Wara li rajna
fit-tul xi tfisser vokazzjoni saċerdotali jew reliġjuża, rajna xi ftit
il-kariżmi differenti u missejna fuq fuq il-problema tan-nuqqas ta’
vokazzjonijiet, xieraq issa naraw ftit il-qagħda f’pajjiżna. Meta qed ngħid
qagħda, ma rridx nifhem li rrid nagħti xi statistika, għax nafu li ma tantx
għandna fejn nimirħu fin-numru ta’ vokazzjonijiet, imma rrid nagħti ħarsa in
ġenerali biex nifhmu l-problema tan-nuqqas ta’ vokazzjonijiet.
Parroċċi
Fl-Arċidjoċesi
ta’ Malta nsibu 71 parroċċa filwaqt li fid-Djoċesi ta’ Għawdex insibu 15-il
waħda. Filwaqt li l-parroċċi Għawdxin huma kollha mmexxijin minn saċerdoti
djoċesani, f’Malta l-istorja hija differenti. Mill-parroċċi Maltin, 13-il waħda
huma mmexxijin minn saċerdoti reliġjużi, jiġifieri patrijiet u mhux qassisin.
Dan ifisser li aktar minn 18 fil-mija tal-parroċċi f’Malta huma tal-patrijiet.
U dan illum, għax sa ftit ilu kien hemm 3 parroċċi oħra li llum għaddew f’idejn
l-Arċidjoċesi Maltija.
Nistħajjilkom
tgħiduli: “X’differenza tagħmel jekk parroċċa tkunx f’idejn il-qassisin
djoċesani jew f’idejn il-patrijiet?” Il-problema hija li l-kariżma
tal-patrijiet hija li jgħixu f’komunità u komunità ma tistax issir minn persuna
waħda biss. F’għadd ta’ parroċċi li jitmexxew minn saċerdoti djoċesani nsibu
lill-kappillan waħdu, imma jekk il-parroċċa tkun ta’ xi provinċja tal-patrijiet
dan ma jistax iseħħ għax primarjament il-patri jrid jgħix flimkien ma’
patrijiet oħra.
Il-qagħda
geografika
Ejjew issa naraw
kif inhuma mifruxin il-parroċċi li jitmexxew mill-patrijiet. Insibu lil San
Pawl il-Baħar, Burmarrad, il-Qawra, Santa Venera, il-Marsa (Trinità),
Gwardamanġa, Il-Belt Valletta (San Duminku u Santu Wistin), Ta’ Xbiex, San
Ġwann, Tas-Sliema (Sacro Cuor u Nazzarenu) u l-Fgura. Issa tajjeb ngħidu li
dawn il-parroċċi huma ta’ diversi ordnijiet reliġjużi differenti. Huma maqsumin
hekk: 3 tal-Franġiskani Konventwali, 3 tad-Dumnikani, 2 tal-Franġiskani
Kapuċċini, 2 tal-Karmelitani, 1 tal-Franġiskani Minuri, 1 tal-Agostinjani u 1
tat-Tereżjani. Xi parroċċi li jkunu qrib u li jkunu jitmexxew minn patrijiet
tal-istess ordni tista’ b’xi mod tinstab soluzzjoni, bħalma seħħ f’Burmarrad
fejn il-parroċċa titmexxa minn patrijiet li jgħixu fil-komunità tal-Qawra, imma
mill-bqija ftit hemm soluzzjonijiet. Ma hemmx parroċċi oħra tal-istess
ordnijiet b’konfini jmissu ma’ xulxin.
F’idejn
l-Arċisqof
Għaddejna minn
fażi fejn 3 parroċċi li kienu tal-patrijiet għaddew f’idejn id-djoċesi (Marija
Reġina l-Marsa, ta’ Fleur de lys u tal-Balluta). Id-djoċesi ħadet l-impenn li
tmexxi dawn il-parroċċi imma kemm tiflaħ tilqa’ iżjed? Diġà għandha parroċċi
b’nuqqas ta’ qassisin, tista’ tkompli żżid il-piż li diġà qed iġġorr?
Bin-nuqqas ta’ vokazzjonijiet u bl-età tas-saċerdoti dejjem tikber, din
il-problema ser teskala b’mod allarmanti fil-ġejjieni qrib. Tassew li saċerdot
ma jieqafx mill-ħidma tiegħu mal-età tal-pensjoni, imma jasal żmien ukoll li
s-saħħa tiegħu tbatti u ma jkunx jista’ jibqa’ jagħti servizz. U la jwarrab
mhux ser ikun hemm min jissostitwih.
Mhux biss
il-parroċċa
Għażilt li nikteb
dwar il-qagħda tal-parroċċi għax din aktarx hija l-aktar entità reliġjuża qrib
tan-nies, imma ma rridux ninsew bosta knejjes oħra, kemm dawk tal-patrijiet u
oħrajn b’saċerdot djoċesan, li minkejja li ma humiex parroċċi joffru servizz lill-poplu.
Immaġinaw lin-nies tal-Baħrija kieku ma għandhomx knisja b’qassis li jieħu
ħsiebha! Hemm mhux parroċċa u jagħmel ma’ San Pawl tar-Rabat. Dawn il-knejjes
ukoll għad jibdew jaffaċċjaw l-istess problemi li għandhom quddiemhom
il-parroċċi. Din hija l-qagħda attwali, il-qagħda tas-sena 2025 f’Malta. Min
jaf kif ser tkun sa għaxar snin oħra?
Fr Reno Muscat
Il-Mument - 6 ta' April 2025
Nessun commento:
Posta un commento