lunedì 7 agosto 2023

Il-kappillan ta’ Ħal Trintrin

 

L-iktar ħaġa li kienet iddejjaq lill-kappillan kienet il-ħoss tal-muniti jċekċku fil-qoffa waqt il-ġabra fil-quddiesa jew inkella l-ħoss tal-flus neżlin fil-kaxxa tal-offerti ta’ quddiem l-istatwa ta’ Sant’Antnin waqt li kien ikun qiegħed jagħmel il-meditazzjoni. Ried jara x’jagħmel għax dawn il-ħsejjes kienu qegħdin idejquh tassew. Qatagħha li fil-quddies ma jsirx iktar ġbir u neħħa kull kaxxa tal-offerti minn ġewwa l-knisja.

Issa beda jkun hemm skiet perfett, la ċekċik ta’ muniti u lanqas ħsejjes ta’ flus nieżla fl-kaxxa tal-qaddis ta’ Padova. Fil-bidu kien hemm min ma qabilx mal-kappillan imma l-biċċa ma damitx biex indrat u ħadd aktar ma baqa’ jieħu flus miegħu meta jmur il-knisja.

Madwar xahrejn wara wasal il-kont tad-dawl tal-knisja. Flus biex iħallas ma kellux il-kappillan u għalhekk mar bil-kont fl-uffiċċju fejn jitħallsu l-kontijiet. Kif daħal sab skrivan minn tagħna, fissirlu sewwa x’inhi l-qagħda tiegħu u ftiehem miegħu li minflok il-flus tal-kont kien sejjer jagħmillu għaxar quddisiet għal ruħ ommu u missieru. L-iskrivan tar bil-ferħ u dlonk qabad it-timbru u ċapċap biċċa ta’ PAID daqsxiex fuq il-kont. Mela l-kont tad-dawl tħallas.

Dik il-ħabta wkoll fil-knisja kien hemm żewġ ħaddiema jagħmlu xi xogħol. Meta lestew dak li kellhom jagħmlu marru fis-sagristija jfittxu lill-kappillan sabiex jieħdu ħlashom. Kif rahom il-kappillan fetaħ il-kaxxarizz, ħareġ mazz santi u qasamulhom bejniethom. Qalilhom li dan kien il-ħlas tagħhom. Tant ferħu dawk il-ħadiema bis-santi tal-kappillan li minn dakinhar ma riedux aktar flus ta’ xogħolhom imma kienu jitolbu biss mazz santi ta’ kull biċċa xogħol li kienu jagħmlu.

Wara x-xogħol tal-ħaddiema kien jeħtieġ tindifa l-knisja. Il-kappillan  mar sal-ħanut tal-pjazza u għamel xirja xirjun. Ftakar ukoll li fil-lokijiet tal-knisja kienu spiċċaw is-sapun u l-karti u għalhekk ħaseb għalihom ukoll. Xħin tal-ħanut għamillu l-kont, il-kappillan qallu li kien ser iħallsu billi jgħid ħames posti rużarju għall-bżonnijiet tiegħu. Sid il-ħanut qabad u rduppjalu x-xirja u talbu li minflok ħames posti jgħid għaxra.

Meta xi mara fqira kienet iddoqq il-qanpiena tal-bieb tad-dar tal-kappillan u titolbu l-għajnuna, dan kien idaħħalha fl-uffiċċju u jibda jirrakkonta salt stejjer ta’ qaddisin. B’dawn l-istejjer kienet timla żaqqha hi u titma’ lill-uliedha mġewħa. Ma kienx jonqos li jagħtiha xi żewġ domni wkoll biex iżżommhom għall-emerġenza.

Trinnnnnn triiinnnnn trinnnnn. Daqq l-iżverjalin biex javża lill-kappillan li kienu saru l-ħamsa ta’ filgħodu u kien sar il-ħin biex iqum u jmur jiftaħ il-knisja u jqaddes tal-ewwel. Allura dak kollu kien ħolma? Il-kont tad-dawl kien għadu ma tħallasx? U x-xirja mingħand tal-ħanut ma tpattietx bir-rużarju? Intebaħ li l-ħaddiema li lestew xogħolhom fil-knisja mazz ewro jridu u mhux mazz santi. Induna li kienet ħolma, qam mis-sodda, ħasel wiċċu, xedd s-suttana u telaq jiftaħ il-knisja bil-qalb it-tajba.



Mill-ktieb tiegħi "Minn kitbieti"

Nessun commento:

Posta un commento