B'aktar minn 6000 sena ta' preżenza f'ħajjitna, l-arloġġi jistgħu jitqiesu bħala wieħed mill-eqdem apparat li nħolqu mill-antenati tagħna sewwasew fil-post fejn twieled iċ-ċiviltà moderna – il-Babilonja. Billi l-arloġġi tawna l-possibilità biex insegwu l-ħin, noħolqu skedi u nikkontrollaw ir-rutina tagħna ta' kuljum, dawn irnexxielhom jibnu d-dehra taċ-ċiviltà moderna li qed ngħixu fiha llum.
Fil-qedem
Tagħrif storiku tal-ewwel
arloġġi magħmulin mill-bniedem huma datati għall-3500 QK meta bennejja
Eġizzjani tal-Qedem bdew iwaqqfu obeliski twal ħdejn it-tempji u r-residenzi
rjali tagħhom. Dawn l-istrutturi twal tal-ġebel servew l-iskop li jitfgħu d-dell
tax-xemx fuq l-ispirali dekorati b’mod preċiż li kienu mqiegħda fuq l-art fejn
in-nies setgħu faċilment jaraw il-pożizzjoni tad-dell u b’hekk jikkalkolaw il-ħin
attwali tal-ġurnata. Anke jekk inħolqu mudelli inizjali ta’ arloġġi tax-xemx
f’Babilonja, ix-xjenzati Eġizzjani ħadu dik l-invenzjoni u avvanzaw l-użu u
l-preċiżjoni tagħha fuq perjodu ta’ aktar minn 3 elef sena, li matulhom skoprew
is-solstizju tax-xitwa u s-solstizju tas-sajf u ħolqu s-separazzjoni ta’ matul
il-jum f’“sigħat” u ħafna aktar.
Aktar tard
F’Malta
Forsi ftit jafu li
f’pajjiżna nsibu wieħed mill-eqdem strument biex jikkalkula l-ħin. Fi żminijiet
preistoriċi u fi żminijiet aktar tard il-bniedem ta attenzjoni għaż-żmien u
l-ħin billi kien intebaħ li s-sema hu dak li jindikalu l-medda ta’ żmien
tal-ġurnata u dawk tax-xhur. Dawn in-nies li bnew it-tempji megalitiċi tant
kienu konxji ta’ dan li orjentaw il-biċċa l-kbira tat-tempji tagħhom biex
iħarsu lejn ix-Xlokk biex jipprovdu mezz ta’ allinjament max-xemx meta tkun
tielgħa. It-tempju tal-Imnajdra huwa bini bħal dan fejn l-allinjament
tat-tempju kien maħsub apposta biex jilqa’ r-raġġi tax-xemx hekk kif din
titla’. B’hekk kien ikun ikkalkulat il-ħin u ż-żmien.
Malta kellna wkoll
nies li saru famużi għall-manifattura tal-arloġġi. Ħafna knejjes Maltin illum
jiftaħru li mal-faċċata tagħhom għandhom arloġġ ta’ Sapiano. Michelangelo
Sapiano twieled l-Imqabba fl-1826. Meta kellu 14-il sena fetaħ ħanut
tat-tiswija tal-arloġġi u ta’ età daqshekk żgħira rnexxielu jsewwi l-arloġġ tal-Knisja
Parrokkjali tal-Imqabba meta arluġġara oħra ma setgħux jagħmlu dan. Sapiano
huwa famuż l-aktar għal arloġġi kbar li kienu jsiru għall-knejjes, kunventi u
sagristiji f’diversi bliet u rħula f’Malta u Għawdex u wkoll għal arloġġ kbir
li għamel għall-Knisja ta’ Santa Katarina ta’ Lixandra fl-Eġittu. Żewġ Maltin
oħra li saru popolari għall-ħila tagħhom fil-bini tal-arloġġi kienu Pietro
Tanti u ibnu Giovanni Antonio, li għexu u ħademu fl-ewwel nofs tas-seklu
tmintax. Hemm oħrajn ukoll.
Illum tajna ħarsa
lejn apparat li lkoll nużaw u ftit naħsbu dwar l-istorja tiegħu – l-arloġġ li
tagħmel x’tagħmel ma tista’ twaqqfu qatt.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 28 ta' Settembru 2024
Nessun commento:
Posta un commento