venerdì 8 novembre 2024

Spiċċaw għal kollox . . jew kważi

 M’ilux rajt ritratt antik ta’ post f’Malta fejn fuq il-bjut tad-djar kien mimli antenni tat-televixin. Dlonk ġie f’moħħi kemm hwejjeġ spiċċaw minn fostna f’nofs seklu. Għall-istorja ġamsin sena ma humux wisq imma fil-ħajja ta’ individwu huma ammont sostanzjali ta’ żmien li fih wieħed ikun jista’ jara bosta tibdiliet.

Minn fuq il-bejt għal isfel

Nerġa’ nsemmi l-antenni ta’ fuq il-bejt. Illum biex tara wieħed irid ikun fuq xi dar antika. Fis-snin sebgħin kienet ħaġa normali. Tassew li kienu jkerrħu l-ambjent tar-raħal Malti imma llum minflok arbli tat-televixin għandna wires ma’ kullimkien, ħafna drabi mgħoddijin bl-addoċċ li personalment narahom agħar mill-ariels ta’ fuq il-bjut. Intant, l-antenna tat-televizjoni kienet teżisti biex wieħed ikun jista’ jara l-istazzjonijiet televiżivi. Mela ninżlu minn fuq il-bejt u nidħlu ġewwa. Nofs seklu ilu ħafna kienu dawk li kellhom televiżjoni. Tabilħaqq mhux kulħadd, imma ejjew ngħidu li l-maġġoranza tal-Maltin kellhom wieħed. U meta ngħid wieħed tabilħaqq ifisser wieħed. Mhux bħal-lum, fejn f’dar aktarx issib aktar televiżjonijiet milli membri tal-familja. Id-daqs tat-televiżjoni kien differenti minn dak tal-lum. Kaxxa kbira, bla remote control u biex tqableb minn stazzjon għal ieħor trid tqum minn fejn tkun u tmur tagħfas buttuna. L-istampa ma kinitx bil-kulur bħal tal-lum imma abjad u iswed. U xi ngħidu għall-istazzjonijiet. Konna naraw tliet stazzjonijeit kollox, il-Malti, ir-Rai 1 u Rai 2 li kulħadd kien isejjaħ is-“Secondo”. U kien hemm settijiet tat-televiżjoni li ma kinux jaqbduh is-secondo. Programmi ma kienx ikun hemm il-ġurnata kollha. Television Malta kien jibda fis-6 ta’ filgħaxija u forsi jagħmel sal-11 jew l-aktar l-aktar nofsillejl. Jibda bl-aħbarijiet fil-qosor u wara jkun hemm il-programmi għat-tfal. Fit-8.00pm l-aħbarijiet u wara jkomplu l-programmi b’xi film jew serie. Ħaġa oħra li ntemmet minn fuq it-televiżjoni hija l-announcer. Ħamsin sena ilu kien ikun hem tfajliet li jħabbru xi jkun imiss jintwera.

Kien hawn xi aġenti tat-televiżjonijiet li meta wieħed kien jixtri televiżjoni kien jingħata xi rigal miegħu. Wieħed minn dawn l-aġenti kien jagħti gondola żgħira. Allura kull min kien ikollu televiżjoni ta’ din id-ditta kien ikollu waħda minn dawn il-gondoli.

It-telefon

Għalkemm it-telefon bil-wire ma spiċċax għal kollox minn djarna, nistgħu ngħidu li żmienu għadda u postu ħadu l-mobile. Fis-snin sebgħin ftit kienu dawk li kellhom telefon id-dar imma ftit ftit kienu bdew jiżdiedu. Biex wieħed jagħmel telfonata kien aktarx ikolu jmur f’ġabina tat-telefon pubbliku, li minnhom konna nsibu f’kull belt u raħal. Illum telefon pubbliku ma għadux jintuża u t-telefon fid-djar qiegħed agonija. Mat-telefon konna naraw id-direttorju, bin-numri tat-telefon ta’ min kellu dan is-servizz. Id-diretorju spiċċa għal kollox. Ħamsin sena ilu s-sistema telefonika kienet differenti għal kollox minn dik li għandna llum. Kien hemm każi fejn biex iċċempel lil xi ħadd l-ewwel kien iwieġbek l-operator u inti tgħidlu n-numru li tkun trid u jqabbdek hu. X’differenza mil-lum! Spiċċaw ukoll it-telefons li biex iċċempel minnhom kellhom rota li tiddawwar skont in-numru li trid. Dawn kienu ħadulhom posthom settijiet tat-telefon bil-buttuni tan-numri.

Ir-Rediffusion

Sas-snin li qed insemmu kien jeżisti r-Rediffusion minflok ir-radju. Dan kien ikun il-kumpanija għal bosta nisa tad-dar matul il-ġurnata. Darba fix-xahar kien jiġi impjegat tal-kumpanija jiġbor il-kera ta’ dan is-servizz. Kien hem żewġ stazzjonijiet fuq ir-Rediffusion, wieħed bil-Malti u ieħor bl-Ingliż. Ir-radju ħa post dan is-servizz li llum spiċċa għal kollox.


Għall-mużika

Ftit ftit bdejna nsibu l-cassette player biex nisimgħu l-mużika. Kien hawn min isejjaħ dawn il-casettes bħala “żigarella” għax fil-verità il-cassette kien ikun fih żigarella li fuqha tkun irreġistrata l-mużika jew il-kliem. Il-gwaj kien mea din iż-żigarella kienet tinqata’ jew titgħaqqad. Konna ndaħħlu lapes fit-toqba tal-cassette u nippruvaw nerġgħu nkebbu ż-żigarella f’postha. Mhux dejjem kien jirnexxielna. Id-diski tal-plastik, li llum qed jerġgħu jsiru popolari, kienu jiswew ħafna aktar mill-casette u għalhekk iż-żigarella saret popolari ħafna sakemm il-compact disk ħa post il-casette player.

U la qed insemmu l-mużika, kif nistgħu ma nsemmux il-kanzunetti sbieħ li kienu joħroġu dak iż-żmien. Mhux qed nirreferi għal diski Amerikani, Ingliżi jew taljani biss, imma anke diski Maltin li ħarġu nofs seklu ilu u għadhom popolari sal-lum

Kemm inbidlet id*dinja f’nofs seklu! Ħafna mill-oġġetti li trabbejna bihom aħna, uliedna u wlied uliedna lanqas biss jafu bihom. Kienet ħajja differenti li llum bil-progress li sar meitu mewta naturali jew waslu iex imutu.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Novembru 2024






Il-volontarjat

 

Spiss nisimgħu l-kelma “Volontarjat” u b’xi mod jew ieħor ħafna minna huma involuti f’xi xogħol ta’ volontarjat. Il-volontarjat huwa attività ta’ għajnuna jew servizz imwettqa minn individwi jew gruppi ta’ nies b’mod kompletament ħieles, mingħajr ma wieħed jistenna kumpens finanzjarju lura. Dan it-tip ta’ impenn jista’ jieħu firxa wiesgħa ta’ forom u huwa ta’ ħtieġa kbira għall-komunitajiet individwali kif ukoll għas-soċjetà kollha kemm hi. Il-volontarjat huwa importanti għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett għandu rwol kruċjali biex jimla xi vojt li jħallu s-servizzi pubbliċi u biex jindirizza l-isfidi soċjali u ambjentali. Jagħti wkoll lin-nies l-opportunità li jikkontribwixxu b'mod attiv fi kwistjonijiet li huma importanti għalihom. Il-volontarjat joħloq sens ta’ appartenenza u sodisfazzjon personali. Il-volontarjat huwa wkoll mod kif jinbnew konnessjonijiet soċjali, titrawwem is-solidarjetà u jippromwovi bidla pożittiva.

Tipi ta’ volontarjat

Hemm diversi tipi ta' volontarjat, kull wieħed jiffoka fuq aspett speċifiku tal-komunità jew bżonnijiet individwali. Xi eżempji jinkludu volontarjat soċjali li jinvolvi l-għajnuna lil nies fil-bżonn jew żvantaġġati, volontarjat ambjentali li jiffoka fuq il-preservazzjoni tal-ambjent, volontarjat kulturali  li jippromwovi l-arti u l-kultura u nsibu wkoll  volontarjat ta’ emerġenza li joffri għajnuna f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Il-volontarjat huwa ggwidat minn għadd ta’ valuri ewlenin, fosthom is-solidarjetà, kompassjoni, il-empatija u r-responsabbiltà soċjali . Dawn il-valuri jispiraw l-azzjonijiet tal-voluntiera u jenfasizzaw l-importanza li tgħin lill-oħrajn mingħajr ma tistenna xejn lura. Il-volontarjat jippromwovi wkoll id-diversità u l-inklużjoni, billi jħeġġeġ l-involviment ta’ nies ta’ kull età, sfond, etniċitajiet u reliġjonijiet.

Nies li jagħżlu li jwettqu xi tip ta’ volontarjat isegwu varjetà ta’ għanijiet. L-ewwel, iridu jikkontribwixxu b'mod pożittiv għas-soċjetà u jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor. Fl-istess ħin, ifittxu li jiżviluppaw ħiliet u għarfien ġodda li jkollhom u b'hekk itejbu l-prospetti tal-karriera tagħhom. Il-volontarjat jista' wkoll jissodisfa l-ħtieġa għal għaqda soċjali u sodisfazzjon personali u joffri sens ta' skop u sodisfazzjon lil min iwettqu. Barra minn hekk, dawk li jagħmlu volontarjat spiss jimmiraw li jqajmu kuxjenza dwar kwistjonijiet importanti u jippromwovu bidla soċjali u ambjentali pożittiva.

Benefiċċji tal-volontarjat

Tabilħaqq li l-volontarjat huwa mmirat prinċipalment għal għajnuna lil ħaddieħor iżda il-benefiċċji ta’ din l-attività jmorru wkoll għal min iwettaq ix-xogħol volontarju. Jekk qed tħossok waħdek, iżolat, jew sempliċement trid twessa' ċ-ċirku soċjali tiegħek, il-volontarjat fil-komunità lokali tiegħek huwa mod importanti, u ħafna drabi divertenti, biex tiltaqa' ma' nies ġodda. Fil-fatt, wieħed mill-aħjar modi biex tagħmel ħbieb ġodda u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet eżistenti huwa li tidħol f’attività kondiviża, u l-volontarjat jippermettilek li tagħmel dan. Jekk dan l-aħħar mort tgħix f'belt jew pajjiż ġdid, il-volontarjat huwa mod tajjeb u faċli biex tiltaqa' ma' nies ġodda filwaqt li ssaħħaħ ir-rabtiet tiegħek mal-komunità lokali u tespandi l-ħiliet tiegħek. Permezz tal-volontarjat tiltaqa’ ma’ nies li jkollhom l-istess interessi u passjonijiet tiegħek u għalhekk jistgħu jsiru ħbieb ġodda. Li taħdem bħala voluntier tista’ wkoll jagħtik sens ta’ kburija u identità, li tgħin biex tkompli tkabbar l-istima tiegħek innifsek billi toħroġ miż-żona ta’ kumdità tiegħek. Fil-fatt, il-volontarjat jgħinek tħossok aħjar u toħloq ħarsa aktar pożittiva fuq ħajtek u fuq il-miri futuri li jollok. Benefiċċju ieħor tal-volontarjat huwa li l-iffukar fuq ħaddieħor jista’ jagħtina ħarsa aktar profonda tar-realtà tagħna u jgħinna nneħħu minn moħħna ħafna ħsibijiet negattivi. Il-volontarjat ħafna drabi jinvolvi li ngħinu lil dawk fil-bżonn imma jista’ jkun ta’ għajnuna għalina stess biex jurina li, fir-realtà, ħajjitna mhix ħażina kif ħsibna li hi.



Il-volontarju

Il-volontarjat joffri l-opportunità li dak li jwettqu jkollu esperjenzi sinifikanti tal-ħajja. Dan iseħħ billi jipparteċipa b'mod attiv fis-soluzzjoni tal-problemi fil-komunità jew fis-soċjetà inġenerali. Dawk li jwettqu ħidma volontarja jistgħu jħossuhom involuti direttament biex jagħmlu bidliet pożittivi. Dan is-sens ta’ skop jista' jtejjeb ħafna l-istima tagħhom infushom u l-kunfidenza fihom infushom. Fil-fatt, ir-riċerka turi li l-volontarjat jista’ jsaħħaħ l-istima tal-volontiera nfushom u jkabbar il-kunfidenza fihom infushom speċjalment fiż-żgħażagħ u l-adolexxenti li għadhom qed jibdew il-vjaġġ ta’ ħajjithom.

Nuqqas ta’ apprezzament

Sfortunatament ġieli jiġri li l-ħidma tal-volontarju tiġi sottovalutata jew agħar minn hekk ma tkunx apprezzata. Għandu mnejn għax servizz jingħata bla ħlas ftit li xejn ikun apprezzat. Dan il-fatt jista’ jkisser lil dak li jkun qed iwettaq dan ix-xogħol. Għalhekk il-ħidma volontarja għandha ssir fi gruppi biex ikun hemm is-sostenn ta wieħed lil ieħor. Bniedem waħdu meta jara nuqqas ta’ apprezzament f’għemilu faċli jwarrab u jiġi f’moħħu l-qawl Malti: “Ta’ b’xejn aħslu u erfgħu!” Għalhekk wieħed għandu joqgħod attent meta jirċievi xi servizz ta’ volontarjat u japprezza li dak li jkun seta’ wettaq xi ħaġa oħra minflok qed jgħin lilek.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 2 ta' Novembru 2024