Minbarra n-nuqqas
ta’ vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi spiss niltaqgħu ma’ każi fejn
persuni jkunu bdew din il-mixja u wara xi żmien jieqfu. Tajjeb naħsbu ftit dwar
dan il-fatt.
Inkunu ċari
Qabel ma persuna
tidħol għal ħajja bħal din trid tara sewwa jekk tabilħaqq hemmx vokazzjoni jew
le. Mill-banda l-oħra min ikun qed jinkoraġġihom biex jaqbdu din it-triq għandu
jkun ċar u jispjega sewwa din il-ħajja x’titlob. Ġieli jiġri li xi żgħażagħ
jgħaddu xi jiem ta’ esperjenza f’xi kunvent biex jaraw b’għajnejhom kif inhi
l-ħajja hemm ġew. Hekk għandu jkun, iżda spiss dawk il-jiem li fihom f’kunvent
ikun hemm dawn it-talin, il-ħajja tiġi pproġettata b’mod differenti għal kollox
milli kif tabilħaqq tkun fil-jiem l-oħra. Dan jista’ jwassal biex xi ħadd
jitħajjar jidħol fl-ordni u wara ftit li jidħol jinduna li dak li kien qed
jaħseb li jsib ikun biss illużjoni u għalhekk jiddeċiedi li jerġa’ lura.
Il-kunvent jew is-seminarju ma huwiex xi stabbiliment fejn għandu xi ħaġa xi
jbigħ u jagħmel minn kollox biex ibigħha.
Età
Forsi problema
oħra ta’ dawn il-persuni li jduru lura lejn il-ħajja sekulari hija li dawn
jidħlu f’din il-ħajja ta’ età żgħira wisq. Nemmen li qabel ma’ persuna taqbad
din it-triq għandha tagħmel żmien taħdem u tgħix il-ħajja bħal kull żagħżugħ u
żagħżugħa oħra. B’hekk ikollha f’moħħha idea ċara ta’ xi trid tagħmel
b’ħajjitha. Id-dinja tax-xogħol hija dinja għal kollox differenti mid-dinja ta’
wara l-bieb tal-kunventi u tal-knejjes. Għalhekk ikun tajjeb li qabel wieħed
jieħu deċiżjoni jkun matur biżżejjed.
Miċ-ċokon
Hawn min
jirraġuna li kif jgħid il-qawl Malti: Ix-xemx minn filgħodu turi! Tabilħaqq
imma jekk tifel ikun minn ċkunitu jilgħab bl-istatwi u bil-mudell ta’ knisja ma
jkunx ifisser li dan għandu vokazzjoni. Kien hemm każi fejn xi talin daħlu
għall-ħajja reliġjuża jew saċerdotali għax il-ġenituri tagħhom qalulhom li dik
hija ħajjithom. Biss il-logħob u d-delizju tal-mudelli tal-knisja jew
tal-istatwi ma huwiex indikazzjoni ta’ vokazzjoni. Din il-ħaġa tajjeb inżommuha
f’moħħna. Hawn mhux qed ngħid li kull min hu dilettant tal-mudelli tal-knejjes
jew tal-istatwi f’minjatura mhux tajjeb għal din il-ħajja imma rrid ngħid li
dan id-delizju mhux il-barometru tal-vokazzjonijiet. Hemm min hu dilettant ta’
dawn l-affarijiet u tabilħaqq ikollu vokazzjoni u hemm oħrajn li huma
dilettanti biss.
Skandli
Xi wħud iħallu
din il-ħajja għax jippreferu li jitilqu milli jagħtu skandlu b’ħajjithom. Hekk
għandu jkun. Illum nisimgħu b’ħafna skandli fid-dinja sekulari u donnhom
in-nies drawhom u aċċetawhom, imma skandlu minn reliġjuż jew reliġjuża mhux
aċettat. Din hija ħaġa tajba ħafna għax filwaqt li naċċettaw politiku li
jitħammeġ bi skandlu, tal-anqas għadna nippretendu li bniedem fil-ħajja
reliġjuża ma jagħtix skandli.
Dwar dawn
l-iskandli, il-Knisja trid toqgħd ftit bilqegħda u taħseb ftit xi jkun qed
jikkawżahom. Il-persuna reliġjuża qed issib ħajja diċenti? Snin ilu kien
kellimni żagħżugħ li kien qabad il-mixja għall-ħajja reliġjuża. Kien qalli li
kien xeba’ jiekol ħobż bil-butir kull filgħaxija. Din dinjità? Beda joħroġ
jixtri xi ħaġa x’jiekol u ltaqa’ ma’ tfajla li llum hija martu. Min ilumu? U
din hija storja waħda li smajt u li ma nistax ngħid li hija gravi. Kultant telf
ta’ vokazzjoni tkun tort ta’ min imexxi. Ngħid ukoll li kien hemm żgħażagħ oħra
ma’ dan il-ġuvni li ma telqux.
Tajjeb li kulħadd
iżomm f’moħħu kliem San Pawl: “Dan it-teżor qiegħed għandna f'ġarar tal-fuħħar,
ħalli b'hekk jidher sewwa li l-kobor ta' din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux
minna.” [2Kor:4:7] U ġarra tal-fuħħar
malajr tinkiser!
Fr Reno Muscat
Il-Mument - 30 ta' Marzu 2025
Nessun commento:
Posta un commento