Spiss nisimgħu l-kelma “Volontarjat” u b’xi mod jew ieħor ħafna minna huma involuti f’xi xogħol ta’ volontarjat. Il-volontarjat huwa attività ta’ għajnuna jew servizz imwettqa minn individwi jew gruppi ta’ nies b’mod kompletament ħieles, mingħajr ma wieħed jistenna kumpens finanzjarju lura. Dan it-tip ta’ impenn jista’ jieħu firxa wiesgħa ta’ forom u huwa ta’ ħtieġa kbira għall-komunitajiet individwali kif ukoll għas-soċjetà kollha kemm hi. Il-volontarjat huwa importanti għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett għandu rwol kruċjali biex jimla xi vojt li jħallu s-servizzi pubbliċi u biex jindirizza l-isfidi soċjali u ambjentali. Jagħti wkoll lin-nies l-opportunità li jikkontribwixxu b'mod attiv fi kwistjonijiet li huma importanti għalihom. Il-volontarjat joħloq sens ta’ appartenenza u sodisfazzjon personali. Il-volontarjat huwa wkoll mod kif jinbnew konnessjonijiet soċjali, titrawwem is-solidarjetà u jippromwovi bidla pożittiva.
Tipi ta’ volontarjat
Hemm diversi tipi ta' volontarjat, kull wieħed jiffoka fuq aspett speċifiku
tal-komunità jew bżonnijiet individwali. Xi eżempji jinkludu volontarjat
soċjali li jinvolvi l-għajnuna lil nies fil-bżonn jew żvantaġġati, volontarjat
ambjentali li jiffoka fuq il-preservazzjoni tal-ambjent, volontarjat
kulturali li jippromwovi l-arti u
l-kultura u nsibu wkoll volontarjat ta’
emerġenza li joffri għajnuna f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Il-volontarjat huwa
ggwidat minn għadd ta’ valuri ewlenin, fosthom is-solidarjetà, kompassjoni,
il-empatija u r-responsabbiltà soċjali . Dawn il-valuri jispiraw l-azzjonijiet
tal-voluntiera u jenfasizzaw l-importanza li tgħin lill-oħrajn mingħajr ma
tistenna xejn lura. Il-volontarjat jippromwovi wkoll id-diversità u
l-inklużjoni, billi jħeġġeġ l-involviment ta’ nies ta’ kull età, sfond,
etniċitajiet u reliġjonijiet.
Nies li jagħżlu li jwettqu xi tip ta’ volontarjat isegwu varjetà ta’
għanijiet. L-ewwel, iridu jikkontribwixxu b'mod pożittiv għas-soċjetà u jagħmlu
differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor. Fl-istess ħin, ifittxu li jiżviluppaw
ħiliet u għarfien ġodda li jkollhom u b'hekk itejbu l-prospetti tal-karriera
tagħhom. Il-volontarjat jista' wkoll jissodisfa l-ħtieġa għal għaqda soċjali u
sodisfazzjon personali u joffri sens ta' skop u sodisfazzjon lil min iwettqu.
Barra minn hekk, dawk li jagħmlu volontarjat spiss jimmiraw li jqajmu kuxjenza
dwar kwistjonijiet importanti u jippromwovu bidla soċjali u ambjentali
pożittiva.
Benefiċċji tal-volontarjat
Tabilħaqq li l-volontarjat huwa mmirat prinċipalment għal għajnuna lil
ħaddieħor iżda il-benefiċċji ta’ din l-attività jmorru wkoll għal min iwettaq
ix-xogħol volontarju. Jekk qed tħossok waħdek, iżolat, jew sempliċement trid
twessa' ċ-ċirku soċjali tiegħek, il-volontarjat fil-komunità lokali tiegħek
huwa mod importanti, u ħafna drabi divertenti, biex tiltaqa' ma' nies ġodda.
Fil-fatt, wieħed mill-aħjar modi biex tagħmel ħbieb ġodda u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet
eżistenti huwa li tidħol f’attività kondiviża, u l-volontarjat jippermettilek
li tagħmel dan. Jekk dan l-aħħar mort tgħix f'belt jew pajjiż ġdid,
il-volontarjat huwa mod tajjeb u faċli biex tiltaqa' ma' nies ġodda filwaqt li
ssaħħaħ ir-rabtiet tiegħek mal-komunità lokali u tespandi l-ħiliet tiegħek. Permezz
tal-volontarjat tiltaqa’ ma’ nies li jkollhom l-istess interessi u passjonijiet
tiegħek u għalhekk jistgħu jsiru ħbieb ġodda. Li taħdem bħala voluntier tista’
wkoll jagħtik sens ta’ kburija u identità, li tgħin biex tkompli tkabbar
l-istima tiegħek innifsek billi toħroġ miż-żona ta’ kumdità tiegħek. Fil-fatt,
il-volontarjat jgħinek tħossok aħjar u toħloq ħarsa aktar pożittiva fuq ħajtek
u fuq il-miri futuri li jollok. Benefiċċju ieħor tal-volontarjat huwa li
l-iffukar fuq ħaddieħor jista’ jagħtina ħarsa aktar profonda tar-realtà tagħna u
jgħinna nneħħu minn moħħna ħafna ħsibijiet negattivi. Il-volontarjat ħafna
drabi jinvolvi li ngħinu lil dawk fil-bżonn imma jista’ jkun ta’ għajnuna
għalina stess biex jurina li, fir-realtà, ħajjitna mhix ħażina kif ħsibna li hi.
Il-volontarju
Il-volontarjat joffri l-opportunità li dak li jwettqu jkollu esperjenzi
sinifikanti tal-ħajja. Dan iseħħ billi jipparteċipa b'mod attiv fis-soluzzjoni
tal-problemi fil-komunità jew fis-soċjetà inġenerali. Dawk li jwettqu ħidma
volontarja jistgħu jħossuhom involuti direttament biex jagħmlu bidliet
pożittivi. Dan is-sens ta’ skop jista' jtejjeb ħafna l-istima tagħhom infushom
u l-kunfidenza fihom infushom. Fil-fatt, ir-riċerka turi li l-volontarjat
jista’ jsaħħaħ l-istima tal-volontiera nfushom u jkabbar il-kunfidenza fihom
infushom speċjalment fiż-żgħażagħ u l-adolexxenti li għadhom qed jibdew
il-vjaġġ ta’ ħajjithom.
Nuqqas ta’ apprezzament
Sfortunatament ġieli jiġri li l-ħidma tal-volontarju tiġi sottovalutata jew
agħar minn hekk ma tkunx apprezzata. Għandu mnejn għax servizz jingħata bla
ħlas ftit li xejn ikun apprezzat. Dan il-fatt jista’ jkisser lil dak li jkun
qed iwettaq dan ix-xogħol. Għalhekk il-ħidma volontarja għandha ssir fi gruppi
biex ikun hemm is-sostenn ta wieħed lil ieħor. Bniedem waħdu meta jara nuqqas
ta’ apprezzament f’għemilu faċli jwarrab u jiġi f’moħħu l-qawl Malti: “Ta’
b’xejn aħslu u erfgħu!” Għalhekk wieħed għandu joqgħod attent meta jirċievi xi
servizz ta’ volontarjat u japprezza li dak li jkun seta’ wettaq xi ħaġa oħra
minflok qed jgħin lilek.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 2 ta' Novembru 2024
Nessun commento:
Posta un commento