Sa ftit żmien ilu ftit kienu dawk li qatt kienu semgħu bl-isem ta’ Carlo
Acutis. Illum il-folja nqalbet u l-isem ta’ dan iż-żagħżugħ sar magħruf sewwa.
Sa ftit snin ilu min kien iżur Assisi kien iżur il-qabar ta’ San Franġisk;
illum minbarra dan iżur ukoll il-qabar ta’ Carlo Acutis. Nhar il-Ħamis 23 ta’
Mejju 2024, il-Papa Franġisku, waqt l-udjenza laqa’ lill-Kardinal Marcello
Semeraro, Prefett tad-Dikasteru għall-Kawżi tal-Qaddisin u awtorizza
lill-istess Dikasterju jippromulga d-digriet dwar il-miraklu attribwit
lill-Beatu Carlo Acutis. B’din id-deċiżjoni tal-Papa, il-kawża ġiet konkluża
b’suċċess u nfetħet it-triq għall-kanonizzazzjoni ta’ dan il-qaddis ta’ żmienna.
Il-kanonizzazzjoni tiegħu aktarx ssir matul il-Ġublew tas-sena 2025.
Min hu
Minn età żgħira kellu fidi Kattolika qawwija ħafna minkejja li l-familja
tiegħu ma kinitx reliġjuża wisq.
Teknoloġija moderna
Fost il-passjonijiet kbar tiegħu, iż-żagħżugħ Acutis kellu t-teknoloġija
tal-informatika li kien jużaha biex ixerred u jagħti xhieda tal-fidi permezz
tal-ħolqien ta' websajts. Huwa ħa ħsieb jibni wirja online dwar il-mirakli
Ewkaristiċi madwar id-dinja. Din il-wirja żaret il-ħames kontinenti kollha u
ġiet murija fi kważi 10,000 parroċċa fl- Istati Uniti tal-Amerika biss, u
fil-bqija tad-dinja f’mijiet ta’ parroċċi u f'xi wħud mill- aktar santwarji
Marjani famuż, bħal Fatima , Lourdes u Guadalupe. Għal din ir-raġuni qed ikun
maħsub li fil-futur Carlo Acutis jiġi dikjarat bħala l-qaddis patrun
tal-Internet.
Mard u mewt
Fl-2006, fl-età ta' 15-il sena, f'daqqa waħda nħakem mill-marda tal-lewkimja,
li minħabba fiha miet fit-12 ta' Ottubru fl-isptar San Gerardo f'Monza. Qabel
ma miet, Carlo qal li ried joffri t-tbatijiet tiegħu għall-Papa u għall-Knisja
u wiegħed lil ommu Antonia li kien se jagħtiha ħafna sinjali. L-omm wara
ddikjarat li kellha dehra ta’ Carlo f’ħolma fejn qalilha li kien se jkollha
tfal oħra. Dan fil-fatt seħħ fl-2010,
meta twieldu t-tewmin Michele u Francesca Acutis. Huwa ġie midfun, kif kien
talab espressament, fiċ-ċimiterju ta’ Assisi, fejn baqa’ sakemm ġie trasferit
fis-Santwarju ta’ Santa Maria Maggiore, f’Assisi fis-6 ta’ April 2019.
Lejn il-qima tal-artali
Fil-15 ta’ Frar 2013 inbeda l-proċess għall-beatifikazzjoni ta’ Carlo
Acutis, liema proċess intemm fl-24 ta’ Novembru 2016. Fil-5 ta’ Lulju 2018 ġie
ddikjarat venerabbli mill-Papa Franġisku. Għall-finijiet ta’ beatifikazzjoni,
il-Knisja Kattolika teħtieġ ir-rikonoxximent ta’ miraklu permezz
tal-interċessjoni ta’ dak li jkun. Fil-każ ta’ Carlo Acutis il-miraklu seħħ ma’
Matheus, tifel Brażiljan ta’ sitt snin li kellu marda fil-frixa, marda li ma
kinitx tħalli lil Matheus jiekol la ikel solidu u lanqas likwidu. Il-fejqan “istantanju,
sħiħ u dejjiemi” ta’ Matheus kien meqjus bħala inspjegabbli mill-Kunsill Mediku
tal-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin. Fil-21 ta’ Frar 2020, fl-eqqel
tal-pandemija tal-Covid 19, il-Papa Franġisku rrikonoxxa dan il-miraklu.
Iċ-ċerimonja tal-beatifikazzjoni ta’ Acutis saret f’Assisi fl-10 ta’ Ottubru
2020 u kienet ippreseduta mill-Kardinal Agostino Vallini li rappreżenta
lill-Papa.
Lejn il-qdusija
Fit-23 ta’ Mejju 2024, il-Papa Franġisku awtorizza lid-Dikasteru għall-Kawżi tal-Qaddisin biex jippubblika d-digriet dwar ir-rikonoxximent tat-tieni miraklu attribwit għall-interċessjoni tal-Beatu Carlo Acutis, dwar il-fejqan ta’ Valeria Valverde, tfajla mill-Costa Rica. Din it-tfajla, fit-2 ta' Lulju 2022, kienet qed issuq ir-rota meta waqgħet u ġarrbet ġrieħi gravi f’rasha. It-tobba kienu xettiċi dwar il-fejqan ta’ Valeria u għalhekk ommha, Laura, daret lejn il-Beatu Carlo u talbitu l-fejqan ta’ bintha waqt li kienet pellegrinaġġ f’Assisi u żaret il-qabar tiegħu. It-tfajla fieqet b’mod li t-tobba ma jafux jispjegaw. Dan beda jitqies bħala l-miraklu li kien hemm bżonn biex tibda t-triq għall-Kanonizzazzjoni. Fl-okkażjoni tal-konċistorju tal-1 ta’ Lulju 2024, il-Papa Franġisku qal li l-kanonizzazzjoni ta’ Acutis għandha tiġi ċċelebrata “f’data li għad trid tiġi stabbilita.”
F’Malta
Id-devozzjoni lejn dan il-qaddis ta’ żmienna, li tajjeb ngħidu li kieku
għadu ħaj illum għandu 33 sena, kull ma tkur qed tinxterd u tikber. F’għadd ta’
knejjes fil-gżejjer tagħna qed naraw xi xbieha ta’ dan iż-żagħżugħ qaddis,
pitturi kif ukoll statwi. Hawn ukoll numru ta’ parroċċi li għandhom relikwa
tiegħu. Il-festa tal-Beatu Carlo Acutis issir fit-12 ta’ Ottubru, jum il-mewt
tiegħu għad-dinja u t-twelid tiegħu għall-ġenna.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Ottubru 2024
Nessun commento:
Posta un commento