Dan l-aħħar kont
qed ninnota li l-laptop tiegħi kien qiegħed jieħu wisq fit-tul f’xogħlu.
Nistqarr li kien ilu għandi aktar minn 10 snin u allura ħsibt li wasal il-waqt
li nibdlu. Ma ridtx nissogra li nitlef ix-xogħol kollu li kelli fuqu. Għalhekk
tfajt dak kollu li ħsibt li għad niġi bżonnu fuq laptop ieħor. Meta tfejtu u
poġġejtu fuq l-ixkaffa ħassejt bħal rimors f’qalbi. Tidħqux bija, imma ħassejt
li se nitlef biċċa minni nnifsi. Poġġejtu fuq l-ixkaffa u għidtlu: “Strieħ,
grazzi tas-snin li tajtni, issa wasal iż-żmien li toħroġ bil-pensjoni!”
X’sibt
Jiena u nitfa’ d-dokumenti minn fuq il-laptop il-qadim għal fuq il-ġdid bdejt nara mijiet ta’ files li kont insejthom imma meta rajthom ġabuli ħafna nostalġija. Sibt mijiet ta’ artikli li ktibt matul is-snin għal dan il-ġurnal u għal xi pubblikazzjonijiet oħra. Sibt folder bin-notamenti li kont nieħu waqt il-lezzjonijiet tal-università meta kont għadni Ruma qed nispeċjalizza fil-ġurnaliżmu. Bdiet tiġini t-tentazzjoni niftaħ il-files u nerġa’ naqra n-notamenti li kont ktibt, imma ma kienx possibbli, ma statjtx nitlef ħin għax bdejt nibża’ li l-laptop jintefa u ma jixgħelx aktar! Billi jien saċerdot, sibt ħafna files bi prietki, omeliji, tridwijiet, paniġierċi u eżerċizzi. Nistqarr magħkom li xi wħud minnhom kont insejt li għamilthom. Sibt ħafna korrispondenza, ittri li kont ktibt. Sibt il-files bil-kitba ta’ xi wħud mill-kotba li ppubblikajt. Sibt ritratti li llum nista’ nsejħilhom antiki, sibt mużika, insomma sibt ħafna minn dak li għaddejt minnu matul dawn l-aħħar għaxra jew ħdax-il sena.
Ftakart
f’missieri
Jien u nwarrab
il-laptop il-qadim ġie f’moħħi missieri. Madwar 6 snin ilu ħajjartu jibdel
il-karozza. Kienet ilha għandu xi 30 sena. Meta ddeċieda li jneħħi l-qadima
taptap tnejn fuq is-saqaf tagħha u qalilha: “Mela inti daqshekk, żmienek
għamiltu!” Dakinhar ma stajtx nifhem x’kien qiegħed iħoss imma llum
esperjenzajt dak li ħass missieri dakinhar.
Forsi tgħidlu:
“Imma possibbli torbot qalbek ma’ magna?” Ngħidilkom li mhux torbot qalbek ma’
magna imma tkun qed twarrab xi ħaġa li tkun għext magħha tul ta’ snin u ssir xi
ħaġa li mhux faċli tgħaddi mingħajrha. U meta din il-magna ma tkunx ħolqitlek
inkwiet aktar tintrabat magħha. Għax dan kif jgħidu, dak li għandek taf xi
jsarraf, il-ġdid għad tkun trid tara xi jsarraf.
Il-bniedem
Bħalma l-apparat
elettroniku u l-makkinarju jgħaddi żmienhom, hekk ukoll jiġri lill-bniedem.
Jasal żmien li jkollu jieqaf mill-attività li min jaf kemm ikun ilu jagħmel u
jagħti postu lil ħaddieħor, ikollu joħroġ bil-pensjoni. Imma l-bniedem ma
huwiex apparat elettroniku u lanqas biċċa makkinarju. Jekk karozza
tiskarappjaha jew twarrabha, jekk apparat elettroniku titfgħu f’ġenb sakemm
idejqek u tarmih, bniedem ma tistax twarrbu f’ġenb jew tarmih. Iżda
sfortunatament ġieli nisimgħu b’każi fejn ix-xjuħ jitwarrbu wara li min jaf
kemm ikunu ħadmu.
F’dar
tal-anzjani
Illum ma tantx
għad fadal ulied li jistgħu jieħdu ħsieb il-ġenituri tagħhom meta jixjieħu.
Il-ħajja li jgħix il-bniedem tal-lum hija għal kollox differenti minn dik li
konna ngħixu nofs seklu ilu. Illum il-mara taħdem daqs u kultant aktar
mir-raġel u l-ħin li jifdlilha aktarx tiddedikah għall-familja u għalhekk ma
jifdalx ħin biex tikkura lill-ġenituri. Xhieda ta’ dan li qed ngħid huwa
n-numru ta’ djar tal-anzjani li hawn. Ħamsin sena ilu kienu waħdiet, illum
għandna ruxmata. Bil-fors, għax l-ulied ma jistgħux ilaħħqu max-xogħol,
mal-familja tagħhom u mal-ġenituri.
Naf li għal
ħafna, meta jiġu biex jieħdu d-deċiżjoni li jpoġġu lil xi ħadd mill-ġenituri
f’xi dar, tkun bħal daqqa ta’ stallett, imma din tkun l-aħħar u l-aħjar ħaġa li
jkunu jistgħu jagħmlu. Imma hemm min ipoġġi lill-ġenituri f’xi dar u jinsiehom,
bħalma jiena poġġejt il-laptop fuq l-ixkaffa u ftit żmien ieħor qisu qatt ma
kien xejn. Anzi jien nista’ ngħid li diġà qed ninsieh il-laptop l-antik għax
dan l-artiklu qed niktbu fuq il-ġdid.
Penzjonanti
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Settembru 2024
Nessun commento:
Posta un commento