Ilna nitkellmu
dwar in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi u f’dawn il-kitbiet
tiegħi ppruvajt nindaga ftit x’inhu jwassal biex inqas żgħażagħ illum jagħżlu
din il-ħajja. Din hija kwistjoni li ma naħsbux fuqha aħna biss imma
tippreokkupa lil kull membru tassew fil-Knisja.
X’qal il-Papa
Il-Papa
Franġisku, waqt diskors lill-Kurja Rumana fl-okkażjoni tal-Milied tas-sena
2019, qal li ninsabu f’sitwazzjoni ta’ wara l-Kristjaneżmu (il-kelma li uża
l-Papa kienet: post-Kristjanità), u li forsi għadna m’ aħniex konxji biżżejjed
tagħha: “M’aħniex aktar fil-Kristjaneżmu! […]. Għalhekk neħtieġu bidla
fil-mentalità pastorali, li ma jfissirx li mmorru għal pastorali relattiva.
M’għadniex ngħixu f’reġim tal-Kristjaneżmu għax il-fidi – speċjalment
fl-Ewropa, iżda mhux biss, anke f’ħafna pajjiżi tal-Punent –
il-fidim’għadhiex tikkostitwixxi prerekwiżit ovvju għall-ħajja komuni, anzi
ħafna drabi saħansitra tiġi miċħuda, imqarrqa, emarġinata u ridikolata.”
Solitudni
Għandu mnejn
waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ vokazzjonijiet hija li saċerdot għandu
mnejn jgħix ħajja ta’ solitudni minħabba li ma jkollux familja. Imma tajjeb
niftakru li hemm dimensjoni ta’ solitudni f’kull stat tal-ħajja, kif jafu sew
il-miżżewġin, jista’ jiġi żmien li bniedem iħossu vojt tant li xejn u ħadd ma
jista’ jimla dan il-vojt. Din il-possibbiltà, jekk ma tiġix aċċettata, tista’
twassal għall-falliment tar-relazzjoni. Mela s-solitudni ma hijiex sinonimu
mas-saċerdozju. Ma’ dan kollu hemm ukoll ir-rivoluzzjoni diġitali u l-miġja tan-netwerks
soċjali , speċjalment għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, fejn
il-kapaċità li jintużaw teknoloġiji ġodda ħafna drabi ma tikkorrispondix għal
sens kritiku adegwat, speċjalment meta wieħed jixtieq ifittex fihom rimedju
għas-solitudni. U s-solitudni tista’ twassal għall-fatalitajiet. Għal xi żmien
kien hemm żieda impressjonanti ta’ suwiċidji fost il-qassisin fil-Brażil. Matul
l-2018, 17-il qassis neħħew ħajjithom u 10 oħra fl-2021.
Stress
Jekk wieħed jifli
bir-reqqa l-ħajja ta’ saċerdot għandu mnejn jinduna li din tista’ tkun ħajja
b’ħafna stress. Biss biss is-saċerdot ma għandux tmiem il-ġimgħa bla xogħol,
anzi dawn il-jiem ikunu aktar impenjattivi. Saċerdot ma jirtirax mal-età
tal-pensjoni. U ma’ dan kollu wieħed għandu mnejn jara l-ammont ta’ xogħol li
din il-ħajja titlob. Hawn min jaħseb li s-saċerdot kemm iqaddes quddiesa u
lesta l-ġurnata, imma jinsa x-xogħol l-ieħor kemm pastorali kif ukoll xogħol
klerikali kif ukoll manwali li dan il-bniedem ikollu jagħmel matul il-jum.
Qassis żagħżugħ f’pajjiż fejn hemm nuqqas ta’ saċerdoti, fejn jista’ jsib ruħu
ffaċċjat b’ħafna – anzi b’wisq – xogħol pastorali, jista’ jasal għal attitudni
iper-responsabbli, li faċilment twassal għal attiviżmu żejjed, li mbagħad
jinbidel fi stress, u dan f'ansjetà u dipressjoni. U spiss dan ikun jgħix waħdu u ma jkunx jaf jieħu ħsieb tiegħu
nnifsu. Nerġa’ nsemmi l-Brażil. Fl-2008 saret riċerka fejn inġabru madwar 1,600
intervista ta’ qassis u reliġjużi irġiel u nisa. Minn dan l-istudju kien
innotat li l-kawża ewlenija ta’ stress fil-ħajja reliġjuża kienet in-nuqqas ta'
privatezza, nuqqas ta’ ħin u spazju
għall-kura personali. Dan mhux xi sigriet, dawn huma ċifri li ġew ippubblikati
u li kulħadd għandu aċċess għalihom. Għalhekk jekk żagħżugħ jew żagħżugħa jkunu
qed jiddixxernu biex jidħlu għall-ħajja saċerdotali jew reliġjuża għandhom
mnejn jaqtgħu qalbhom. Biss hawn tajjeb niftakru li l-istress, in-nuqqas ta’
ħin, privatezza u spazju ma jeżistux biss fil-ħajja tal-qassis, tal-patri u
tas-soru imma f’kull stat ta’ ħajja.
Fr Reno Muscat
Il-Mument - 9 ta' Marzu 2025
Nessun commento:
Posta un commento