Bit-twelid u
l-formazzjoni tal-Muniċipalitajiet li seħħ fl-Ewropa lejn nofs is-seklu 12,
is-soċjetà in ġenerali nistgħu ngħidu li ttrasformat ruħha. Il-monakiżmu
tradizzjonali beda jidħol fi kriżi u bdew jitwieldu movimenti reliġjużi ġodda,
l-aktar importanti minnhom huma dawk imwaqqfa minn San Franġisk ta’ Assisi u
San Duminku ta’ Gużman.
Ordnijiet
reliġjużi
L-Ordni
Franġiskan u dak Dumnikan, imwielda fl-ewwel għoxrin sena tas-seklu tlettax,
għandhom ħafna karatteristiċi komuni bejniethom li jiddistingwuhom mill-ħajja
monastika. Dawn il-patrijiet jiċħdu kull tip ta’ ġid u ma jiddependux fuq
ix-xogħol agrikolu biex jgħixu, bħalma kienu sa issa l-ordnijiet ta’ oriġini
Benedittina, iżda fuq il-karità tal-fidili; għalhekk jissejħu Ordnijiet
Mendikani, jiġifieri ordnijiet ta’ tallaba. Il-Franġiskani u d-Dumnikani jsejħu
lilhom infushom patrijiet, aħwa, u mhux irħieb, jiġifieri rġiel solitarji, u
jgħixu f’kunventi, postijiet fejn jinġabru, u mhux fil-monasteri, jiġifieri
postijiet li fihom jiżolaw lilhom infushom. Hawn naraw ukoll li l-isem tad-djar
fejn jgħixu dawn il-patrijiet kien element ġdid ukoll. Il-kelma “monasteru”
turi fiha nnfisha is-solitudni: mono stare – tibqa’ waħdek, filwaqt li
l-kelma “kunvent” ġejja minn con vivere: tgħix flimkien. Hawn naraw
waħda mill-ħafna differenzi li jeżistu bejn l-irħieb, jew il-monaċi u
l-patrijiet. Il-kunventi m'għadhomx jinbnew f'postijiet imbiegħda miċ-ċentri
abitati, iżda fis-subborgi tal-bliet u wkoll it-tqassim arkitettoniku
tal-knejjes ta’ dawn il-kunventi jkunu maħsub biex jilqgħu fihom bosta fidili.
Dawn huma żewġ differenzi oħra li nsibu bejn il-ħajja monastika u dik f’ordni
reliġjuż. Filwaqt li l-irħieb kienu jibnu l-monasteri tagħhom kemm jista’ jkun
bogħod mill-ibliet, il-patrijiet bdew jibnu djarhom fil-qalba jew qrib
l-ibliet. Il-knejjes tal-monasteri oriġinarjament kienu maħsuba biex fihom isir
it-talb komunitarju tal-irħieb imma l-knejjes tal-patrijiet inbnew biex
mal-komunità jingħaqdu wkoll il-fidili. Differenza oħra notevoli bejn
il-Benedettini u l-membri tal-Ordnijiet Reliġjużi huwa l-vot tal-istabilità.
Jekk raħeb jidħol f’monasteru jagħmel vot li jibqa’ fih ħajtu kollha, filwaqt
li fl-ordnijiet mendikani dan il-vot ma jeżistix u patri jista’ jiġi trasferit
minn kunvent għal ieħor skont il-ħtieġa jew fuq ordni tas-superjur, ġeneralment
imsejjaħ “provinċjal.”
Riforma
Wara l- Konċilju
ta’ Trento li sar bejn is-sena 1545 u l-1563, ġew ristrutturati ħafna ordnijiet
reliġjużi tradizzjonali u twaqqfu oħrajn ġodda biex jiġġieldu l-ereżiji u biex
jerġgħu jħabbru l-veritajiet tal-fidi lill-poplu Nisrani. L-istituti reliġjużi
l-ġodda, bħalma huma t-Teatini, il- Barnabiti u l-Ġiżwiti huma nvoluti b’mod
attiv fis-soċjetà billi jwettqu attivitajiet ta’ assistenza, appostolat u ta’
tagħlim mal-poplu. F’xi wħud minnhom hemm mentalità u dixxiplina militari, ta’
ġellieda lesti li jieħdu azzjoni. Dawn il-kongregazzjonijiet jissejħu
Kumpanniji u s-superjuri tagħhom jissejjaħ Ġeneral.
Mhux irġiel
biss
Sa issa aktarx
trattajna l-ordnijiet jew l-istituti ta’ reliġjużi maskili imma nafu li jeżistu
wkoll nisa reliġjużi, is-sorijiet. Hawn irridu niddistingwi bejn is-sorijiet
tal-klawsura u s-sorijiet ta’ ħajja attiva. San Franġisk u Santa Kjara ta’
Assisi waqqfu s-sorijiet tal-klawsura li jissejħu Klarissi wara il-fundatur
kien ġabar miegħu l-ewwel aħwa. Mill-banda l-oħra San Duminku waqqaf sorijiet
tal-klawsura qabel waqqaf l-ordni tal-patrijiet li tissejjaħ Ordni
tal-Predikaturi. Semmejt lil dawn iż-żewġ qaddisin għax kienu huma li biddlu
r-rotta tal-ħajja komunitarja, minn persuni monastiċi għal persuni f’ordni
reliġjuż. B’danakollu ma jfissirx li ma kienx hemm fundaturi oħra li waqqfu
patrijiet u sorijiet.
Xi wħud
mill-kongregazzjonijiet reliġjużi femminili twaqqfu minn fundaturi li għażlu
r-regola ta’ xi ordni reliġjuż. Għalhekk insibu s-sorijiet Franġiskani u
Dumnikani, imma dawn ma kinux imwaqqfa la minn San Franġisk u lanqas minn San
Duminku.
Din hija
l-istorja, fil-qosor ħafna, tal-bidu tal-ħajja reliġjuża.
Fr Reno Muscat
Nessun commento:
Posta un commento