venerdì 31 agosto 2018

Marsilja


Ma nafx kemm-il darba żortha il-belt ta’ Marsilja fin-Nofsinhar ta’ Franza u jekk ikolli nerġa’ nżurha ma niddejjaqx. Din hija t-tieni l-akbar belt Franċiża, wara Pariġi, il-kapitali tal-pajjiż. Fiha l-akbar port Franċiż fil-Mediterran. Kienet il-belt Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2013. U nsomma ħafna u ħafna aktar!

Storja
Marsilja hija waħda mill-eqdem bliet li nsibu fi Franza. Kienet imwaqqfa mill-Griegi madwar sitt mitt sena qabel Kristu. Kienet tissejjaħ Massalja minn fejn ġej l-isem li għadna nsejħu lil din il-belt illum. Fis-sena 49qK sar l-assedju ta’ Massalja fejn spiċċat tilfet l-indipendenza tagħha. Fl-ewwel seklu wara Kristu f’Marsilja twaqqfet l-ewwel djoċesi Kattolika Rumana. Fis-sena 470wK l-belt ittieħdet mill-Viżgoti. Aktar tard  l-Għarab għamlu ħerba minnha. Fl-1481 issieħbet mar-reġjun ta’ Province kif għadha sal-lum u fl-1486 saret parti minn Franza. Matul ir-Revoluzzjoni Franċiża din il-belt kellha l-importanza tagħha u kellha l-Kumitat tal-Ġakobini tagħha wkoll. Fl-1793 Marsilja opponiet il-gvern Revoluzzjonarju li kien qed imexxi lill-pajjiż. Minn hawn ukoll nibet l-innu nazzjonali Franċiż li jismu proprju La Marseillaise, jiġifieri Il-Marsiliż. Matul it-tieni gwerra dinjija sofriet minn bosta attakki tal-għadu.

Matul l-aħħar ftit mijiet ta’ snin Marsilja mxiet il quddiem kemm fejn jidħol negozju, għax billi hija belt port ma jistax jonqos il-kummerċ, kif ukoll fil-qasam turistiku u edukattiv.

Notre Dame de la Garde
Notre Dame de la Garde
L-aktar bini magħruf mal-belt ta’ Marsilja huwa l-Bażilika tal-Madonna tal-Għassa: Notre Dame de la Garde. Illum bosta vapuri bit-truisti jidħlu fil-port ta’ Marsilja. Hekk kif tkun dieħel lejn l-art l-ewwel ma tara hija din il-knisja li tinsab sewwasew fuq għolja fuq il-port li hija madwar 150 metru ’l fuq mill-baħar. Billi dan huwa post fil-għoli. Fil-qedem kien hemm fortizza biex tħares lill-belt minn xi attakk. Din il-knisja nbniet fuq il-fdalijiet ta’ din il-fortizza. L-ewwel knisja fil-post inbniet fl-1214 iżda l-knisja li nsibu llum bdiet tinbena fl-1852 minflok l-oħra. Din, jew aħjar dawn il-knejjes għax fil-verità nsibu tnejn fuq xulxin, ħadu 21 sena biex tlestew. Fuq nett tal-kampnar li jddomina l-faċċata hemm statwa tal-Madonna indurata bid-deheb. Din l-istatwa hija għolja ftit aktar minn 11-il metru. Bilfors trid tkun kbira biex tidher fuq kampnar ta’ 41 metru. Dan il-post huwa wisq għal qalb l-Insara ta’ Marsilja u kull nhar il-15 ta’ Awwissu eluf ta’ nies jitilgħu f’pellegrinaġġ lejn dan il-post. Hemmhekk wieħed minbarra li jista’ jgawdi l-Bażilika sabiħa fuq stil Romanesk, ikun jista’ jara veduta mill-isbaħ tal-port bil-gżejjer li fih u l-kumplament tal-belt ta’ Marsilja.



Tank tal-gwerra
It-tank tal-gwerra
Inti u tiela’ lejn il-Bażilika ta’ Notre Dame tara tank tal-gwerra f’nofs ta’ triq. Dan it-tank iġib l-isem ta’ Santa Ġovanna d’Arco u llum għadu f’dan il-post bħala monument tal-ħelsien ta’ din ix-xaqliba ta’ Marsilja minn taħt idejn il-Ġermaniżi. F’Awwissu tas-sena 1944 din il-parti kienet f’idejn in-Nazisti u l-Franċiżi riedu joħduha bla ma jaħbtu għaliha mill-ajru jew jużaw armamenti kbar ħafna. Kienu jafu li setgħu jagħmlu ħsara fil-bini tal-knisja jekk jattakkaw mill-ajru jew jużaw bombi qawwijin ħafna. Fit-28 ta’ Awwissu 1944 Marsilja inħelset mill-għadu u t-tank tal-gwerra tħalla fil-post bħala sinjal ta’ din l-istorja.
Chateau d’if
Aktar il fuq semmejt il-gżejjer fil-port ta’ Marsilja. Hemm erba’ gżejjer żgħar; Pomègues, Ratonneau, Îlot Tiboulen u If. Flimkien jiffurmaw l-arċipelagu Frioul. Ta’ interess partikolari hija If għaliex fuqha hemm fortizza li serviet ukoll ta’ ħabs. Fil-ktieb tiegħu “Il-Konti ta’ Montekristo”, il-kittieb Alexandre Dumas jibni parti mill-istorja tiegħu fuq din il-gżira ċkejkna. Dan ir-rakkont inħadem film bosta drabi. L-aħħar li nħadem kien f’pajjiżna.

Wieħed jista’ jmur iżur dawn il-gżejjer billi jaqbad lanċa mill-port ta’ Marsilja.

Max-xatt
Il-katidral ta' Marsilja fil-port
Illum il-port ta’ Marsilja, il-Vieux-Port, il-port il-qadim ma għadux biss għall-kummerċ imma ssebbaħ u sar attrazzjoni turistika. Fil qrib wieħd jista’ jżur il-katidral ta’ Marsilja u ma jagħmilx ħażin jekk iżur l-abatija ta’ San Vitor. Ma’ xatt il-baħar wieħed isib bini modern li fih hemm il-Mużew tal-Kultura Mediterranja. Mużew li wieħed għadnu jżuru għax hemm x’tara! Mix-xatt tista’ titla’ lejn il-belt fejn issib tixtri min kolox. Illum il-multikulturaliżmu qabad l-għeruq sewwa fi Franza u f’Marsilja xi ħaġa speċjali.

Jitkellmu bil-Malti
Fil-bidu ktibt li mort kemm-il darba Marsilja imma ma għidx għalfejn żort l-istess belt bosta drabi. Mort u nerġa’ mmur għaliex hemmhekk għandi xi qraba jgħixu. Bosta Maltin li kienu emegraw lejn l-Alġerija jew it-Tuneżija, mal-indipendenza ta’ dawn il-pajjiżi kellhom għażla li jmorru Franza. Qrabati li kienu Tuneż għażlu li jmorru Marsilja. U hemm għad hemm uliedhom u wlied uliedhom. Ħaġa interesanti hija li dawn minkejja li ma twieldux Malta jitkellmu bil-Malti daqsna u bejneithom meta jiltaqgħu għadhom sal-lum jitkellmu bil-Malti. Din il-komunità llum qed tikber fiż-żmien u tonqos fin-numru.

Kemm hi belt interessanti Marsilja!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon -  1 ta' Settembru 2018




Nessun commento:

Posta un commento