partikolari billi jdaħħalhom fl-ordni. Xi wħud
minn dawn l-ordnijiet anzi ġew stabbiliti preċiżament għal dan il-għan: dan
huwa l-każ tal-ordni tal-Garter imwaqqaf fl-Ingilterra fis-sena 1350, dak tal-Golden
Fleece li fl-1429 kien imwaqqfa minn Filippu ta’ Burgundy, l-Ordni ta’ San
Mikiel maħluq fl-1429 minn Luwiġi XI ta’ Franza. Ir-Rivoluzzjoni Franċiża kienet
tara l-ordnijiet kavallereski u l-membri tagħhom bħala kuntrarju
għall-prinċipju ta’ ugwaljanza. Madanakollu Napuljun ħoloq l-Ordni tal-Leġjun tal-Unur fl-1802 u
l-kostituzzjonijiet Franċiżi tal-1814 u l-1830 ikkonfermaw l-eżistenza tagħhom.
Ħafna mill-ordnijiet maħluqa wara l-aħħar tas-seklu 17 ma
kinux għadhom soċjetajiet ta’ kavallieri li segwew missjoni komuni iżda ġew
stabbiliti minn monarki jew gvernijiet bl-iskop speċifiku li jagħtu unuri lil xi
individwi li jkun ħaqqhom. Fil-biċċa l-kbira tal-monarkiji Ewropej, dawn
l-ordnijiet il-ġodda żammew xi forom esterni mill-ordnijiet medjevali
tal-kavallerija, bħal ngħidu aħna ritwali u struttura, iżda essenzjalment kienu
ordnijiet ta’ mertu, prinċipalment distinti mill-kontropartijiet repubblikani
tagħhom għall-fatt li l-membri kienu intitolati għal titlu ta’ nobbli . Filwaqt
li xi ordnijiet kienu jeħtieġu twelid nobbli, bħall-Ordni ta’ San Stiefnu
tal-Ungerija, stabbilit fl-1764, oħrajn kienu jagħtu titolu mal-ħatra, bħall-
Ordni Militari ta’ Max Joseph, stabbilit fl-1806. Dawn waqt li jkunu għadhom ordnijiet,
l-ogħla uffiċċjali biss ikunu meqjusa bħala kavallieri, bħal fl- Ordni ta’ San
Mikiel u San Ġorġ li kien stabbilit fl-1818. Ordnijiet ta' mertu li għadhom
jagħtu privileġġi ta' kavallieri kultant jissejħu ordnijiet kavallereski jew
ta’ kavallieri. Bħala konsegwenza li mhumiex ordni ta' kavalleria iżda
ordnijiet ta' mertu jew dekorazzjonijiet, xi unuri repubblikani għalhekk evitaw
l-istruttura tradizzjonali li tinsab fl-ordnijiet ta' kavallerija medjevali u
ħolqu oħrajn ġodda minflok, bħal ngħidu aħna l-Ordni tal-Mertu tar-Repubblika
Federali tal-Ġermanja , id- Dekorazzjoni għas-Servizzi lir-Repubblika
tal-Awstrija, il- Leġjun tal-Mertu tal- Istati Uniti u f’pajjiżna L-Ordni
Nazzjonali tal-Mertu. Fil-każ ta’ pajjiżna, il-membri ta’ dan l-Ordni ma
jissejħux kavallieri imma Kumpanni.
L-aħħar kelma
Hemm ħafna u ħafna aktar x’wieħed jgħid dwar dan is-suġġett
u hemm ħafna aktar Ordnijiet Kavallereski x’wieħed isemmi. Illum bosta minn
dawn l-ordnijeit jagħmlu ħafna xogħol filantropiku li forsi ftit jidher.
Il-kavallieri jew il-membri ta’ dawn l-ordnijiet jilbsu l-ilbies uffiċċjali
tagħhom x’okkażjonijiet speċjali biss u ma għadhomx jappartejni għall-klassi
tan-nobbli.
U bilħaqq, meta nitkellmu dwar Ordni, dejjem nindirizzawh
fil-maskil u mhux fil-femminil. Dak l-ordni u mhux dik l-ordni!
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 15 ta' Ġunju 2024
Nessun commento:
Posta un commento