M’ilux rajt ritratt antik ta’ post f’Malta fejn fuq il-bjut tad-djar kien mimli antenni tat-televixin. Dlonk ġie f’moħħi kemm hwejjeġ spiċċaw minn fostna f’nofs seklu. Għall-istorja ġamsin sena ma humux wisq imma fil-ħajja ta’ individwu huma ammont sostanzjali ta’ żmien li fih wieħed ikun jista’ jara bosta tibdiliet.
Minn fuq il-bejt
għal isfel
Nerġa’ nsemmi
l-antenni ta’ fuq il-bejt. Illum biex tara wieħed irid ikun fuq xi dar antika.
Fis-snin sebgħin kienet ħaġa normali. Tassew li kienu jkerrħu l-ambjent
tar-raħal Malti imma llum minflok arbli tat-televixin għandna wires ma’
kullimkien, ħafna drabi mgħoddijin bl-addoċċ li personalment narahom agħar
mill-ariels ta’ fuq il-bjut. Intant, l-antenna tat-televizjoni kienet teżisti
biex wieħed ikun jista’ jara l-istazzjonijiet televiżivi. Mela ninżlu minn fuq
il-bejt u nidħlu ġewwa. Nofs seklu ilu ħafna kienu dawk li kellhom televiżjoni.
Tabilħaqq mhux kulħadd, imma ejjew ngħidu li l-maġġoranza tal-Maltin kellhom
wieħed. U meta ngħid wieħed tabilħaqq ifisser wieħed. Mhux bħal-lum, fejn f’dar
aktarx issib aktar televiżjonijiet milli membri tal-familja. Id-daqs
tat-televiżjoni kien differenti minn dak tal-lum. Kaxxa kbira, bla remote
control u biex tqableb minn stazzjon għal ieħor trid tqum minn fejn tkun u tmur
tagħfas buttuna. L-istampa ma kinitx bil-kulur bħal tal-lum imma abjad u iswed.
U xi ngħidu għall-istazzjonijiet. Konna naraw tliet stazzjonijeit kollox,
il-Malti, ir-Rai 1 u Rai 2 li kulħadd kien isejjaħ is-“Secondo”. U kien hemm
settijiet tat-televiżjoni li ma kinux jaqbduh is-secondo. Programmi ma kienx
ikun hemm il-ġurnata kollha. Television Malta kien jibda fis-6 ta’ filgħaxija u
forsi jagħmel sal-11 jew l-aktar l-aktar nofsillejl. Jibda bl-aħbarijiet
fil-qosor u wara jkun hemm il-programmi għat-tfal. Fit-8.00pm l-aħbarijiet u
wara jkomplu l-programmi b’xi film jew serie. Ħaġa oħra li ntemmet minn fuq it-televiżjoni
hija l-announcer. Ħamsin sena ilu kien ikun hem tfajliet li jħabbru xi jkun
imiss jintwera.
Kien hawn xi aġenti tat-televiżjonijiet li meta
wieħed kien jixtri televiżjoni kien jingħata xi rigal miegħu. Wieħed minn dawn
l-aġenti kien jagħti gondola żgħira. Allura kull min kien ikollu televiżjoni
ta’ din id-ditta kien ikollu waħda minn dawn il-gondoli.
It-telefon
Għalkemm it-telefon bil-wire ma spiċċax għal kollox minn djarna, nistgħu ngħidu li żmienu għadda u postu ħadu l-mobile. Fis-snin sebgħin ftit kienu dawk li kellhom telefon id-dar imma ftit ftit kienu bdew jiżdiedu. Biex wieħed jagħmel telfonata kien aktarx ikolu jmur f’ġabina tat-telefon pubbliku, li minnhom konna nsibu f’kull belt u raħal. Illum telefon pubbliku ma għadux jintuża u t-telefon fid-djar qiegħed agonija. Mat-telefon konna naraw id-direttorju, bin-numri tat-telefon ta’ min kellu dan is-servizz. Id-diretorju spiċċa għal kollox. Ħamsin sena ilu s-sistema telefonika kienet differenti għal kollox minn dik li għandna llum. Kien hemm każi fejn biex iċċempel lil xi ħadd l-ewwel kien iwieġbek l-operator u inti tgħidlu n-numru li tkun trid u jqabbdek hu. X’differenza mil-lum! Spiċċaw ukoll it-telefons li biex iċċempel minnhom kellhom rota li tiddawwar skont in-numru li trid. Dawn kienu ħadulhom posthom settijiet tat-telefon bil-buttuni tan-numri.
Ir-Rediffusion
Sas-snin li qed insemmu kien jeżisti r-Rediffusion minflok ir-radju. Dan kien ikun il-kumpanija għal bosta nisa tad-dar matul il-ġurnata. Darba fix-xahar kien jiġi impjegat tal-kumpanija jiġbor il-kera ta’ dan is-servizz. Kien hem żewġ stazzjonijiet fuq ir-Rediffusion, wieħed bil-Malti u ieħor bl-Ingliż. Ir-radju ħa post dan is-servizz li llum spiċċa għal kollox.
Għall-mużika
Ftit ftit bdejna nsibu l-cassette player biex
nisimgħu l-mużika. Kien hawn min isejjaħ dawn il-casettes bħala “żigarella”
għax fil-verità il-cassette kien ikun fih żigarella li fuqha tkun irreġistrata
l-mużika jew il-kliem. Il-gwaj kien mea din iż-żigarella kienet tinqata’ jew
titgħaqqad. Konna ndaħħlu lapes fit-toqba tal-cassette u nippruvaw nerġgħu
nkebbu ż-żigarella f’postha. Mhux dejjem kien jirnexxielna. Id-diski
tal-plastik, li llum qed jerġgħu jsiru popolari, kienu jiswew ħafna aktar
mill-casette u għalhekk iż-żigarella saret popolari ħafna sakemm il-compact
disk ħa post il-casette player.
U la qed insemmu l-mużika, kif nistgħu ma
nsemmux il-kanzunetti sbieħ li kienu joħroġu dak iż-żmien. Mhux qed nirreferi
għal diski Amerikani, Ingliżi jew taljani biss, imma anke diski Maltin li ħarġu
nofs seklu ilu u għadhom popolari sal-lum
Kemm inbidlet id*dinja f’nofs seklu! Ħafna
mill-oġġetti li trabbejna bihom aħna, uliedna u wlied uliedna lanqas biss jafu
bihom. Kienet ħajja differenti li llum bil-progress li sar
meitu mewta naturali jew waslu iex imutu.
Fr Reno Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 9 ta' Novembru 2024
Nessun commento:
Posta un commento