Fil-ħajja
reliġjuża nsibu ordnijiet jew istituti ta’ ħajja attiva u oħrajn ta’ ħajja
kontemplattiva. Dawn huma kollha persuni li jikkonsagraw ħajjithom lil Alla,
imma hemm differenza bejn ħajja u oħra. Il-ħajja attiva hija dik ta’ patrijiet
u sorijiet, li jgħixu f’kunvent u li jaħdmu direttament mal-poplu.
Għall-kuntrarju il-membri ta’ ordni, kongregazzjoni jew istitut ta’ ħajja
kontemplattiva jgħixu f’monasteru jew abazija u ħajjithom hija aktar inklinata
għat-talb milli għall-attivitajiet mal-pubbliku. Il-membri tal-ħajja
kontemplattiva jissejħu rħieb il-fergħat maskili filwaqt li dawk femminili
jissejħu sorijiet tal-klawsura. Malta ma għandniex irħieb, għalkemm bosta snin
ilu kien hemm tentattiv li jitwaqqaf monasteru f’Malta imma l-pjan ma seħħx.
Dan ma jfissirx li ma hemmx rħieb Maltin. Imma dawn qegħdin f’xi monasteru
barra minn pajjiżna. Fejn jidħlu sorijiet tal-klawsura l-istorja hija
differenti u nsibu numru ta’ monasteri f’Malta: tnejn il-Belt Valletta, wieħed
fil-Birgu, wieħed Bormla, wieħed l-Imdina u wieħed San Ġiljan. F’Għawdex illum
ma hemmx sorijiet tal-klawsura imma kien hemm żmien fejn kien infetaħ monasteru
tas-Sorijiet Dumnikani u aktar qrib tagħha kien twaqqaf monasteru tal-Klarissi.
Ħajja
kontemplattiva
Illum rari
nisimgħu b’xi xebba li tingħaqad mas-sorijiet tal-klawsura u meta dan iseħħ
tiġbed l-attenzjoni tal-media. Fiż-żminijiet li qed ngħixu fihom, imdawrin
bil-media soċjali, taslilna l-aħbar u dlonk jibdew il-kummenti. Ħafna jqisu li
jekk xebba tidħol f’monasteru tkun qed tarmi ħajjitha, tindifen ħajja, Oħrajn
jgħidu li din hija ħajja moħlija u ladarba riedet tidħol soru setgħet daħlet
soru ma’ xi kongeegazzjoni li tgħin lit-tfal, lix-xjuħ jew lill-morda. Min
jirraġuna hekk ikun qed juri kemm ma jafx kemm jiswa t-talb u għandu mnejn
għalih it-talb huwa ħin mitluf. Mhux bilfors hekk.
Tajjeb ngħidu li
qabel ma San Duminku waqqaf l-ordni tal-patrijiet tiegħu, huwa waqqaf
lis-sorijiet tal-klawsura biex jitolbu għal ħuthom il-patrijiet li billi
l-kariżma tagħhom kellha tkun il-predikazzjoni, ma kienx ser ikollhom ħin daqs
is-sorijiet biex jitolbu. Dan huwa s-sens ta’ ħajja f’monasteru tal-klawsura.
Ħafna jaħsbu li
l-membri ta’ monasteru jkunu maqtugħin għal kollox mid-dinja. Dan huwa żball
kbir. Nassigurakom li dawn il-membri jkunu jafu x’qed jiġri fid-dinja daqsna u
kultant aktar minna. Dan juri kemm ikun żbaljat min jaħseb li dawk li jidħlu
fil-klawsura jkunu donnhom mejtin u maqtugħin mill-kumpament tad-dinja. Huma
għażlu din il-ħajja biex jitolbu għad-dinja, imma billi d-dinja tal-lum tilfet
is-sens tat-talb, dawn jidhru li ramew ħajjithom.
Ħajja attiva
Mill-banda l-oħra
hemm sorijiet ta’ ħajja attiva, li minkejja li n-numru tagħhom naqas sewwa,
aħna aktar familjari magħhom. Dawn huma xebbiet li jagħżlu li jgħixu ħajjithom
bil-voti tal-faqar, kastità u ubbidjenza imma jkollhom kuntatt kontinwu
mad-dinja. Għalhekk insibu ħafna minn dawn is-sorijiet li jieħdu ħsieb tfal li
ġejjin minn familji bi problemi, anzjani u morda. Ħajjithom issir talba.
F’pajjiżna nsibu diversi kunventi ta’ sorijiet, xi wħud minnhom ta’
kongregazzjonijiet imwaqqfa minn Maltin stess bħal ngħidu aħna d-Dumnikani,
imwaqqfa minn Carolina Cauchi u Fortunata Spiteri, is-Sorijiet Franġiskani tal‑Qalb
ta’ Ġesù imwaqqfa minn Dun Ġużepp Diacono u Virginia
Debrincat li mbagħad ħadet l-isem ta’ Suor Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù,
is-Sorijiet Ursolini, li twaqqfu minn Monsinjur Isidoro Formosa u Ulied Marija
Ewkaristika li waqqafhom is-Superjur Ġorġ Grima. Dawn huma kollha sorijiet ta’
ħajja attiva li spiss niltaqgħu magħhom fil-ħajja tagħna.
Fr Reno Muscat
Il-Mument - 16 ta' Frar 2025
Nessun commento:
Posta un commento