Spiss ngħidu li
l-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi naqsu ħafna. Spiss ngħidu li pajjiżna,
li darba kien jibgħat bosta missjunarji madwar id-dinja, għad jispiċċa hu fuq
il-lista tal-pajjiżi tal-missjoni. Ikollna nammettu li tabilħaqq in-numru ta’
dawk li llum jagħżlu li joffru ħajjithom għas-servizz tal-poplu bħala saċerdoti
jew reliġjużi naqas qatigħ meta mqabbel man-numru ta’ għexieren ta’ snin ilu.
Il-fatt li bosta minna jħossuhom preokkupati b’dan il-fatt juri li għad hemm
numru sostanzjali ta’ Maltin li mhux biss japprezzaw il-ħidma ta’ dawn it-talin
imma wkoll iħossu l-ħtieġa tal-ħidma li jwettqu.
Sa mill-bidu
Elfejn sena ilu,
meta kienet imwaqqfa l-Knisja, ma kienx hemm din il-problema? It-tweġiba għal
din il-mistoqsija nistgħu nsibuha fil-paġni tal-Evanġelju. Ara ftit din
is-silta, li għandna mnejn smajnieha kemm-il darba imma qatt ma rriflettejna
dwarha jew qatt ma fhimna sewwa xi tfisser. Is-silta hija din: “Il-ħsad huwa
kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema
għall-ħsad tiegħu." (Lq 10:2)
Jekk nifhmu sewwa
din is-silta ma ndumux ma nintebħu li sa mit-twaqqif tal-Knisja, ix-xogħol
kellu jinqasam bejn ftit nies. Il-ħsad huwa l-ħidma filwaqt li l-ħaddiema huma
s-saċerdoti u r-reliġjużi. Jekk nifhmu dan dlonk nindunaw li dak li qed naraw
bħala problema kbira llum kienet diġà teżisti elfejn sena ilu. Minkejja kollox
il-Knisja baqgħet wieqfa.
Żmien sabiħ u
mhux
Kien hemm epoki
fl-istorja tal-Knisja fejn din il-problema ftit kienet tinħass, imma dan kien
meta l-ħajja kienet totalment differenti minn dik li ngħixu llum. Meta
l-familji kienu numerużi aktar kien hemm probbabiltà li xi iben jew bint
jagħżlu l-ħajja ta’ servizz fil-Knisja. Kien hemm żmien ukoll li familji nobbli
kienu jaraw li xi ħadd minn uliedhom jagħżel il-ħajja reliġjuża. Insomma ma
nkunx korrett meta ngħid il-kelma “jagħżel” għax fil-verità kien hemm żmien
fejn il-ġenituri kienu jagħżlu huma din il-ħajja għal uliedhom. Kien hemm żmien
fejn kien hemm dawk li jissejħu “donati”. Dawn kienu jkunu tfal ta’
familji, aktarx għonja, li jagħtu xi wieħed jew waħda minn uliedhom lil xi
monasteru biex isiru raħeb jew soru tal-klawsura. Pereżempju San Tumas ta’
Aquino kien mogħti lill-monasteru ta’ Monte Cassino meta kellu 5 jew 6 snin.
Meta kiber telaq u aktar tard ingħaqad mad-Dumnikani. Qegħdin nitkellmu
fl-ewwel nofs tas-seklu 13. B’sistema bħal din, il-monasteri kienu jkunu
mimlijin, imma kemm tabilħaqq kien ikun hemm membri li verament kien ikollhom
vokazzjoni?
F’Malta
Xi snin ilu kont
qed nitkellem ma’ persuna li għamlet xi żmien bħala ajk, jew fra. Din
il-persuna qaltli li kienu ħafna aħwa u missieru kien webblu biex jidħol fra.
Qalli li biex iħajru, missieru kien jgħidu li jekk jidħol il-kunvent jibda’
jiekol il-laħam mhux bħad-dar li l-laħam fuq il-mejda kien skars minħabba
n-numru kbir ta’ wlied. Dan it-tali daħal b’dan il-ħsieb f’moħħu imma ftit wara
ntebaħ li ħafna patrijiet kienu mżaqqin mhux għax kienu jieklu ħafna laħam imma
għax kienu jieklu ħafna għaġin u ħobż. Wara xi snin ħareġ minn fra u żżewweġ.
Intant, inkompli
dwar in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet li qed naffaċċjaw illum. Qegħdin naraw
parroċċi b’saċerdot wieħed, kunventi jingħalqu, kappelli li ma għadux isir
quddies fihom u elf ħaġa oħra. X’nagħmlu? Mhux faċli twieġeb! Mill-esperjenza
tiegħi ngħid li tabilħaqq illum, aktar minn qatt qabel, jgħodd għalina l-qawl
Ingliż: Where there is a will there is a way!
Fr Reno Muscat
Il-Mument - 2 ta' Marzu 2025
Nessun commento:
Posta un commento