Ix-xahar li għadna kemm bdejna, Ottubru, illum huwa l-għaxar xahar
fil-kalendarju, biss sakemm beda jintuża l-kalendarju Ġuljan u wara dak Ġregorjan, li nużaw aħna
llum, dan ix-xahar kien it-tmien wieħed, u propju għalhekk jismu hekk, għax fil-kalendarju
Ruman kien it-tmien wieħed u n-numru tmienja bil-Latin huwa Octo. Fit-tradizzjoni tal-Knisja
Kattolika, Ottubru huwa x-Xahar tar-Rużarju Mqaddes. Hemm aktar xi tgħid
dwar dan ix-xahar.
Tar-Rużarju
Madonna tar-Rużarju - Kolleġjata ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi |
Fl-1573, il-Papa Girgor XIII biddel l-isem tal-festa għal Festa tar-Rużarju
Mqaddes, biex tiġi ċċelebrata fl-ewwel Ħadd ta’ Ottubru. Il-patri Dumnikan Juan
Lopez fil-ktieb tiegħu tal-1584 dwar ir-rużarju jgħid li l-festa tar-rużarju
ġiet imwaqqfa “b’tifkira u b’gratitudni perpetwi tar-rebħa mirakoluża li
l-Mulej ta lill-poplu Nisrani f’dak il-jum kontra l-armata Torka.”
Aktar tard
Fl-1671 l-osservanza ta’ din il-festa ġiet estiża minn Papa Klement X għal
Spanja kollha, u ftit aktar tard Klement XI, wara r-rebħa fuq it-Torok li kien
għamel il-Prinċep Ewġenju fil-Battalja ta’ Petrovaradin fil-5 ta’ Awwissu 1716,
nhar il-festa tal -Madonna tas-Silġ, kien ordna li l-festa tar-Rużarju tiġi
ċċelebrata mill-knisja universali. Papa Ljun XIII għolla din il-festa
għall-grad tat-tieni klassi u żied mal-Litanija tal-Madonna l-invokazzjoni “Sultana
tar-Rużarju l-Imqaddes.” Papa Piju X fl-1913 biddel id-data għas-7 ta’ Ottubru,
bħala parti mill-isforz tiegħu biex jerġa’ jġib iċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija
tal-Ħdud kif suppost. Fl-1960 taħt il-Papa Ġwanni XXIII hija mniżżla taħt
it-titlu Festa ta' Marija Bambina tar-Rużarju u taħt ir-riformi liturġiċi
tal-1969 tal -Papa Pawlu VI tissemma l-Madonna tar-Rużarju bħala tifkira
obbligatorja.
Għarfien tal-kanċer
Il-kanċer tas-sider maskili, li huwa rari, ġeneralment jiġi injorat.
Fl-2009 il-gruppi ta' promozzjoni tal-kanċer tas-sider maskili: Out of the
Shadow of Pink, A Man's Pink u l-Brandon Greening Foundation for Breast Cancer
in Men, ingħaqdu biex jistabbilixxu globalment it-tielet ġimgħa ta’ Ottubru
bħala “Male Breast Cancer Awareness Week.”
U jien x’nista’ nagħmel?
Hemm diversi modi kif nistgħu nieħdu pożizzjoni f’dan ix-xahar biex
nappoġġaw lin-nisa bil-kanċer tas-sider madwar id-dinja kollha u nqajmu
kuxjenza. Eduka lilek innifsek dwar is-suġġett. Tgħallem aktar dwar il-kanċer
tas-sider billi taqra aktar dwaru. Aqra l-istejjer ta’ nies dwar l-esperjenzi
tagħhom jew jekk kellek xi esperjenza inti stess aqsamha ma’ ħaddieħor. Hemm diversi
modi kif tista’ turi l-appoġġ tiegħek dan ix-xahar, inkluż billi tagħmel
donazzjoni lil xi waħda mill-fondazzjonijiet jew għaqdiet li jappoġġjaw
ir-riċerka dwar il-kanċer tas-sider kif ukoll billi tippromwovi Xahar ta’
Għarfien dwar il-Kanċer tas-Sider fuq il-mezzi tal-midja soċjali tiegħek. U
matul dan ix-xahar, ilbes żigarella roża fuq sidrek biex turi li inti konxju
minn din il-marda.
Bejn sajf u xitwa
F’Ottubru l-festi parrokkjali li jkunu ilhom għaddejjin fis-sajf kollu
jaslu fi tmiemhom. F’dan ix-xahar issir il-festa tal-Madonna tar-Rużarju
f’diversi parroċċi Maltin u Għawdxin kif ukoll issir il-festa ta’ San Franġisk
u dik tal-Madonna tas-saħħa fir-Rabat. Hemm xi festi oħra li jkunu ċċ1elebrati
f’Ottubru. Billi normalment it-temp ikun għadu jippermetti, f’dan ix-xahar isiru
għadd ta’ festivals bħal ngħidu aħna notte bianca. Ottubru huwa x-xahar li
flimkien ma’ Novembru jgħaqqad is-sajf max-xitwa, għalkemm illum ma fadalx
mezzutemp u minn flokk taċ-ċingi nilbsu mill-ewwel il-flokk tas-suf!
Diversi poeti u awturi famui bħal Katherine Arden, Elizabeth George Speare,
Henry Ward Beecher u oħrajn isemmu lil Ottubru bħala l-isbaħ xahar tas-sena.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher fIn-Nazzjon - 5 ta' Ottubru 2024
Nessun commento:
Posta un commento