sabato 26 agosto 2023

Il-port tal-Imġarr

 

Dan l-aħħar kelli mmur sa Għawdex u waqt li l-vapur kien dieħel fil-Port tal-Imġarr ġie ħsieb f’moħħi: Min jaf xi storja għandu dan il-port ewlieni tal-gzira tat-tliet għoljiet? L-ewwel dehra ta’ Għawdex li wieħed jara minn fuq il-vapur hija dik tal-Port tal-Imġarr, xena tant sabiħa u serena li tisraq qalb tant fotografi u artisti u ta’ ħafna li jersqu lejn il-gżira Għawdxija mill-baħar. L-attività bieżla tal-laneċ, il-jottijiet, id-dgħajjes tas-sajd, il-vapuri ta’ Għawdex ġejjin u sejrin, is-sajjieda impenjati jħejju x-xbiek tagħhom, hija dehra komuni li tiltaqa’ magħha ta’ kuljum. Tħares fuq il-port naraw il-kappella tal-Madonna ta’ Lourdes u warajha l-forti Chambray. Min qatt ma raha din ix-xena tant sabiħa?

Il-port

Il-port tal-Imġarr huwa l-post tal-wasla kif ukoll tat-tluq mill-gżira ta’ Calipso. Aktarx li s-servizz regolari tal-laneċ mill-Imġarr għal Malta nbeda wara s-seklu tnax. Is-servizz, magħruf bħala id-dgħajsa tal-passaġġ hija msemmija għall-ewwel darba fl-1241. Dak iż-żmien, l-Imġarr kien port baxx li jagħti ankraġġ għal dgħajjes żgħar biss u kien espost għall-irjieħ mil-Lbiċ u x-Xlokk. Ma kellux breakwater imma kien hemm biss moll żgħir li jintuża mill-passiġġieri biex jitilgħu u jinżlu mid-dgħajjes kif ukoll mis-sajjieda biex iħottu l-qabdiet tagħhom. Il-problema ta’ port aktar kenni ttieħdet għall-ewwel darba taħt konsiderazzjoni serja fl-1841. F’April ta’ dik is-sena, il-Gvern beda l-bini ta’ breakwater żgħir xi mitt metru. Matul is-snin ta’ wara ġie mkabbar għal diversi drabi. Madankollu xorta ma tantx kien joffri kenn u l-vapuri ma setgħux ibaħħru. Il-problema fl-aħħar ġiet indirizzata lejn l-aħħar tas-snin 20. Fl-1969, il-Gvern awtorizza l-estensjoni tal-breakwater eżistenti u l-bini ta’ żewġ breakwaters moderni biex jaqdu sew il-vapuri tal-passiġġieri li jiġu jew imorru lejn Malta. Fil-bidu tas-snin 90 fil-port saret yacht marina żgħira. Illum hemm terminal komdu għall-passiġġieri li jkun ser jaqsmu l-fliegu.

Il-kappella

Fil-bidu semmejt il-kappella li dlon naraw kif noqorbu lejn dan il-port. Xieraq ngħdu xi ħaġa dwarha wkoll. Din il-kappella ddedikata lill-Madonna ta’ Lourdes tinsab fuq xifer ta’ għolja li tagħti fuq il-Port tal-Imġarr. Minn hawn tkun tista’ tgawdi veduti spettakolari tal-baħar li jifred il-gżejjer u tal-gżira ta' Kemmuna u dik ta’ Malta Din il-kappella tista' tintlaħaq faċilment bil-mixi jew bil-karozza mill-port jew mir-raħal ta' Għajnsielem. Fl-1879, statwa tal-Verġni Marija ta’ Lourdes skolpita minn Antonio Busuttil tpoġġiet f’għar naturali taħt il-għolja. Fit-3 ta’ Ġunju 1888, tbierket mill-Isqof Pietro Pace li ħeġġeġ lid-devoti biex jgħinuh itella’ kappella. L-ewwel ġebla tpoġġiet ġimgħa biss wara u l-kappella nfetħet fis-sajf tal-1893. Ġiet ikkonsagrata fl-1949. Iddisinjata minn Emmanuel Galizia u mibnija minn Wiġi Vella ta’ Ħaż-Żebbuġ, il-kappella għandha stil Gotiku. Ġewwa naraw statwa tal-Madonna ta’ Lourdes. Din l-istatwa ġiet maħduma minn Karlu Darmanin u mogħtija minn Karolina Mamo-Bruno fl-1893.

Il-forti

Il-Forti Chambray kien ikkummissjonat minn Jacques François de Chambray tal-Ordni ta’ San Ġwann fl-1749. Il-forti oriġinarjament kien maħsub biex ikun belt fortifikata ġdida bħall-Belt Valletta, u eventwalment isir il-kapitali l-ġdida ta’ Għawdex minflok iċ-Ċittadella. Il-proġett ma rnexxiex għax sa meta bdiet il-kostruzzjoni tiegħu, it-Torok ma kinux għadhom theddida kbira għal pajjiżna u n-nies bdew iħossuhom aktar sikuri li jgħixu fl-irħula. Filwaqt li l-forti nbena, qatt ma żviluppa f’belt kif kien ippjanat. Fl-1716, l-inġinier militari Franċiż Louis François d'Aubigné de Tigné ħejja pjanijiet għall-bini ta' belt fortifikata f'Ras it-Tafal, l-isem ta’ fejn insibu dan il-forti. Il-bini kellu jkun pospost għal żmien indefinit minħabba nuqqas ta’ fondi. Fl-1749, il-Gvernatur il-ġdid ta' Għawdex, Jacques-François de Chambray, informa lill-Gran Mastru Manuel Pinto de Fonseca li kien se jħallas hu għall-bini tal-forti.

Il-Forti Chambray ra l-ewwel użu tiegħu waqt l-invażjoni Franċiża ta’ Malta f’Ġunju 1798. Meta l-Franċiżi niżlu f’Għawdex, ħafna abitanti ħadu kenn ġewwa Chambray u ġabru magħhom il-bhejjem tagħhom. Fi żmien l-Ingliżi dan il-forti kien jintuża bħala sptar, l-ewwel bħala sptar militari u wara bħala sptar mentali. Matul is-snin li l-forti ntuża bħala sptar, inbnew fih tliet ċimiterji, wieħed ġewwa l-forti u tnejn fil-fossijiet tiegħu. Fl-1979, parti mill-forti bdiet tinbidel f’kumpless turistiku, proġett li qatt ma mmaterjalizza. Dan il-pjan seħħ snin wara biex illum il-Forti Chambray huwa post fejn jilqa’ t-turisti.

Mill-ġdid il-port

Illum il-port tal-Imġarr ma għadux li kien qabel. Madwaru hemm binjiet ġodda li sa nofs seklu ilu ma kinux hemm, biss is-seħer li joffri sa issa għadu hemm. Sajjieda għadhom jitilqu għas-sajda tagħhom minn hemm minkejja t-traffiku marittimu li dan il-port sar għandu llum.

Fr Reno Muscat




Nessun commento:

Posta un commento