Aħna u neżlin
miż-żona magħrufa bħala l-Veċċa, f’San Pawl il-Baħar lejn ix-Xemxija nsibu
għajn tal-ilma magħrufa bħala Għajn Rażul.
Għajn kulħadd jaf xi tfisser imma rażul hija kelma għandha mnejn ġejja
mill-kelma Għarbija Rasul li tfisser messaġġier u f’dan il-każ inkunu qed
nirreferu għall-Appostlu San Pawl għax għall-Maltin wassal il-messaġġ
tan-Nazzarenu. Hawn min imbagħad isostni li l-isem tal- rażul huwa derivazzjoni
mill-ilsien tal-Feniċi, kelma li tabilħaqq tfisser appostlu.
Dinl-għajn hi
ddekorata b’mod sabiħ ħafna. Fil-parti ta’ fuq tagħha nsibu statwa żgħira minquxa fil-ġebla Maltija, ta’
San Pawl, hemm ukoll l-arma tal-Gran Mastru Vilhena li kien sultan ta’ dawn
il-gżejjer bejn l-1722 u l-1736. Taħt l-istatwa hemm kitba bil-Latin li tmur
lura sal-1725, jiġifieri sa żmien il-Gran Mastru Vilhena. Fil-bidu ktibt li l-isem
Għajn Rażul ifisser l-Għajn tal-Appostlu San Pawl, minħabba li Rasul hi kelma
Għarbija li tfisser messaġġier. Iżda hemm min jaħseb mod ieħor. Rażul jew Rażun
seta’ kien l-isem tal-proprjetarju ta’ xi oqsma fl-inħawi, jiġifieri isem jew
il-laqam ta’ dak li kien jagħmel użu minn dik in-nixxiegħa tal-ilma.
Storja jew
tradizzjoni
L-istorja ta’ din
il-għajn hija marbuta b’mod sinifikanti mat-tradizzjoni tan-nawfraġju ta’ San
Pawl fil-gżejjer Maltin. L-Atti tal-Appostli jiddeskrivu b’mod ċar ħafna kif
wara n-nawfraġju, in-nies tal-post , u hawn nassumu li kienu l-Maltin, marru
jgħinu lil dawk li kienu fuq ix-xini li sofra n-nawfraġju. Mar-rakkont tal-Atti
tal-Appostli, kapitlu 28, inżidu l-leġġenda lokali li tirrakkonta li n-nies
tal-lokal ħadu magħhom ħwejjeġ, ikel u ilma iżda kien hemm bżonn aktar ilma. Issa
l-ilma minn dejjem problema f’pajjiżna. Meta ra dan, San Pawl ħa l-bastun
tiegħu, ħabbat bih fuq l-art għal tliet
darbiet u dlonk ħarġet nixxiegħa fil-post fejn illum hemm din il-għajn.
Ma nafux fiċ-ċert
meta din l-għajn twaqqfet għall-ewwel darba iżda sors wieħed isostni li l-parti
ta’ isfel tal-għajn kienet imnaqqxa minn blokka waħda antika ta’ granit ta’
data u provenjenza inċerta. Din il-funtana storika tidher li ġiet imċaqalqa
waqt xogħlijiet ta’ twessigħ tat-toroq għall-ħabta tas-sena 1900 u minn
dakinhar ġiet restawrata mill-inqas darbtejn, l-ewwel darba fl-1989, u t-tieni
darba fl-2009. Il-funtana ta’ Għajn Rażul f’San Pawl il-Baħar kienet inkluża
fil-Lista għall-Ħarsien tal-Antikitajiet tal-1932 u kienet skedata mill-Mepa
bħala monument nazzjonali ta’ Grad 1.
Il-Veċċa
Il-post fejn insibu
Għajn Rażul jagħmel kemm mal-Kunsill Lokali kif ukoll mal-Parroċċa ta’ San Pawl
il-Baħar iżda huwa magħruf bħala l-Veċċa.
Imma minn fejn oriġina dan l-isem għandna mnejn nistaqsu?
Veċċa huwa l-isem
ta’ żewġ inħawi, naħa f’Malta u oħra f’Għawdex. Toponimu li fid-dokumenti
nsibuh miktub bħala Vecca. Jista’ jkun li dan it-toponimu ġej mit-Taljan vecchia. F’Għawdex insibu żona li hija
magħrufa bħala l-Ħotba tal-Veċċa, art li tinsab bejn il-Qolla l-Bajda u Ta’
Gelmus. F’Malta l-Veċċa hi dik in-naħa tal-bajja ta’ San Pawl il-Baħar, qrib
Għajn Rażul. Jista’ jkun li l-Veċċa bdiet tissejjaħ hekk għax min kien jaqra
dan l-isem flok vecchia kien jaqraha veċċa u biex ngħidu d-dritt hemm xi
djaletti Taljani li minflok Vecchia jgħidu Veccia.
Xemxija
Dan kollu jinsab
fiż-żona tax-Xemxija, post imdawwar mill-kampanja u wħud mill-aktar widien
fertili f’Malta. Hemm ukoll port tas-sajd pittoresk żgħir. Iż-żona madwar
ix-Xemxija ilha abitata sa minn żminijiet preistoriċi. Fiha numru ta’ siti
arkeoloġiċi li jinkludu għadd taʼ oqbra mħaffrin fil- blat, fdalijiet taʼ żewġ
tempji megalitiċi u aktar.
Fl-1839, l-Ingliżi
bnew akwedott biex iwassal l-ilma f’dawk l-inħawi. L-ilma kien jasal minn
akwedott taħt l-art f’żona fil-Wardija, magħrufa bħala tal-Ballut, li testendi
għal akwedott fuq l-art u mbagħad għal ġibjun li kien hemm fix-Xemxija. Il-konservazzjoni tal-ilma
kienet meħtieġa għall-militar Ingliż u ż-żwiemel tagħhom, li kienu jwettqu
l-ħidma tagħhom għad-difiża tal-inħawi fil-qrib.
Illum fix-Xemxija
nsibu diversi blokki ta’ appartamenti li għamlu lil dan is-subborg ta’ San Pawl
il-Baħar żona residenzjali popolari. Huwa wkoll post ta’ ristoranti u barijiet.
Il-bajja llum ma għadux isir għum fiha, imma fi ċkunitna kienet waħda
mill-bajjiet l-aktar popolari.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Ottubru 2024
Nessun commento:
Posta un commento