Meta nitkellmu
dwar vokazzjonijiet femminili nkunu qed nirreferu għas-sorijiet. Spiss tqum xi
diskussjoni, l-aktar illum meta l-media soċjali għandu aċċess għaliha kulħadd,
dwar jekk wasalx iż-żmien li jew is-saċerdoti jitħallew jiżżewġu jew jibdew
ikunu ordnati saċerdoti nisa. Dwar dawn iż-żewġ punti tkellimt fuq fuq jew ser
nitkellem fl-artikli li jmiss, biss illum ser nagħti ħarsa lejn il-kwistjoni
ta’ saċerdoti ta’ sess femminili. Tajjeb ngħidu li fi Knejjes Kristjani, iżda
mhux fil-Knisja Kattolika, is-saċerdotessi jeżistu. Minkejja li ma kinux minn
dejjem.
Il-pożizzjoni
tal-Knisja Kattolika
Il-pożizzjoni
uffiċjali tal-Knisja Kattolika dwar il-kwistjoni tas-saċerdoti nisa hija
bbażata fuq it-tagħlim ta’ Ġesù Kristu, li għażel biss l-irġiel bħala
l-appostli tiegħu. Skont din id-duttrina, is-saċerdozju Kattoliku huwa riservat
biss għall-irġiel, għax dawn jirrappreżentaw lil Kristu, li kien raġel. Barra
minn hekk, il-Knisja Kattolika ssostni li din il-prattika nżammet b’mod
konsistenti fit-tradizzjoni tal-Knisja sa minn żminijiet appostoliċi. Il-Knisja
temmen li m’hemm l-ebda setgħa li tinbidel din il-linja ta’ tagħlim, peress li
ġiet istitwita minn Kristu nnifsu. Il-Knisja Kattolika għandha storja twila u
tradizzjoni li ma tħallihiex tordna n-nisa bħala qassisin.
Liġijiet
Fil-fidi hemm
il-liġi diretta u l-liġi pożittiva. X’jiġifieri? Il-liġi diretta hija dik
il-liġi, jew ordni li ġejja direttament mingħand Alla, bħalma huma
l-Kmandamenti. Pereżempju ladarba hemm il-kmandament li jgħidlek “la toqtolx”
il-Knisja ma tista’ qatt tibdel il-pożizzjoni tagħha dwar l-ewtanasja jew
l-abort minkejja li l-liġijiet ċivili jkunu jippermettuhom. Iżda fil-każ ta’
liġi pożittiva il-Knisja tkun tista’ tbiddel il-pożizzjoni tagħha għax din ma
tkunx ordni li taha Alla, pereżempju li s-saċerdoti ma jistgħux jiżżewġu.
Imkien fil-Kelma ta’ Alla ma hemm din l-ordni imma din hija liġi li għamlitha
l-Knisja stess għax ħasset li hekk ikun jaqbel. Fejn jidħol is-saċerdozju
femminili ma hemmx liġi diretta.
Papiet riċenti
L-aħħar tliet
papiet, konxji minn nuqqas kbir ta’ vokazzjonijiet u mill-kurrenti fi ħdan
il-Knisja stess favur is-saċerdozju femminili, tkellmu fuq dan. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II, fl-ittra
appostolika tiegħu tal-1994 “Ordinatio Sacerdotalis,” stqarr li l-Knisja
m’għandhiex l-awtorità li tordna n-nisa bħala qassisin. Dan il-papa afferma li
s-saċerdozju Kattoliku huwa riservat biss għall-irġiel u li l-Knisja
m’għandhiex is-setgħa li tbiddel din il-prattika. F’omelija tiegħu waqt
il-quddiesa tal-Griżma f’San Pietru, f’April 2012, il-Papa Benedittu XVI saħaq
li hemm “sitwazzjoni drammatika” fil-Knisja u li hija diffiċli ħafna. Huwa kien
qed jindika grupp ta’ saċerdot mill-Awstrija li talbu aktar bilanċ bejn
is-sessi fi ħdan il-Knisja u fost oħrajn kienu favur is-saċerdozju tan-nisa.
Dakinhar Ratzinger fakkar fil-pożizzjoni “irriversibbli” li ħareġ il-Papa
Wojtyla dwar din il-kwistjoni. Skont il-Papa Freanġisku s-saċerdozju femminili
huwa “problema teoloġika”. Mara ma tistax tersaq għas-saċerdozju “għax għaliha
ma jgħoddx il-prinċipju Petrin, iżda dak Marjan, li huwa iktar importanti.
Għalhekk, il-fatt li n-nisa ma jaċċessawx il-ħajja ministerjali mhuwiex
deprivazzjoni, għax posthom huwa ferm iktar importanti.” “In-nisa huma ta’
servizz kbir bħala nisa, mhux bħala ministri fi ħdan l-Ordnijiet Sagri,” qal
il-Papa Franġisku f’intervista ma’ CBS News f’Mejju tas-sena 2024, fejn tenna
il-“le” ferma tiegħu għad-djakonat femminili u, konsegwentement ukoll
għas-saċerdozju għan-nisa.
Din hija
l-pożizzjoni tal-Knisja Kattolika dwar is-saċerdozju femminili u jidher li ftit
hemm tama li tinbidel. Hemm ħafna Nsara favur din il-pożizzjoni imma hemm ukoll
kurrenti, anke jekk huma f’minoranzi, li huma kontra dan il-ħsieb tal-Knisja.
Fr Reno Muscat