sabato 4 settembre 2021

Sorijiet impurtati

 

Dan l-aħħar qrajna li l-monasteru tas-sorijiet tal-klawsura Agostinjani li hemm il-Belt Valletta, strada rjali, ftit l-isfel minn Misraħ San Ġorġ, ser jiftaħ il-bibien tiegħu biex jilqa’ fih sorijiet tal-klawsura mill-Filippini. Intqalu ħafna teoriji, fosthom li issa ser ikollna “sorijiet impurtati!” Dan il-fatt ħajjarni nikteb dan l-artiklu għax bosta mill-kummenti li rajt fuq il-media soċjali tawni x’nifhem li hawn nuqqas ta’ tagħrif dwar dan l-argument.

Ħajja kontemplattiva


Irridu l-ewwel ħaġa nagħmlu distinzjoni bejn dik li tissejjaħ il-ħajja reliġjuża attiva u l-ħajja reliġjuża kontemplattiva. L-ewwel forma ta’ ħajja reliġjuża, jiġifieri meta grupp ta’ nies jibdew jgħixu flimkien biex jgħixu ħajja ta’ talb, kienet il-forma kontemplattiva. Aħna bil-Malti lis-sorijiet kollha sorijiet insejħulhom u lill-patrijiet kollha patrijiet, allura biex nifthemu jkollna nużaw il-kliem Taljan. Jeżistu l-Monaco u l-Monaca, il-monaco bil-Malti jissejjaħ raħeb u l-monaca soru tal-klawsura. Huma dawn li jissejħu reliġjużi ta’ ħajja kontemplattiva. Sa żmien San Franġisk u San Duminku kienu jeżistu biss reliġjużi ta’ ħajja kontemplattiva. Dawn il-qaddisin waqqfu l-ewwel ordnijiet ta’ ħajja reliġjuża attiva.

Il-ħajja kontemplattiva hija sinonima mal-klawsura. Fil-fatt anke l-ismijiet tal-post fejn jgħixu jindika dan. Dawn joqgħodu f’monasteru (kelma li ġejja minn mono stare – toqgħod waħdek) filwaqt li l-patrijiet u s-sorijiet joqgħodu fil-kunvent (kelma li ġejja minn con vivere – ngħixu flimkien). L-għan tal-ħajja kontemplattiva hija t-talb filwaqt li l-għan tal-ħajja reliġjuża attiva minbarra t-talb hemm ukoll il-kariżma tal-ordni partikolari li għaliha jkun jappartjeni l-membru. Hawn ippruvajt infiehem fil-qosor id-differenza bejn iż-żewġ tipi differenti ta’ ħajjiet reliġjużi.

Ħajja moħlija

Fost il-kummenti li rajt dwar l-aħbar li xi sorijiet tal-klawsura mill-Filippini ġejjin jgħixu Malta, rajt min kiteb li soru aħjar toħroġ barra tgħin lil min hu fil-bżonn milli tmur tingħalaq fil-monasteru u skont dawn “jaħlu ħajjithom hemm ġew!” Minn kummenti bħal dawn nindunaw kemm illum il-Malti tilef is-sens tat-talb, kemm warrab dak li tant kien għal qalb l-antenati tagħna. Tabilħaqq li soru li taħdem qrib in-nies tidher li qed tgħix ħajja utli filwaqt li minħabba l-klawsura, minħabba r-restizzjonijiet li timponi l-ħajja monastika, mara li tidħol fil-klawsura tidher għad-dinja bħala ħela. Imma jekk inżommu din it-teorija nkunu qed ngħidu li t-talb huwa ħela ta’ żmien. Jekk tifhem dan l-argument żgur li ma tgħidx li ħajja fil-monasteru hija ħajja moħlija.

Nuqqas ta’ membri

Il-monasteru tal-Agostinjani tal-Belt Valletta stqarr pubblikament li qiegħed fi kriżi. Din il-ħaġa donnha nibżgħu ngħiduha bil-miftuħ, nippruvaw ngħattu x-xemx bl-għarbiel u nibqgħu nitfgħu t-trab taħt it-tapit. In-numru ta’ patrijiet u sorijiet kull ma jmur dejjem qed jonqos u dawk li qed jidħlu fil-kunventi huma bil-wisq inqas minn dawk li qed imutu. Hawn mhux ser noqgħod nagħmel eżami għalfejn iż-żgħażagħ mhux qed jersqu lejn il-ħajja reliġjuża, imma ngħid biss li hemm bosta raġunijiet, u raġunijiet miż-żewġ naħat, mill-ġenerazzjoni żagħżugħa u mill-Knisja u mill-Ordnijiet Reliġjużi.

Ladarba qed jonqsu l-membri ma jistax ikun li jibqa’ għaddej l-istess xogħol. Kif jista’ jkun erba’ sorijiet jagħmlu x-xogħol li kienu jagħmlu għoxrin soru? Kif jista’ kunvent bi tliet patrijiet jibqa’ jagħmel l-istess attivitajiet li kien jagħmel meta kien fih tnax jew ħmistax-il patri? Madanakollu għadna nippruvaw nillapazzaw, inġebbdu, inraqqgħu sakemm dak li jkun ma jkunx jiflaħ aktar u jisplodi, jitlaq jew min jaf xiex! Wasalna fil-punt li rridu norbtu l-ġolġol ma’ għonq il-qattus imma donnu kulħadd qed jibża’ jieħu azzjoni. Tgħidux li jiena pessimist, imma wisq nibża’ li għada l-istorja sejra tkun agħar minn dik li għandna llum.

Importazzjoni

Niftakar meta Malta kienet tesporta s-saċerdoti u s-sorijiet. F’kull parti tad-dinja xi darba kien hemm preżenza ta’ xi membru tal-Knisja Maltija. Kien hemm żmien li konna nisimgħu l-kliem: “Għad jasal iż-żmien li jibdew jiġu l-missjunarji f’pajjiżna!” Konna nieħdu dal-kliem biċ-ċajt, konna naraw din il-problema bogħod wisq minna u konna naħsbu li qatt ma kienet ser tilħaqna. Kemm konna żbaljati! Wasal dak il-waqt fuqna wkoll, forsi kien għal għarrieda, jew forsi ma konniex lesti għalih. Hu x’inhu wasal. Xorta waħda għadna ma wasalniex għal-livelli li waslet fihom il-Knisja f’ċerti bnadi tal-Ewropa, fejn kappillan ikollu tnejn, tlieta jew saħansitra erba’ parroċċi. Għadna ma wasalniex fil-punt li parroċċa jkollha quddiesa waħda darba fil-ġimgħa, realtà li teżisti f’ċerti parroċċi Ewropej. Aħna għadna mfissdin, irridu jekk jista’ jkun il-qassis id-dar biex ma nimxux sal-knisja! Għadna fil-lussu meta nqabblu rwieħna ma’ pajjiżi oħra, imma resqin b’pass mgħaġġel lejn realtà ġdida.

Il-monasteru tal-Agostinjani tal-Belt fetaħ bwiebu għal membri barranin. Dawn huma ta’ eżempju għal oħrajn, mhux biss reliġjużi femminili imma anke maskili. X’fiha ħażin li jkollok soriijet jew patrijiet u saċerdoti impurtati?

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 4 ta' Settembru 2021



Nessun commento:

Posta un commento