sabato 26 ottobre 2024

Il-Madonna ta’ La Salette

 

Id-dehra Marjana li seħħet fl-1846 ġewwa La Salette, raħal fuq il-muntanji fix-xlokk ta’ Franza, saret lil żewġt itfal, tifel ta’ ħdax-il sena u Mélanie Calvat tifla ta’ erbatax-il sena. Minkejja li din id-dehra hija approvata mill-Knisja, hawn ħafna li ma jafux biha.

It-tfal

Iż-żewġt itfal tad-dehra kienu mir-raħal ta’ Corps, qrib Grenoble u kienu jirgħu l-merħla ta’ raħħal sinjur biex jaqilgħu xi ħaġa għall-familji tagħhom. Kienu jieħdu l-merħla fuq il-muntanja Sous-Les Baisses f’La Salette, li huwa qrib Corps. Kien hemmhekk li fid-19 ta’ Settembru tas-sena 1846 kellhom dehra sopranaturali.

Waqt li kienu fuq xogħolhom, it-tfal qalu li lemħu raġġ ta’ dawl imbagħad mara bilqegħda fuq blata, b’minkbejha fuq irkupptejha u bil-pali ta’ jdejha tgħatti wiċċha mbikki. Il-mara kienet liebsa libsa bajda bil-perli u kellha fardal lewn id-deheb u xall abjad fuq spallejha. Kellha żarbun abjad u madwar saqajha kien hemm il-ward. Fuq rasha kellha bħal kuruna. Madwar għonqha kellha ġiżirana b’kurċifiss imdendel magħha. Fis-salib kien hemm martell u tnalja u l-figura ta’ Kristu msallab kienet tiddi ħafna.

Id-dehra

Meta kellmet lit-tfal il-mara kompliet tibki u tolfoq. L-ewwel bdiet titkellem bil-Franċiż iżda mbagħad bdiet tkellimhom bid-djalett Oċċitan, li bih kienu jitkellmu t-tfal. Il-mara tat sigriet lit-tifel u ieħor lit-tifla u mbagħad qamet, imxiet lejn il-muntanja u għabet. L-għada dan ir-rakkont inkiteb u ġie ffrimat miż-żewġt itfal u minn dawk li kienu semgħu din l-istorja.

It-tfal qalu li waqt l-ilfieq, il-mara qaltilhom li jekk il-poplu ma jindimx u jerġa’ lura lejn it-triq it-tajba, ma tistax tibqa’ żżomm id-driegħ ta’ Binha milli jikkastiga. Hi qaltilhom li titlob bla waqfien lil binha biex ikollu ħniena, iżda n-nies ma tridx taf, tadem nhar ta’ Ħadd u tidgħi. Hija qalet li se jkun hemm kastigi minħabba dawn id-dnubiet, fosthom qerda tal-uċuħ tar-raba’ l-aktar il-patata. Ix-xitwa ta’ wara, jiġifieri dik ta’ bejn l-1846 u 1847 kienet waħda iebsa għall-Ewropa l-aktar għal Franza u l-Irlanda fejn kien hemm ħafna ġuħ. Is-sigrieti li tat lit-tfal ma kellhomx jixxandru iżda dawn aktar tard intqalu lil Papa Piju IX.

Sigrieti

Skont Mélanie Calvat is-sigriet li qaltilha l-mara tad-dehra huwa dan: Jekk in-nies ser tibqa’ taħdem fil-jum tal-Ħadd u ser tibqa’ tidgħi u toffendi lil Alla, se jiġi żmien li d-dinja ssir skjava tad-dimonju. Pariġi se tiċċappas b’kull xorta ta’ atti kriminali u Marsilja ma ddumx ma tgħib ukoll. Il-Papa jkun ippersegwitat minn kullimkien, jisparaw lejh, ikunu jridu joqtluh, iżda ħadd ma jista’ joqtol il-Viġarju ta’ Kristu fid-dinja u fl-aħħar joħroġ rebbieħ. Is-saċerdoti u s-sorijiet li jkunu verament qaddejja ta’ ibni jkunu ppersegwitati u xi wħud ukoll maqtulin minħabba twemminhom. Jiġi żmien ta’ ġuħ. Wara li jiġri dan kollu jkun hemm bosta li jindunaw, jiftħu għajnejhom u jikkonvertu. Dan kollu ma jdumx ma jseħħ, ma jgħaddux ħamsin sena darbtejn.

Skont Maximin Giraud is-sigriet ma kienx iebes daqs ta’ Mélanie. Huwa stqarr hekk: Jekk in-nies sejra tibqa’ hekk, dak li qed ngħidlek ma jdumx ma jseħħ, jekk jinbidlu jasal aktar tard. Franza qerdet l-univers u għad tkun ikkastigata fuq dan. Franza titlef il-fidi, tliet kwarti tal-Franċiżi ma jibqgħux iħaddnu u jipprattikaw il-fidi u l-kwart l-ieħor iħaddnuha bla ma jipprattikawha. Wara li l-pajjiżi jikkonvertu terġa’ tasal il-ħniena ta’ Alla fid-dinja kollha. Pajjiż kbira ’il fuq minn Franza, li llum huwa Protestant għad jikkonverti u d-dinja kollha tikkonverti, iżda sakemm iseħħ dan għad ikun hawn taħwid kbir kemm fil-Knisja u kullimkien. Il-Papa jkun ippersegwitat u s-suċċessur tiegħu jkun Papa li ħadd qatt ma jkun basar. Wara dan jirrenja s-sliem, iżda ma jdumx wisq. Iqum monstru biex itellef dan is-sliem. Dan kollu jasal fuq il-pajjiż u fid-dinja tal-anqas sas-sena 2000.

Il-messaġġ

It-tfal sabu oppożizzjoni kbira meta bdew ixerrdu l-messaġġ tal-Madonna, iżda huma baqgħu jxanduh. Sal-isqof stess ma kienx wisq favur li jibdew l-investigazzjonijiet dwar id-dehra iżda wara erba’ snin twaqqfu żewġ kummissjonijiet biex  jistħarrġu sewwa d-dehra.  Fl-1855 l-Isqof ta’ Grenoble iddikkjara li d-dehra kienet seħħet tassew u għalhekk awtorizza il-kult tal-Madonna ta’ La Salette.

Maximin għadda ħajja mhux wisq stabbli. Ipprova l-ħajja reliġjuża u daħal f’seminarju iżda dik ma kinitx it-triq għalih. Ħadem bħala spiżjar. Reġa’ lura f’Corps fejn miet fl-1 ta’ Marzu 1875 meta lanqas kellu 40 sena. Mélanie wara d-dehra daħlet soru u ħadet l-isem ta’ Sor Marija tas-Salib. Ħadmet ħafna kemm fi Franza kif ukoll fl-Ingilterra, fil-Greċja u fl-Italja. L-aħħar snin ta’ ħajjitha għaddiethom ġewwa Altamura fil-Puglia, l-Italja. Hemmhekk bi ftehim mal-isqof, ħadd ma kien jaf min hi. Hija mietet fil-lejl ta’ bejn it-13 u l-14 ta’ Diċembru tas-sena 1904 fl-età ta’ 73 sena.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 26 ta' Ottubru 2024



Nessun commento:

Posta un commento