martedì 28 ottobre 2014

Love and let go like a Virgin

Is-sehem ta’ Sor Cristina Scuccia, is-soru Orsolina minn Sqallija, fit-talent show The Voice of Italy, qanqal bosta argumenti, min favur u min kontra. Is-soru spiċċat biex rebħet dan il-konkors televiżiv. Kienet mossa sabiħa meta din is-soru telgħet għall-premju, qalet li għandha ħolma u l-ħolma tagħha kienet li tgħid it-talba tal-Missierna ma’ dawk il-miljuni kollha li kienu qegħdin isegwu t-trasmissjoni. Bla ma stenniet xejn, talbet it-talba.

Li tara soru tieħu sehem f’ konkors ma hijiex xi ħaġa ta’ kuljum u għandu mnejn għalhekk id-dehra tagħha kienet bħal doċċa kiesha għal bosta minna. Aħna imdorrijin naraw soru fl-isptar, fl-iskola, mat-tfal, fit-triq, fil-ħwienet, imma tieħu sehem f’ festival le. Li kellu jkun qassis aktarx li konna nibqgħu indifferenti. F’ pajjiżna stess ilna mdorrijin b’patrijiet fix-xena mużikali. Kellna aktar minn wieħed li ħarġu diski. Imma soru qatt.

Madwar id-dinja hemm bosta partijiet jew qassisn fix-xena tal-mużika. Biżżejjed insemmu lil The Priests. Fis-snin sittin kienet ħarġet diska li ġġib l-isem Domenique. Din kienet kisbet suċċess enormi madwar id-dinja. Mhux xi ħaġa rari li diska tikseb suċċess kbir madwar id-dinja kollha, imma dak li jagħmel speċjali lil din id-diska kienet li din kienet titkanta minn soru Dumnikana, Sor Luc Gabrielle O.P. kienet ukoll magħrufa bħala Sœur Sourire, jiġifieri Sor Tbissima.

Issa f’ pajjiżna għandna grupp ta’ sorijiet li wkoll daħlu għall-festival. Meta smajt bihom għidt li dawn kienu se jikkupppjaw lil Suor Cristina, imma meta staqsejt qaluli li l-ħsieb li dawn is-sorijiet jiddaħħlu għall-festival tal-kanzunetta għall-Ewropa beda ħafna qabel ma Sr Crisitna dehret fil-Voice of Italy. Il-kanzunetta ta’ Ekkesia, l-isem li għażlu dawn is-sorijiet,  fiha kliem verament bis-sens. Jalla jaslu fejn jixirqilhom f’ dan il-festival.



Dan l-aħħar ir-rebbieha tal-Voice of Italy ħarġet video bid-diska ta’ Madonna, Like a Virgin. Personalment il-kliem ta’ Love and let go jogħġobni elf darba iktar minn dak tad-diska ta’ Madonna. Din  sejra tkun diska waħda mill-album li sejra toħroġ f' Novembru. Insomma s-soru Siċiljana reġgħet kienet iċ-ċentru ta’ kontroversja sħiħa. Min jaqbel u min ma jaqbilx dwar kemm soru għandha tkanta diska li fiha kliem mhux kompatibbli mal-ħajja reliġjuża. Inħallu lil kulħadd jaħsibha kif irid dwar dan.



Niftakar wieħed professur tiegħi, saċerdot, kien imfittex ħafna mis-sorijiet għall-konferenzi u l-irtiri. Huwa spiss kien jgħidilhom biex ma jaspirawx wisq fil-għoli, li aħjar imorru fil-kċina jqaxxru l-patata minflok jippruvaw jistudjaw it-teoloġija. Li l-Madonna keinet sempliċi mara tad-dar u mhux superjura.  Illum hawn sorijiet li studjaw it-teoloġija daqs il-qassisin u kapaċi jgħallmu u jxandru l-Evanġelju daqs l-aqwa predikatur. Ma nafx għalfejn kien jgħidilhom hekk dak is-saċerdot? Allaħares is-sorijiet kollha kellhom  jisimgħu minn dan il-patri għax kieku konna nitilfu naqra talent mhux ħażin!


Fr Reno Muscat



Nessun commento:

Posta un commento