sabato 26 ottobre 2024

Il-Madonna ta’ La Salette

 

Id-dehra Marjana li seħħet fl-1846 ġewwa La Salette, raħal fuq il-muntanji fix-xlokk ta’ Franza, saret lil żewġt itfal, tifel ta’ ħdax-il sena u Mélanie Calvat tifla ta’ erbatax-il sena. Minkejja li din id-dehra hija approvata mill-Knisja, hawn ħafna li ma jafux biha.

It-tfal

Iż-żewġt itfal tad-dehra kienu mir-raħal ta’ Corps, qrib Grenoble u kienu jirgħu l-merħla ta’ raħħal sinjur biex jaqilgħu xi ħaġa għall-familji tagħhom. Kienu jieħdu l-merħla fuq il-muntanja Sous-Les Baisses f’La Salette, li huwa qrib Corps. Kien hemmhekk li fid-19 ta’ Settembru tas-sena 1846 kellhom dehra sopranaturali.

Waqt li kienu fuq xogħolhom, it-tfal qalu li lemħu raġġ ta’ dawl imbagħad mara bilqegħda fuq blata, b’minkbejha fuq irkupptejha u bil-pali ta’ jdejha tgħatti wiċċha mbikki. Il-mara kienet liebsa libsa bajda bil-perli u kellha fardal lewn id-deheb u xall abjad fuq spallejha. Kellha żarbun abjad u madwar saqajha kien hemm il-ward. Fuq rasha kellha bħal kuruna. Madwar għonqha kellha ġiżirana b’kurċifiss imdendel magħha. Fis-salib kien hemm martell u tnalja u l-figura ta’ Kristu msallab kienet tiddi ħafna.

Id-dehra

Meta kellmet lit-tfal il-mara kompliet tibki u tolfoq. L-ewwel bdiet titkellem bil-Franċiż iżda mbagħad bdiet tkellimhom bid-djalett Oċċitan, li bih kienu jitkellmu t-tfal. Il-mara tat sigriet lit-tifel u ieħor lit-tifla u mbagħad qamet, imxiet lejn il-muntanja u għabet. L-għada dan ir-rakkont inkiteb u ġie ffrimat miż-żewġt itfal u minn dawk li kienu semgħu din l-istorja.

It-tfal qalu li waqt l-ilfieq, il-mara qaltilhom li jekk il-poplu ma jindimx u jerġa’ lura lejn it-triq it-tajba, ma tistax tibqa’ żżomm id-driegħ ta’ Binha milli jikkastiga. Hi qaltilhom li titlob bla waqfien lil binha biex ikollu ħniena, iżda n-nies ma tridx taf, tadem nhar ta’ Ħadd u tidgħi. Hija qalet li se jkun hemm kastigi minħabba dawn id-dnubiet, fosthom qerda tal-uċuħ tar-raba’ l-aktar il-patata. Ix-xitwa ta’ wara, jiġifieri dik ta’ bejn l-1846 u 1847 kienet waħda iebsa għall-Ewropa l-aktar għal Franza u l-Irlanda fejn kien hemm ħafna ġuħ. Is-sigrieti li tat lit-tfal ma kellhomx jixxandru iżda dawn aktar tard intqalu lil Papa Piju IX.

Sigrieti

Skont Mélanie Calvat is-sigriet li qaltilha l-mara tad-dehra huwa dan: Jekk in-nies ser tibqa’ taħdem fil-jum tal-Ħadd u ser tibqa’ tidgħi u toffendi lil Alla, se jiġi żmien li d-dinja ssir skjava tad-dimonju. Pariġi se tiċċappas b’kull xorta ta’ atti kriminali u Marsilja ma ddumx ma tgħib ukoll. Il-Papa jkun ippersegwitat minn kullimkien, jisparaw lejh, ikunu jridu joqtluh, iżda ħadd ma jista’ joqtol il-Viġarju ta’ Kristu fid-dinja u fl-aħħar joħroġ rebbieħ. Is-saċerdoti u s-sorijiet li jkunu verament qaddejja ta’ ibni jkunu ppersegwitati u xi wħud ukoll maqtulin minħabba twemminhom. Jiġi żmien ta’ ġuħ. Wara li jiġri dan kollu jkun hemm bosta li jindunaw, jiftħu għajnejhom u jikkonvertu. Dan kollu ma jdumx ma jseħħ, ma jgħaddux ħamsin sena darbtejn.

Skont Maximin Giraud is-sigriet ma kienx iebes daqs ta’ Mélanie. Huwa stqarr hekk: Jekk in-nies sejra tibqa’ hekk, dak li qed ngħidlek ma jdumx ma jseħħ, jekk jinbidlu jasal aktar tard. Franza qerdet l-univers u għad tkun ikkastigata fuq dan. Franza titlef il-fidi, tliet kwarti tal-Franċiżi ma jibqgħux iħaddnu u jipprattikaw il-fidi u l-kwart l-ieħor iħaddnuha bla ma jipprattikawha. Wara li l-pajjiżi jikkonvertu terġa’ tasal il-ħniena ta’ Alla fid-dinja kollha. Pajjiż kbira ’il fuq minn Franza, li llum huwa Protestant għad jikkonverti u d-dinja kollha tikkonverti, iżda sakemm iseħħ dan għad ikun hawn taħwid kbir kemm fil-Knisja u kullimkien. Il-Papa jkun ippersegwitat u s-suċċessur tiegħu jkun Papa li ħadd qatt ma jkun basar. Wara dan jirrenja s-sliem, iżda ma jdumx wisq. Iqum monstru biex itellef dan is-sliem. Dan kollu jasal fuq il-pajjiż u fid-dinja tal-anqas sas-sena 2000.

Il-messaġġ

It-tfal sabu oppożizzjoni kbira meta bdew ixerrdu l-messaġġ tal-Madonna, iżda huma baqgħu jxanduh. Sal-isqof stess ma kienx wisq favur li jibdew l-investigazzjonijiet dwar id-dehra iżda wara erba’ snin twaqqfu żewġ kummissjonijiet biex  jistħarrġu sewwa d-dehra.  Fl-1855 l-Isqof ta’ Grenoble iddikkjara li d-dehra kienet seħħet tassew u għalhekk awtorizza il-kult tal-Madonna ta’ La Salette.

Maximin għadda ħajja mhux wisq stabbli. Ipprova l-ħajja reliġjuża u daħal f’seminarju iżda dik ma kinitx it-triq għalih. Ħadem bħala spiżjar. Reġa’ lura f’Corps fejn miet fl-1 ta’ Marzu 1875 meta lanqas kellu 40 sena. Mélanie wara d-dehra daħlet soru u ħadet l-isem ta’ Sor Marija tas-Salib. Ħadmet ħafna kemm fi Franza kif ukoll fl-Ingilterra, fil-Greċja u fl-Italja. L-aħħar snin ta’ ħajjitha għaddiethom ġewwa Altamura fil-Puglia, l-Italja. Hemmhekk bi ftehim mal-isqof, ħadd ma kien jaf min hi. Hija mietet fil-lejl ta’ bejn it-13 u l-14 ta’ Diċembru tas-sena 1904 fl-età ta’ 73 sena.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon 26 ta' Ottubru 2024



sabato 19 ottobre 2024

Għajn Rażul u l-inħawi

 

Aħna u neżlin miż-żona magħrufa bħala l-Veċċa, f’San Pawl il-Baħar lejn ix-Xemxija nsibu għajn tal-ilma magħrufa bħala Għajn Rażul.  Għajn kulħadd jaf xi tfisser imma rażul hija kelma għandha mnejn ġejja mill-kelma Għarbija Rasul li tfisser messaġġier u f’dan il-każ inkunu qed nirreferu għall-Appostlu San Pawl għax għall-Maltin wassal il-messaġġ tan-Nazzarenu. Hawn min imbagħad isostni li l-isem tal- rażul huwa derivazzjoni mill-ilsien tal-Feniċi, kelma li tabilħaqq tfisser appostlu.

L-għajn

Dinl-għajn hi ddekorata b’mod sabiħ ħafna. Fil-parti ta’ fuq tagħha nsibu  statwa żgħira minquxa fil-ġebla Maltija, ta’ San Pawl, hemm ukoll l-arma tal-Gran Mastru Vilhena li kien sultan ta’ dawn il-gżejjer bejn l-1722 u l-1736. Taħt l-istatwa hemm kitba bil-Latin li tmur lura sal-1725, jiġifieri sa żmien il-Gran Mastru Vilhena. Fil-bidu ktibt li l-isem Għajn Rażul ifisser l-Għajn tal-Appostlu San Pawl, minħabba li Rasul hi kelma Għarbija li tfisser messaġġier. Iżda hemm min jaħseb mod ieħor. Rażul jew Rażun seta’ kien l-isem tal-proprjetarju ta’ xi oqsma fl-inħawi, jiġifieri isem jew il-laqam ta’ dak li kien jagħmel użu minn dik in-nixxiegħa tal-ilma.

Storja jew tradizzjoni

L-istorja ta’ din il-għajn hija marbuta b’mod sinifikanti mat-tradizzjoni tan-nawfraġju ta’ San Pawl fil-gżejjer Maltin. L-Atti tal-Appostli jiddeskrivu b’mod ċar ħafna kif wara n-nawfraġju, in-nies tal-post , u hawn nassumu li kienu l-Maltin, marru jgħinu lil dawk li kienu fuq ix-xini li sofra n-nawfraġju. Mar-rakkont tal-Atti tal-Appostli, kapitlu 28, inżidu l-leġġenda lokali li tirrakkonta li n-nies tal-lokal ħadu magħhom ħwejjeġ, ikel u ilma iżda kien hemm bżonn aktar ilma. Issa l-ilma minn dejjem problema f’pajjiżna. Meta ra dan, San Pawl ħa l-bastun tiegħu, ħabbat bih fuq l-art  għal tliet darbiet u dlonk ħarġet nixxiegħa fil-post fejn illum hemm din il-għajn.

Ma nafux fiċ-ċert meta din l-għajn twaqqfet għall-ewwel darba iżda sors wieħed isostni li l-parti ta’ isfel tal-għajn kienet imnaqqxa minn blokka waħda antika ta’ granit ta’ data u provenjenza inċerta. Din il-funtana storika tidher li ġiet imċaqalqa waqt xogħlijiet ta’ twessigħ tat-toroq għall-ħabta tas-sena 1900 u minn dakinhar ġiet restawrata mill-inqas darbtejn, l-ewwel darba fl-1989, u t-tieni darba fl-2009. Il-funtana ta’ Għajn Rażul f’San Pawl il-Baħar kienet inkluża fil-Lista għall-Ħarsien tal-Antikitajiet tal-1932 u kienet skedata mill-Mepa bħala monument nazzjonali ta’ Grad 1.

Il-Veċċa

Il-post fejn insibu Għajn Rażul jagħmel kemm mal-Kunsill Lokali kif ukoll mal-Parroċċa ta’ San Pawl il-Baħar iżda huwa magħruf bħala  l-Veċċa. Imma minn fejn oriġina dan l-isem għandna mnejn nistaqsu?

Veċċa huwa l-isem ta’ żewġ inħawi, naħa f’Malta u oħra f’Għawdex. Toponimu li fid-dokumenti nsibuh miktub bħala Vecca. Jista’ jkun li dan it-toponimu ġej mit-Taljan vecchia. F’Għawdex insibu żona li hija magħrufa bħala l-Ħotba tal-Veċċa, art li tinsab bejn il-Qolla l-Bajda u Ta’ Gelmus. F’Malta l-Veċċa hi dik in-naħa tal-bajja ta’ San Pawl il-Baħar, qrib Għajn Rażul. Jista’ jkun li l-Veċċa bdiet tissejjaħ hekk għax min kien jaqra dan l-isem flok vecchia kien jaqraha veċċa u biex ngħidu d-dritt hemm xi djaletti Taljani li minflok Vecchia jgħidu Veccia.

Xemxija

Dan kollu jinsab fiż-żona tax-Xemxija, post imdawwar mill-kampanja u wħud mill-aktar widien fertili f’Malta. Hemm ukoll port tas-sajd pittoresk żgħir. Iż-żona madwar ix-Xemxija ilha abitata sa minn żminijiet preistoriċi. Fiha numru ta’ siti arkeoloġiċi li jinkludu għadd taʼ oqbra mħaffrin fil- blat, fdalijiet taʼ żewġ tempji megalitiċi u aktar.

Fl-1715, l- Ordni ta’ San Ġwann, f’din ix-xaqliba, bena l-Batterija ta’ Arrias bħala parti minn sensiela ta’ fortifikazzjonijiet li jiddefendu l-kosta ta’ Malta. Kienet imsejħa wkoll Xemxija Battery peress li kienet fuq in-naħa tal-bajja tax-Xemxija u għalhekk l-inħawi ta' madwarha saret magħrufa bħala Xemxija. Illum, il-forti hija ristorant.

Fl-1839, l-Ingliżi bnew akwedott biex iwassal l-ilma f’dawk l-inħawi. L-ilma kien jasal minn akwedott taħt l-art f’żona fil-Wardija, magħrufa bħala tal-Ballut, li testendi għal akwedott fuq l-art u mbagħad għal ġibjun li kien hemm  fix-Xemxija. Il-konservazzjoni tal-ilma kienet meħtieġa għall-militar Ingliż u ż-żwiemel tagħhom, li kienu jwettqu l-ħidma tagħhom għad-difiża tal-inħawi fil-qrib.

Illum fix-Xemxija nsibu diversi blokki ta’ appartamenti li għamlu lil dan is-subborg ta’ San Pawl il-Baħar żona residenzjali popolari. Huwa wkoll post ta’ ristoranti u barijiet. Il-bajja llum ma għadux isir għum fiha, imma fi ċkunitna kienet waħda mill-bajjiet l-aktar popolari.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 19 ta' Ottubru 2024



venerdì 11 ottobre 2024

Carlo Acutis

 

Sa ftit żmien ilu ftit kienu dawk li qatt kienu semgħu bl-isem ta’ Carlo Acutis. Illum il-folja nqalbet u l-isem ta’ dan iż-żagħżugħ sar magħruf sewwa. Sa ftit snin ilu min kien iżur Assisi kien iżur il-qabar ta’ San Franġisk; illum minbarra dan iżur ukoll il-qabar ta’ Carlo Acutis. Nhar il-Ħamis 23 ta’ Mejju 2024, il-Papa Franġisku, waqt l-udjenza laqa’ lill-Kardinal Marcello Semeraro, Prefett tad-Dikasteru għall-Kawżi tal-Qaddisin u awtorizza lill-istess Dikasterju jippromulga d-digriet dwar il-miraklu attribwit lill-Beatu Carlo Acutis. B’din id-deċiżjoni tal-Papa, il-kawża ġiet konkluża b’suċċess u nfetħet it-triq għall-kanonizzazzjoni ta’ dan il-qaddis ta’ żmienna. Il-kanonizzazzjoni tiegħu aktarx ssir matul il-Ġublew tas-sena 2025.

Min hu

Carlo Acutis twieled f'Londra fit-3 ta' Mejju 1991, iben Andrea Acutis, minn Turin l-Italja u Antonia Salzano. Il-koppja kienet iżżewġet is-sena ta’ qabel u kienet qed tgħix fir-Renju Unit minħabba x-xogħol ta’ Andrea. It-tifel kien imsemmi għan-nannu tiegħu, missier missieru. Ftit wara  din il-familja reġgħet lura lejn l-Italja u kienet toqgħod fil-belt ta’ Milan. Iċ-ċkejken Carlo attenda l-iskola elementari u primarja tas-sorijiet Marcelline u l-iskola sekondarja fl-Istitut Leone XIII immexxi mill-patrijiet Ġiżwiti.

Minn età żgħira kellu fidi Kattolika qawwija ħafna minkejja li l-familja tiegħu ma kinitx reliġjuża wisq.

Teknoloġija moderna

Fost il-passjonijiet kbar tiegħu, iż-żagħżugħ Acutis kellu t-teknoloġija tal-informatika li kien jużaha biex ixerred u jagħti xhieda tal-fidi permezz tal-ħolqien ta' websajts. Huwa ħa ħsieb jibni wirja online dwar il-mirakli Ewkaristiċi madwar id-dinja. Din il-wirja żaret il-ħames kontinenti kollha u ġiet murija fi kważi 10,000 parroċċa fl- Istati Uniti tal-Amerika biss, u fil-bqija tad-dinja f’mijiet ta’ parroċċi u f'xi wħud mill- aktar santwarji Marjani famuż, bħal Fatima , Lourdes u Guadalupe. Għal din ir-raġuni qed ikun maħsub li fil-futur Carlo Acutis jiġi dikjarat bħala l-qaddis patrun tal-Internet.

Mard u mewt

Fl-2006, fl-età ta' 15-il sena, f'daqqa waħda nħakem mill-marda tal-lewkimja, li minħabba fiha miet fit-12 ta' Ottubru fl-isptar San Gerardo f'Monza. Qabel ma miet, Carlo qal li ried joffri t-tbatijiet tiegħu għall-Papa u għall-Knisja u wiegħed lil ommu Antonia li kien se jagħtiha ħafna sinjali. L-omm wara ddikjarat li kellha dehra ta’ Carlo f’ħolma fejn qalilha li kien se jkollha tfal oħra.  Dan fil-fatt seħħ fl-2010, meta twieldu t-tewmin Michele u Francesca Acutis. Huwa ġie midfun, kif kien talab espressament, fiċ-ċimiterju ta’ Assisi, fejn baqa’ sakemm ġie trasferit fis-Santwarju ta’ Santa Maria Maggiore, f’Assisi fis-6 ta’ April 2019.

Lejn il-qima tal-artali

Fil-15 ta’ Frar 2013 inbeda l-proċess għall-beatifikazzjoni ta’ Carlo Acutis, liema proċess intemm fl-24 ta’ Novembru 2016. Fil-5 ta’ Lulju 2018 ġie ddikjarat venerabbli mill-Papa Franġisku. Għall-finijiet ta’ beatifikazzjoni, il-Knisja Kattolika teħtieġ ir-rikonoxximent ta’ miraklu permezz tal-interċessjoni ta’ dak li jkun. Fil-każ ta’ Carlo Acutis il-miraklu seħħ ma’ Matheus, tifel Brażiljan ta’ sitt snin li kellu marda fil-frixa, marda li ma kinitx tħalli lil Matheus jiekol la ikel solidu u lanqas likwidu. Il-fejqan “istantanju, sħiħ u dejjiemi” ta’ Matheus kien meqjus bħala inspjegabbli mill-Kunsill Mediku tal-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin. Fil-21 ta’ Frar 2020, fl-eqqel tal-pandemija tal-Covid 19, il-Papa Franġisku rrikonoxxa dan il-miraklu. Iċ-ċerimonja tal-beatifikazzjoni ta’ Acutis saret f’Assisi fl-10 ta’ Ottubru 2020 u kienet ippreseduta mill-Kardinal Agostino Vallini li rappreżenta lill-Papa.

Lejn il-qdusija

Fit-23 ta’ Mejju 2024, il-Papa Franġisku awtorizza lid-Dikasteru għall-Kawżi tal-Qaddisin biex jippubblika d-digriet dwar ir-rikonoxximent tat-tieni miraklu attribwit għall-interċessjoni tal-Beatu Carlo Acutis, dwar il-fejqan ta’ Valeria Valverde, tfajla mill-Costa Rica. Din it-tfajla, fit-2 ta' Lulju 2022, kienet qed issuq ir-rota meta waqgħet u ġarrbet ġrieħi gravi f’rasha. It-tobba kienu xettiċi dwar il-fejqan ta’ Valeria u għalhekk ommha, Laura, daret lejn il-Beatu Carlo u talbitu l-fejqan ta’ bintha waqt li kienet pellegrinaġġ f’Assisi u żaret il-qabar tiegħu. It-tfajla fieqet b’mod li t-tobba ma jafux jispjegaw. Dan beda jitqies bħala l-miraklu li kien hemm bżonn biex tibda t-triq għall-Kanonizzazzjoni. Fl-okkażjoni tal-konċistorju tal-1 ta’ Lulju 2024, il-Papa Franġisku qal li l-kanonizzazzjoni ta’ Acutis għandha tiġi ċċelebrata “f’data li għad trid tiġi stabbilita.”

F’Malta

Id-devozzjoni lejn dan il-qaddis ta’ żmienna, li tajjeb ngħidu li kieku għadu ħaj illum għandu 33 sena, kull ma tkur qed tinxterd u tikber. F’għadd ta’ knejjes fil-gżejjer tagħna qed naraw xi xbieha ta’ dan iż-żagħżugħ qaddis, pitturi kif ukoll statwi. Hawn ukoll numru ta’ parroċċi li għandhom relikwa tiegħu. Il-festa tal-Beatu Carlo Acutis issir fit-12 ta’ Ottubru, jum il-mewt tiegħu għad-dinja u t-twelid tiegħu għall-ġenna.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 12 ta' Ottubru 2024



sabato 5 ottobre 2024

Ottubru

 

Ix-xahar li għadna kemm bdejna, Ottubru, illum huwa l-għaxar xahar fil-kalendarju, biss sakemm beda jintuża l-kalendarju Ġuljan u wara dak Ġregorjan, li nużaw aħna llum, dan ix-xahar kien it-tmien wieħed, u propju għalhekk jismu hekk, għax fil-kalendarju Ruman kien it-tmien wieħed u n-numru tmienja bil-Latin huwa Octo. Fit-tradizzjoni tal-Knisja Kattolika, Ottubru huwa x-Xahar tar-Rużarju Mqaddes. Hemm aktar xi tgħid dwar dan ix-xahar.

Tar-Rużarju

Madonna tar-Rużarju - 
Kolleġjata ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi
Il-Festa tal-Madonna tar-Rużarju, li oriġinarjament kienet twaqqfet bħala Festa tal-Madonna tal-Vitorja tiġi ċċelebrata fis-7 ta' Ottubru. Is-7 ta' Ottubru huwa l-anniversarju tar-rebħa tal-flotta magħquda tal- Knisja, imsejħa Lega Mqaddsa li fl-1571 għamlet fuq il- flotta Ottomana fil-Battalja ta' Lepanto. Fl-1571, il-Papa Piju V organizza koalizzjoni ta’ forzi minn Spanja u renji Kristjani iżgħar, repubbliki u ordnijiet militari. Fis-7 ta' Ottubru 1571 ix-xwieni tal- Lega Mqaddsa baħħru minn Messina fi Sqallija u ltaqgħu ma' flotta qawwija Ottomana fil-Battalja ta' Lepanto. Billi kien jaf li l-forzi Kristjani kienu fi żvantaġġ kbir, il-Papa Piju V sejjaħ biex l-Ewropa kollha titlob ir-Rużarju għar-rebħa kif ukoll mexxa purċissjoni bir-rużarju f’Ruma. Papa Piju V waqqaf il-festa tal-Madonna tal-Vitorja sabiex ifakkar ir-rebħa tal-Insara f’Lepantu, liema rebħa attribwixxa lill-Verġni Mqaddsa Marija.

Fl-1573, il-Papa Girgor XIII biddel l-isem tal-festa għal Festa tar-Rużarju Mqaddes, biex tiġi ċċelebrata fl-ewwel Ħadd ta’ Ottubru. Il-patri Dumnikan Juan Lopez fil-ktieb tiegħu tal-1584 dwar ir-rużarju jgħid li l-festa tar-rużarju ġiet imwaqqfa “b’tifkira u b’gratitudni perpetwi tar-rebħa mirakoluża li l-Mulej ta lill-poplu Nisrani f’dak il-jum kontra l-armata Torka.”

Aktar tard

Fl-1671 l-osservanza ta’ din il-festa ġiet estiża minn Papa Klement X għal Spanja kollha, u ftit aktar tard Klement XI, wara r-rebħa fuq it-Torok li kien għamel il-Prinċep Ewġenju fil-Battalja ta’ Petrovaradin fil-5 ta’ Awwissu 1716, nhar il-festa tal -Madonna tas-Silġ, kien ordna li l-festa tar-Rużarju tiġi ċċelebrata mill-knisja universali. Papa Ljun XIII għolla din il-festa għall-grad tat-tieni klassi u żied mal-Litanija tal-Madonna l-invokazzjoni “Sultana tar-Rużarju l-Imqaddes.” Papa Piju X fl-1913 biddel id-data għas-7 ta’ Ottubru, bħala parti mill-isforz tiegħu biex jerġa’ jġib iċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija tal-Ħdud kif suppost. Fl-1960 taħt il-Papa Ġwanni XXIII hija mniżżla taħt it-titlu Festa ta' Marija Bambina tar-Rużarju u taħt ir-riformi liturġiċi tal-1969 tal -Papa Pawlu VI tissemma l-Madonna tar-Rużarju bħala tifkira obbligatorja.

Għarfien tal-kanċer

Ottubru huwa wkoll ix-xahar għall-Għarfien tal-kanċer tas-Sider. F’dan ix-xahar ta’ kull sena ssir kampanja internazzjonali dwar is-saħħa organizzata minn organizzazzjonijiet ewlenin tal-kanċer tas-sider. L-għanijiet ta’ din il-kampanja huma li jinġabru flus għar-riċerka dwar il-kawżi, il-prevenzjoni, id-dijanjosi, it-trattament u l-kura tal-kanċer tas-sider u li titqajjem kuxjenza dwar il-kanċer tas-sider. Billi dan it-tip ta’ kanċer huwa l-aktar komuni fost in-nisa u man-nisa huwa marbut il-lewn roża, din il-kampanja ħadet l-isem ta’ Pink October.

Il-kanċer tas-sider maskili, li huwa rari, ġeneralment jiġi injorat. Fl-2009 il-gruppi ta' promozzjoni tal-kanċer tas-sider maskili: Out of the Shadow of Pink, A Man's Pink u l-Brandon Greening Foundation for Breast Cancer in Men, ingħaqdu biex jistabbilixxu globalment it-tielet ġimgħa ta’ Ottubru bħala “Male Breast Cancer Awareness Week.”

U jien x’nista’ nagħmel?

Hemm diversi modi kif nistgħu nieħdu pożizzjoni f’dan ix-xahar biex nappoġġaw lin-nisa bil-kanċer tas-sider madwar id-dinja kollha u nqajmu kuxjenza. Eduka lilek innifsek dwar is-suġġett. Tgħallem aktar dwar il-kanċer tas-sider billi taqra aktar dwaru. Aqra l-istejjer ta’ nies dwar l-esperjenzi tagħhom jew jekk kellek xi esperjenza inti stess aqsamha ma’ ħaddieħor. Hemm diversi modi kif tista’ turi l-appoġġ tiegħek dan ix-xahar, inkluż billi tagħmel donazzjoni lil xi waħda mill-fondazzjonijiet jew għaqdiet li jappoġġjaw ir-riċerka dwar il-kanċer tas-sider kif ukoll billi tippromwovi Xahar ta’ Għarfien dwar il-Kanċer tas-Sider fuq il-mezzi tal-midja soċjali tiegħek. U matul dan ix-xahar, ilbes żigarella roża fuq sidrek biex turi li inti konxju minn din il-marda.

Bejn sajf u xitwa

F’Ottubru l-festi parrokkjali li jkunu ilhom għaddejjin fis-sajf kollu jaslu fi tmiemhom. F’dan ix-xahar issir il-festa tal-Madonna tar-Rużarju f’diversi parroċċi Maltin u Għawdxin kif ukoll issir il-festa ta’ San Franġisk u dik tal-Madonna tas-saħħa fir-Rabat. Hemm xi festi oħra li jkunu ċċ1elebrati f’Ottubru. Billi normalment it-temp ikun għadu jippermetti, f’dan ix-xahar isiru għadd ta’ festivals bħal ngħidu aħna notte bianca. Ottubru huwa x-xahar li flimkien ma’ Novembru jgħaqqad is-sajf max-xitwa, għalkemm illum ma fadalx mezzutemp u minn flokk taċ-ċingi nilbsu mill-ewwel il-flokk tas-suf!

Diversi poeti u awturi famui bħal Katherine Arden, Elizabeth George Speare, Henry Ward Beecher u oħrajn isemmu lil Ottubru bħala l-isbaħ xahar tas-sena.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fIn-Nazzjon - 5 ta' Ottubru 2024