Aħna l-Maltin
għandna ħafna drawwiet li ma humiex wisq differenti minn dawk Taljani. Din hija
ħaġa mill-aktar naturali għaliex il-qagħda ġeografika tagħna hija dik li hi u
allura l-influwenza Taljana bilfors tkun kbira f’ pajjiżna. Forsi l-aktar
drawwiet li ħadna mill-ġirien tagħna huma dawk marbutin mal-fidi. Bil-fors
għaliex snin ilu l-kleru kollu b’ xi mod jew ieħor kien iżur l-Italja, jew bi
studju jew b’ xi xogħol jew għal vakanza. Ddan kien iġib miegħu d-drawwiet u
billi l-influwenza tal-Knisja fuq il-poplu kienet akbar mill-lum, id-drawwiet impurtati
ġew mifruxin bla dewmien.
Issa li dħalna
fix-xahar ta’ Ġunju nixtieq naqsam magħkom xi drawwiet li rajthom f’ dan
ix-xahar ġewwa l-Italja li għandna mnejn ħadniehom mingħandhom.
Il-pavaljun tal-gallarija
Meta kont ngħix
Napli, kont noqgħod fit-triq tal-parroċċa. It-triq kienet waħda dejqa li taqsam
il-kwartier minn naħa sa oħra. Id-djar, ħafna minnhom għandhom entratura
komuni, taraġ komuni u mbagħad id-djar fuq tlieta, erba’ jew ħames sulari.
Illum djar bħal dawn insejħulhom flats,
dari kienu jissejħu kerrejjiet. L-isem ma jibdel xejn minhom, jibqgħu dawk li
huma! Issa billi l-bejt ikun maqsum bejn il-familji kollha tal-kerrejja, ma
jkunx hemm post biżżejjed għall-inxir tal-ħwejjeġ, u għalhekk kulħadd
jorganizza biċċtejn saratizz jew biċċtejn ħadida mal-gallarija u jorbot
il-ħbula tal-inxir magħhom. Hemmhekk dak li jkun inixxef il-ħasla bla ma
joqgħod jitla’ dak it-taraġ kollu. Din il-ħaġa konna u għadna nsibuha f’ xi
postijiet f’ Malta wkoll.
Issa meta kien
ikun hemm il-purċissjoni tal-Qalb ta’ Ġesù li toħroġ mill-parroċċa, il-ħwejjeġ
minxurin mal-gallarija jagħmlu ikrah. Anke jekk dak li jkun ma jkollux ħwejjeġ
minxura, il-ħbula xorta jibqgħu hemm. Illum l-inxir b’ dan il-mod sar kważi
attrazzjoni turistika ta’ Napli. Intant għall-purċissjoni bis-sagrament
il-ħbula tal-inxir jitgħattew bi tvalja jew purtiera sabiħa. Dan kien ifakkarni
fil-faldrappa jew pavaljun li aħna l-Maltin inħobbu ndendlu mal-galalrijiet jew
twieqi ta’ djarna meta tkun il-festa jew meta tgħaddi xi purċissjoni. Tgħid
mhux minn Napli ġiet din id-drawwa?
F’ Corpus
Il-festa
tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù bdiet propju wara miraklu Ewkaristiku li ġara
fl-Italja, sewwasew ġewwa Bolsena, mhux wisq bogħod minn Ruma u qrib ħafna ta’
Orvieto. Din id-devozzjoni ma damitx ma nxterdet mhux mal-Italja biss iżda
mad-dinja kollha. Issa fl-Italja waqt il-purċissjoni bis-sagrament in-nies
kienet toħroġ il-qsari mill-btieħi tagħha u tpoġġihom fit-triq min fejn tkun
ser tgħaddi l-purċissjoni. Kienet ukoll toħroġ it-twapet u tpoġġihom f’ nofs ta’
triq biex minn fuqhom jgħaddi s-saċerdot bl-Ewkaristija.
Din il-ħaġa konna
narawha f’ kull purċissjoni Ewkaristika f’ pajjiżna u hemm fejn għadna narawha
wkoll. Żgur li din id-drawwa waslet Malta mill-Italja.
Evoluzzjoni
It-tqegħid
tal-fjuri u t-tapiti ingħaqdet fi drawwa waħda. F’ xi postijiet ġewwa l-Italja
bdew isiru dawk li jissejħu l-infiorata, tapit tal-fjuri. Hemm bosta rħula li
jagħmlu dan ix-xogħol sabiħ li jirrikjedi sengħa, ħin u paċenzja.
Tistgħu timmaġinaw
il-fwieħa ħelwa li jkun hemm fir-raħal meta l-infiorata tkun lesta!
Din id-drawwa ilha ssir
aktar minn 200 sena u llum daħlet fil-kalendarju tal-post. Bosta Taljani, kif
ukoll barranin iżuru dan il-post biex jitgħaxqu bil-ġmiel naturali tiegħu,
jaraw din l-opra tal-arti u jgawdu ftit il-Castelli Romani. L-għada jitnaddaf
kollox u qisu qatt ma kien xejn!
Din id-drawwa ġieli
rajnieha f’ xi rħula f’ Malta wkoll u hija wkoll frott ta’ ħbiberiji ta’ xi
rħula Maltin ma’ dawk Taljani. Min jaf il quddiem għadx ikollna xi infiorata
famuża bħal dik ta’ Genzano?
Fr Reno Muscat

Nessun commento:
Posta un commento