domenica 8 giugno 2025

Vokazzjonijiet u kariżmi

 

Sa issa naħseb li fhimna li hemm differenza bejn irħieb u patrijiet, bejn sorijiet tal-klawsura u sorijiet ta’ ħajja attiva. Spiss nisimgħu riferimenti żbaljati għalihom. Fil-fatt, spiss inkun qiegħed naqra, anke f’gazzetti prestiġjużi jew f’siti mill-aktar awtorevoli u nsib espressjonijiet bħal: “patri Benedittin” jew “raħeb Franġiskan”, kif ukoll “abbazija Franġiskana” jew “kunvent Benedittin”. Dawn l-iżbalji spiss insibhom f’kitbiet Taljani fejn fi lsienhom għandhom termini speċifiċi aktar minna l-Maltin. Il-Benedittini huma rħieb filwaqt li l-Franġiskani huma patrijiet filwaqt li raħeb joqgħod f’abbazija jew monasteru u patri joqgħod f’kunvent. Veru li l-użu ta’ dawn it-termini b’mod mhux xieraq ma jikkawża l-ebda disgrazzja, imma l-preċiżjoni m’għandhiex tkun dmir ta’ min jipprovdi l-informazzjoni? Intant id-differenzi li jeżistu bejn dawn ma hijiex biss fit-terminoloġija iżda fuq kollox hija fil-kariżma.

Ordnijiet Kontemplattivi

It-terminu “kontemplattivi” jirreferi għal dawk ir-reliġjużi kollha, ġeneralment irħieb, li għandhom it-talb u l-istudju tal-Iskrittura Mqaddsa bħala l-karatteristika primarja ta’ ħajjithom u jgħixu f’abbaziji jew monasteri bħalma diġà għidna. Il-Benedittini, tal-familji u l-kongregazzjonijiet kollha, iċ-Ċisterċensi, it-Trappisti, il-Kartużjani, il-Bażiljani tat-tradizzjoni Orjentali u l-Kanonċi Regolari tat-tradizzjoni Agostinjana huma ordnijiet kontemplattivi. Karatteristika komuni ta’ dawn il-familji kollha hija l-importanza tat-talb korali. Il-jum tal-irħieb kontempattivi huwa fil-fatt immarkat mil-Liturġija tas-Sigħat u talb komunitarju li jingħad fil-kor tal-knisja, ġeneralment permezz tal-kant Gregorjan.

Ordnijiet Mendikanti

It-terminu "ordnijiet mendikanti" jidentifika dawk l-ordnijiet reliġjużi kollha, imwielda bejn is-sekli 13 u 15 bħalma huma d-Dumnikani, il-Franġiskani, il-Karmelitani, is-Servi ta’ Marija eċċetra, dawk li jgħixu l-aspirazzjonijiet antiki tagħhom stess, bħall-faqar evanġeliku, il-predikazzjoni itineranti, il-libertà mill-kontroll episkopali u l-ħajja ta’ fraternità assoluta fost il-membri tal-ordni u għalhekk jissejħu “fra” minn Fratello bit-Taljan. Fost dawn insibu d-differenzi fil-kariżma tal-ordni. In-nukleu oriġinali tal-mendikanti huwa ffurmat mid-Dumnikani u l-Franġiskani, iż-żewġ ordnijiet li bdew din il-forma ta’ ħajja reliġjuża u warajhom imxew ordnijiet oħra. Fi ħdan l-ordnijiet mendikanti nsibu familji reliġjużi mwielda b’karatteristiċi u skopijiet differenti iżda li lilhom l-awtoritajiet pontifikali riedu jagħtuhom status legali komuni, speċjalment fir-rigward tal-possibbiltà li jipprietkaw, jiġbru l-elemosina (jittalbu) u jkunu eżenti mill-ġurisdizzjoni episkopali. Il-Knisja llum għandha sbatax-il ordni definiti bħala Mendikanti, filwaqt li tqis ukoll ir-riformi interni ta’ kull ordni. Pereżempju, hemm erba’ ordnijiet ta’ Franġiskani (Osservanti Minuri, Konventwali, Kapuċċini u Terzjarji), tlieta ta’ Agostinjani (Osservanti, Skalzi u Rikoletti), tnejn Karmelitani (Osservanti u Skalzi jew Tereżjani).

Kleriċi Regolari

Imbagħad hemm il-Kleriċi Regolari bħall-Ġiżwiti, il-Barnabiti, u t-Teattini. Karatteristika komuni ta’ dawn l-ordnijiet il-ġodda, li twieldu f’nofs is-seklu 16 u huma definiti bħala “Kleriċi Regolari”, huwa l-fatt li huma magħmula prinċipalment minn saċerdoti li ma għandhomx il-ħajja riġida tal-komunità. Huma jilbsu libsa simili bħal dik tas-saċerdoti djoċesani. Aktarx li dawn jipprattikaw forom ġodda ta’ talb bħalma huma l-Eżerċizzji Spiritwali ta’ Sant’ Injazju. L-edukazzjoni, il-predikazzjoni, il-missjoni u id-devozzjoni popolari huma fost il-kariżmi ta’ dawn il-Kleriċi.

Oħrajn

L-era moderna rat it-twelid ta’ Kongregazzjonijiet Reliġjużi li huma differenti mill-Kleriċi Regolari biss f’materji ġuridiċi u huma fil-biċċa l-kbira orjentati lejn għanijiet speċifiċi bħalma huma tagħlim, kura tal-morda jew missjonijiet. Minn dawn insibu ħafna madwar id-dinja, fost l-aktar magħrufin insibu lis- Salesjani, imwaqqfa minn San Ġwann Bosco. F’Malta għandna wkoll Soċjetà ta’ patrijiet imwaqqfa minn Malti bħalna. Dawn huma s-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, imwaqqfa minn Monsinjur Ġużeppi De Piro.

Fr Reno Muscat

Il-Mument - 23 ta' Frar 2025


Nessun commento:

Posta un commento