sabato 24 giugno 2017

Mill-ħlewwa

Ftit ilu kont qed nitkellem ma’ ħabib tiegħi u qalli li z-zija tiegħu, xebba ta’ madwar 90 sena, għadha ta’ kuljum tixrob grokk anisette kif tgħid hi “għar-rieq” – jiġifieri l-ewwel ħaġa filgħodu malli tqum qabel tkun ħadet xi ħaġa x’ tixrob jew tiekol. Qalli li din il-ħaġa ilha tagħmilha snin twal u tgħid li tgħinha teħles mill-irjieħat. Issa li għadda żmien l-irjieħat, xorta ħassejtni obbligat nisma’ dak li kien qed jgħidli dan il-ħabib tiegħi, l-ewwel għax it-togħma tal-anisette inħobbha u t-tieni għax l-irjieħat iħobbu jaqbdu miegħi anke bħalissa. Il-kurżità għelbitni u mort infittex ftit dwar dan ix-xorb meqjus miz-zija ta’ sieħbi u ta’ bosta oħrajn, bħala “mirakoluż” kontra l-irjieħat.

Ix-xorb
L-anisette huwa xorb alkoħoliku li jsir billi tkun iddistillata ż-żerriegħa tal-ħlewwa. Dan ix-xorb huwa popolari ħafna fil-pajjiżi tal-Mediterran: il-Portugall, Franza, l-Italja, l-Greċja, t-Turkija, Ċipru u anke Malta. Huwa xorb aktar ħelu minn xorb ieħor li għandu bażi ta’ ħlewwa. Dan ix-xorb ma fihx likwirizja; għerq ta’ pjanta li jkun fih togħma tal-ħelu tas-sugu.

Il-ħlewwa


Matul is-snin iż-żerriegħa tal-ħlewwa kienet użata mill-bniedem għall-kura ta’ bosta mard. Hija żerriegħa li kienet prezzjuża fi żmien il-Griegi u r-Rumani tant li ġieli kienet tintuża biex biha tittħallas it-taxxa. Illum  il-ħlewwa għadha tintuża fil-kura medika, fosthom għad-diġestjoni. Te tal-ħlewwa jgħin biex jitfejjaq bronkite. Tista’ tintuża biex tikkura n-nuqqas ta’ rqad, tgħin lill-ommijiet li jkunu qed ireddgħu lill-uliedhom, tiftaħ l-aptit u tnaqqas id-dardir fl-istonku.  Wieħed jista’ jikseb dawn il-benefiċċji kollha billi jieħu grokk anisette għar-rieq, bħaz-zija tal-ħabib tiegħi! Iżda bħal kollox, l-esegerazzjoni hija ħażina. Jekk wieħed jixrob aktar milli suppost, mhux talli ma jfejjaqx il-mard li jkollu, mhux talli ma jagħmilx ġid lilu nnifsu iżda jispiċċa jisloħ griżmejh minħabba l-qawwa ta’ dan ix-xorb.

Varjazzjonijiet madwar id-dinja
Insibu għadd ta’ kwalitajiet ta’ anisette. L-aktar ħaġa komuni bejn dawn ix-xarbiet hija li meta jitħalltu mal-ilma, il-kulur trasparenti tagħhom jinbidel u jiġi abjad.

Fl-Italja nsibu s-Sambuca, tajba ħafna, li tinxtorob bħala diġestiv. Xi kultant jintefgħu xi żerriegħa tal-kafè fit-tazza u x-xorb jitqabbad għal ftit ħin. Xħin jintefa n-nar wieħed irid jistenna t-tazza tibred qabel iduq ix-xorb, li issa jkun bidel ftit it-togħma tiegħu.

Fi Franza insibu l-Pastis. Dan ix-xorb minbarra l-ħlewwa jkun fih ukoll ftit likwirizja. Kontrarjament għall-Italja dan jinxtorob bħala apertiv qabel l-ikel. Il-Pastis jintuża wkoll f’ xi riċetti Franċiżi bħalma hi il- bouillabaisse, soppa tal-ħut li hija popolari fin-nofinhar ta’ Franza.

 Fil-Greċja u f’ Ċipru nsibu x-xorb li jissejjaħ Ouzo. Jingħad li kienu l-patrijiet tal-muntanja Athos li f’ nofs is-seklu XIV bdew jipproduċu dan ix-xorb biex jixorbuh huma kif ukoll biex ibigħuh u jaqilgħu xi ħaġa biex jgħixu. Illum dan ix-xorb issibu madwar dawn iż-żewġ pajjiżi kollha u jinxtorob bħala apertiv kif ukoll ikun servut ma’ ċertu ikel, bħall-qarnita, sardin jew klamari.

Fil-pajjiżi Slavi u fil-Balkani nsibu x-xorb li jissejjaħ Mastika. Din il-kelma tfakakrni f’ xi xjuħ li l-anisette kienu jsejħulha “Maskta”, nassumi li hemm xi rabta. Minbarra l-ħlewwa, dan ix-xorb għandu l-busbies bħala ingredjent.  Fil-Bulgarija il-mastika  titħallat ma’ xorb ieħor magħmul min-nagħniegħ u jservu dan il-cocktail qabel l-ikel. Fil-Maċedonja l-mastika tinxtorob waħdeha bi ftit silġ filwaqt li fir-Rumanija hemm id-drawwa li din ix-xarba tinxtorob fit-tiġijiet u tiġi servuta ma’ platti bil-laħam tat-tiġieġ.

Fit-Turkija, l- Ażerbajġan u l-Albanija nsibu r-raki. Dan normalment isir mill-fdalijiet tal-għeneb wara li jintgħasar l-inbid, jiġi ddistillat u ġieli jintefa’ miegħu iż-żerriegħa tal-ħlewwa. Fit-Turkija r-raki jitħallat mal-mastika u jqawwi t-togħma tal-ħlewwa.

Fil-Lebanon, Israel, is-Sirja, l-Eġittu u l-Ġordan insibu x-xorb Arak, li għandu l-bażi tiegħu ż-żerriegħa tal-ħlewwa. Dan jinxtorob billi jitħallat bl-ilma. Xi wħud jixorbu din ix-xarba biex jaqtgħu l-għatx, iżda hija xarba li ħafna drabi tiġi servuta mal-laħam.

Din ix-xarba ma nsibuhiex biss fil-pajjiżi tal-Mediterran jew Ewropej biss. Fl-Amerika ta’ isfel hija popolari wkoll bħal fil-Peru, l-Argentina, il-Messiku u l-Veneżwela.

F’ Malta
F’pajjiżna l-użu tal-anisette huwa popolari wkoll. Niftakar ħanut tal-ikel antik ġewwa r-Rabat li wara l-ikel kien iservi tazza kafè bi ftit anisette fih. Din hija xarba li tkun prodotta anke lokalment u nemmen li għandha konsum tajjeb ukoll.

Kien propju l-kliem ta’ sieħbi dwar iz-zija tiegħu li tieħu grokk anisette għar-rieq li ħajjarni nfittex ftit fuq din ix-xarba. Skantajt kemm hija popolari madwar id-dinja kollha nistgħu ngħidu, b’ xi mod jew ieħor tmur fejn tmur dejjem tista’ ssib xi ħaġa qrib l-anisette. Allura inkunu fejn inkunu dejjem nistgħu nieħdu grokk għar-rieq biex inbegħdu l-irjieħat.


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon fl-24 ta' Ġunju 2017



1 commento:

  1. Interessanti ħafna bħal kull artiklu tiegħek. X'inhi "ħlewwa" bl-Ingliż jew bit-Taljan, jekk jogħġbok?

    RispondiElimina