domenica 8 giugno 2025

Vokazzjonijiet femminili

 

Meta nitkellmu dwar vokazzjonijiet femminili nkunu qed nirreferu għas-sorijiet. Spiss tqum xi diskussjoni, l-aktar illum meta l-media soċjali għandu aċċess għaliha kulħadd, dwar jekk wasalx iż-żmien li jew is-saċerdoti jitħallew jiżżewġu jew jibdew ikunu ordnati saċerdoti nisa. Dwar dawn iż-żewġ punti tkellimt fuq fuq jew ser nitkellem fl-artikli li jmiss, biss illum ser nagħti ħarsa lejn il-kwistjoni ta’ saċerdoti ta’ sess femminili. Tajjeb ngħidu li fi Knejjes Kristjani, iżda mhux fil-Knisja Kattolika, is-saċerdotessi jeżistu. Minkejja li ma kinux minn dejjem.

Il-pożizzjoni tal-Knisja Kattolika

Il-pożizzjoni uffiċjali tal-Knisja Kattolika dwar il-kwistjoni tas-saċerdoti nisa hija bbażata fuq it-tagħlim ta’ Ġesù Kristu, li għażel biss l-irġiel bħala l-appostli tiegħu. Skont din id-duttrina, is-saċerdozju Kattoliku huwa riservat biss għall-irġiel, għax dawn jirrappreżentaw lil Kristu, li kien raġel. Barra minn hekk, il-Knisja Kattolika ssostni li din il-prattika nżammet b’mod konsistenti fit-tradizzjoni tal-Knisja sa minn żminijiet appostoliċi. Il-Knisja temmen li m’hemm l-ebda setgħa li tinbidel din il-linja ta’ tagħlim, peress li ġiet istitwita minn Kristu nnifsu. Il-Knisja Kattolika għandha storja twila u tradizzjoni li ma tħallihiex tordna n-nisa bħala qassisin.

Liġijiet

Fil-fidi hemm il-liġi diretta u l-liġi pożittiva. X’jiġifieri? Il-liġi diretta hija dik il-liġi, jew ordni li ġejja direttament mingħand Alla, bħalma huma l-Kmandamenti. Pereżempju ladarba hemm il-kmandament li jgħidlek “la toqtolx” il-Knisja ma tista’ qatt tibdel il-pożizzjoni tagħha dwar l-ewtanasja jew l-abort minkejja li l-liġijiet ċivili jkunu jippermettuhom. Iżda fil-każ ta’ liġi pożittiva il-Knisja tkun tista’ tbiddel il-pożizzjoni tagħha għax din ma tkunx ordni li taha Alla, pereżempju li s-saċerdoti ma jistgħux jiżżewġu. Imkien fil-Kelma ta’ Alla ma hemm din l-ordni imma din hija liġi li għamlitha l-Knisja stess għax ħasset li hekk ikun jaqbel. Fejn jidħol is-saċerdozju femminili ma hemmx liġi diretta.

Papiet riċenti

L-aħħar tliet papiet, konxji minn nuqqas kbir ta’ vokazzjonijiet u mill-kurrenti fi ħdan il-Knisja stess favur is-saċerdozju femminili, tkellmu fuq dan.  Il-Papa San Ġwanni Pawlu II, fl-ittra appostolika tiegħu tal-1994 “Ordinatio Sacerdotalis,” stqarr li l-Knisja m’għandhiex l-awtorità li tordna n-nisa bħala qassisin. Dan il-papa afferma li s-saċerdozju Kattoliku huwa riservat biss għall-irġiel u li l-Knisja m’għandhiex is-setgħa li tbiddel din il-prattika. F’omelija tiegħu waqt il-quddiesa tal-Griżma f’San Pietru, f’April 2012, il-Papa Benedittu XVI saħaq li hemm “sitwazzjoni drammatika” fil-Knisja u li hija diffiċli ħafna. Huwa kien qed jindika grupp ta’ saċerdot mill-Awstrija li talbu aktar bilanċ bejn is-sessi fi ħdan il-Knisja u fost oħrajn kienu favur is-saċerdozju tan-nisa. Dakinhar Ratzinger fakkar fil-pożizzjoni “irriversibbli” li ħareġ il-Papa Wojtyla dwar din il-kwistjoni. Skont il-Papa Freanġisku s-saċerdozju femminili huwa “problema teoloġika”. Mara ma tistax tersaq għas-saċerdozju “għax għaliha ma jgħoddx il-prinċipju Petrin, iżda dak Marjan, li huwa iktar importanti. Għalhekk, il-fatt li n-nisa ma jaċċessawx il-ħajja ministerjali mhuwiex deprivazzjoni, għax posthom huwa ferm iktar importanti.” “In-nisa huma ta’ servizz kbir bħala nisa, mhux bħala ministri fi ħdan l-Ordnijiet Sagri,” qal il-Papa Franġisku f’intervista ma’ CBS News f’Mejju tas-sena 2024, fejn tenna il-“le” ferma tiegħu għad-djakonat femminili u, konsegwentement ukoll għas-saċerdozju għan-nisa.

Din hija l-pożizzjoni tal-Knisja Kattolika dwar is-saċerdozju femminili u jidher li ftit hemm tama li tinbidel. Hemm ħafna Nsara favur din il-pożizzjoni imma hemm ukoll kurrenti, anke jekk huma f’minoranzi, li huma kontra dan il-ħsieb tal-Knisja.

Fr Reno Muscat

 Il-Mument - 20 ta' April 2025


 

Vokazjonijiet li jintemmu

 

Minbarra n-nuqqas ta’ vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi spiss niltaqgħu ma’ każi fejn persuni jkunu bdew din il-mixja u wara xi żmien jieqfu. Tajjeb naħsbu ftit dwar dan il-fatt.

Inkunu ċari

Qabel ma persuna tidħol għal ħajja bħal din trid tara sewwa jekk tabilħaqq hemmx vokazzjoni jew le. Mill-banda l-oħra min ikun qed jinkoraġġihom biex jaqbdu din it-triq għandu jkun ċar u jispjega sewwa din il-ħajja x’titlob. Ġieli jiġri li xi żgħażagħ jgħaddu xi jiem ta’ esperjenza f’xi kunvent biex jaraw b’għajnejhom kif inhi l-ħajja hemm ġew. Hekk għandu jkun, iżda spiss dawk il-jiem li fihom f’kunvent ikun hemm dawn it-talin, il-ħajja tiġi pproġettata b’mod differenti għal kollox milli kif tabilħaqq tkun fil-jiem l-oħra. Dan jista’ jwassal biex xi ħadd jitħajjar jidħol fl-ordni u wara ftit li jidħol jinduna li dak li kien qed jaħseb li jsib ikun biss illużjoni u għalhekk jiddeċiedi li jerġa’ lura. Il-kunvent jew is-seminarju ma huwiex xi stabbiliment fejn għandu xi ħaġa xi jbigħ u jagħmel minn kollox biex ibigħha.

Età

Forsi problema oħra ta’ dawn il-persuni li jduru lura lejn il-ħajja sekulari hija li dawn jidħlu f’din il-ħajja ta’ età żgħira wisq. Nemmen li qabel ma’ persuna taqbad din it-triq għandha tagħmel żmien taħdem u tgħix il-ħajja bħal kull żagħżugħ u żagħżugħa oħra. B’hekk ikollha f’moħħha idea ċara ta’ xi trid tagħmel b’ħajjitha. Id-dinja tax-xogħol hija dinja għal kollox differenti mid-dinja ta’ wara l-bieb tal-kunventi u tal-knejjes. Għalhekk ikun tajjeb li qabel wieħed jieħu deċiżjoni jkun matur biżżejjed.

Miċ-ċokon

Hawn min jirraġuna li kif jgħid il-qawl Malti: Ix-xemx minn filgħodu turi! Tabilħaqq imma jekk tifel ikun minn ċkunitu jilgħab bl-istatwi u bil-mudell ta’ knisja ma jkunx ifisser li dan għandu vokazzjoni. Kien hemm każi fejn xi talin daħlu għall-ħajja reliġjuża jew saċerdotali għax il-ġenituri tagħhom qalulhom li dik hija ħajjithom. Biss il-logħob u d-delizju tal-mudelli tal-knisja jew tal-istatwi ma huwiex indikazzjoni ta’ vokazzjoni. Din il-ħaġa tajjeb inżommuha f’moħħna. Hawn mhux qed ngħid li kull min hu dilettant tal-mudelli tal-knejjes jew tal-istatwi f’minjatura mhux tajjeb għal din il-ħajja imma rrid ngħid li dan id-delizju mhux il-barometru tal-vokazzjonijiet. Hemm min hu dilettant ta’ dawn l-affarijiet u tabilħaqq ikollu vokazzjoni u hemm oħrajn li huma dilettanti biss.

Skandli

Xi wħud iħallu din il-ħajja għax jippreferu li jitilqu milli jagħtu skandlu b’ħajjithom. Hekk għandu jkun. Illum nisimgħu b’ħafna skandli fid-dinja sekulari u donnhom in-nies drawhom u aċċetawhom, imma skandlu minn reliġjuż jew reliġjuża mhux aċettat. Din hija ħaġa tajba ħafna għax filwaqt li naċċettaw politiku li jitħammeġ bi skandlu, tal-anqas għadna nippretendu li bniedem fil-ħajja reliġjuża ma jagħtix skandli.

Dwar dawn l-iskandli, il-Knisja trid toqgħd ftit bilqegħda u taħseb ftit xi jkun qed jikkawżahom. Il-persuna reliġjuża qed issib ħajja diċenti? Snin ilu kien kellimni żagħżugħ li kien qabad il-mixja għall-ħajja reliġjuża. Kien qalli li kien xeba’ jiekol ħobż bil-butir kull filgħaxija. Din dinjità? Beda joħroġ jixtri xi ħaġa x’jiekol u ltaqa’ ma’ tfajla li llum hija martu. Min ilumu? U din hija storja waħda li smajt u li ma nistax ngħid li hija gravi. Kultant telf ta’ vokazzjoni tkun tort ta’ min imexxi. Ngħid ukoll li kien hemm żgħażagħ oħra ma’ dan il-ġuvni li ma telqux.

Tajjeb li kulħadd iżomm f’moħħu kliem San Pawl: “Dan it-teżor qiegħed għandna f'ġarar tal-fuħħar, ħalli b'hekk jidher sewwa li l-kobor ta' din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna.” [2Kor:4:7]  U ġarra tal-fuħħar malajr tinkiser!

Fr Reno Muscat

Il-Mument - 30 ta' Marzu 2025





Vokazzjonijiet u l-qagħda attwali

 

Wara li rajna fit-tul xi tfisser vokazzjoni saċerdotali jew reliġjuża, rajna xi ftit il-kariżmi differenti u missejna fuq fuq il-problema tan-nuqqas ta’ vokazzjonijiet, xieraq issa naraw ftit il-qagħda f’pajjiżna. Meta qed ngħid qagħda, ma rridx nifhem li rrid nagħti xi statistika, għax nafu li ma tantx għandna fejn nimirħu fin-numru ta’ vokazzjonijiet, imma rrid nagħti ħarsa in ġenerali biex nifhmu l-problema tan-nuqqas ta’ vokazzjonijiet.

Parroċċi

Fl-Arċidjoċesi ta’ Malta nsibu 71 parroċċa filwaqt li fid-Djoċesi ta’ Għawdex insibu 15-il waħda. Filwaqt li l-parroċċi Għawdxin huma kollha mmexxijin minn saċerdoti djoċesani, f’Malta l-istorja hija differenti. Mill-parroċċi Maltin, 13-il waħda huma mmexxijin minn saċerdoti reliġjużi, jiġifieri patrijiet u mhux qassisin. Dan ifisser li aktar minn 18 fil-mija tal-parroċċi f’Malta huma tal-patrijiet. U dan illum, għax sa ftit ilu kien hemm 3 parroċċi oħra li llum għaddew f’idejn l-Arċidjoċesi Maltija.

Nistħajjilkom tgħiduli: “X’differenza tagħmel jekk parroċċa tkunx f’idejn il-qassisin djoċesani jew f’idejn il-patrijiet?” Il-problema hija li l-kariżma tal-patrijiet hija li jgħixu f’komunità u komunità ma tistax issir minn persuna waħda biss. F’għadd ta’ parroċċi li jitmexxew minn saċerdoti djoċesani nsibu lill-kappillan waħdu, imma jekk il-parroċċa tkun ta’ xi provinċja tal-patrijiet dan ma jistax iseħħ għax primarjament il-patri jrid jgħix flimkien ma’ patrijiet oħra.

Il-qagħda geografika

Ejjew issa naraw kif inhuma mifruxin il-parroċċi li jitmexxew mill-patrijiet. Insibu lil San Pawl il-Baħar, Burmarrad, il-Qawra, Santa Venera, il-Marsa (Trinità), Gwardamanġa, Il-Belt Valletta (San Duminku u Santu Wistin), Ta’ Xbiex, San Ġwann, Tas-Sliema (Sacro Cuor u Nazzarenu) u l-Fgura. Issa tajjeb ngħidu li dawn il-parroċċi huma ta’ diversi ordnijiet reliġjużi differenti. Huma maqsumin hekk: 3 tal-Franġiskani Konventwali, 3 tad-Dumnikani, 2 tal-Franġiskani Kapuċċini, 2 tal-Karmelitani, 1 tal-Franġiskani Minuri, 1 tal-Agostinjani u 1 tat-Tereżjani. Xi parroċċi li jkunu qrib u li jkunu jitmexxew minn patrijiet tal-istess ordni tista’ b’xi mod tinstab soluzzjoni, bħalma seħħ f’Burmarrad fejn il-parroċċa titmexxa minn patrijiet li jgħixu fil-komunità tal-Qawra, imma mill-bqija ftit hemm soluzzjonijiet. Ma hemmx parroċċi oħra tal-istess ordnijiet b’konfini jmissu ma’ xulxin.

F’idejn l-Arċisqof

Għaddejna minn fażi fejn 3 parroċċi li kienu tal-patrijiet għaddew f’idejn id-djoċesi (Marija Reġina l-Marsa, ta’ Fleur de lys u tal-Balluta). Id-djoċesi ħadet l-impenn li tmexxi dawn il-parroċċi imma kemm tiflaħ tilqa’ iżjed? Diġà għandha parroċċi b’nuqqas ta’ qassisin, tista’ tkompli żżid il-piż li diġà qed iġġorr? Bin-nuqqas ta’ vokazzjonijiet u bl-età tas-saċerdoti dejjem tikber, din il-problema ser teskala b’mod allarmanti fil-ġejjieni qrib. Tassew li saċerdot ma jieqafx mill-ħidma tiegħu mal-età tal-pensjoni, imma jasal żmien ukoll li s-saħħa tiegħu tbatti u ma jkunx jista’ jibqa’ jagħti servizz. U la jwarrab mhux ser ikun hemm min jissostitwih.

Mhux biss il-parroċċa

Għażilt li nikteb dwar il-qagħda tal-parroċċi għax din aktarx hija l-aktar entità reliġjuża qrib tan-nies, imma ma rridux ninsew bosta knejjes oħra, kemm dawk tal-patrijiet u oħrajn b’saċerdot djoċesan, li minkejja li ma humiex parroċċi joffru servizz lill-poplu. Immaġinaw lin-nies tal-Baħrija kieku ma għandhomx knisja b’qassis li jieħu ħsiebha! Hemm mhux parroċċa u jagħmel ma’ San Pawl tar-Rabat. Dawn il-knejjes ukoll għad jibdew jaffaċċjaw l-istess problemi li għandhom quddiemhom il-parroċċi. Din hija l-qagħda attwali, il-qagħda tas-sena 2025 f’Malta. Min jaf kif ser tkun sa għaxar snin oħra?

Fr Reno Muscat

Il-Mument - 6 ta' April 2025





Vokazzjonijiet u kawża tan-nuqqas tagħhom

 

Ilna nitkellmu dwar in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi u f’dawn il-kitbiet tiegħi ppruvajt nindaga ftit x’inhu jwassal biex inqas żgħażagħ illum jagħżlu din il-ħajja. Din hija kwistjoni li ma naħsbux fuqha aħna biss imma tippreokkupa lil kull membru tassew fil-Knisja.

X’qal il-Papa

Il-Papa Franġisku, waqt diskors lill-Kurja Rumana fl-okkażjoni tal-Milied tas-sena 2019, qal li ninsabu f’sitwazzjoni ta’ wara l-Kristjaneżmu (il-kelma li uża l-Papa kienet: post-Kristjanità), u li forsi għadna m’ aħniex konxji biżżejjed tagħha: “M’aħniex aktar fil-Kristjaneżmu! […]. Għalhekk neħtieġu bidla fil-mentalità pastorali, li ma jfissirx li mmorru għal pastorali relattiva. M’għadniex ngħixu f’reġim tal-Kristjaneżmu għax il-fidi – speċjalment fl-Ewropa, iżda mhux biss, anke f’ħafna pajjiżi tal-Punent – il-fidi​​m’għadhiex tikkostitwixxi prerekwiżit ovvju għall-ħajja komuni, anzi ħafna drabi saħansitra tiġi miċħuda, imqarrqa, emarġinata u ridikolata.”

Solitudni

Għandu mnejn waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ vokazzjonijiet hija li saċerdot għandu mnejn jgħix ħajja ta’ solitudni minħabba li ma jkollux familja. Imma tajjeb niftakru li hemm dimensjoni ta’ solitudni f’kull stat tal-ħajja, kif jafu sew il-miżżewġin, jista’ jiġi żmien li bniedem iħossu vojt tant li xejn u ħadd ma jista’ jimla dan il-vojt. Din il-possibbiltà, jekk ma tiġix aċċettata, tista’ twassal għall-falliment tar-relazzjoni. Mela s-solitudni ma hijiex sinonimu mas-saċerdozju. Ma’ dan kollu hemm ukoll ir-rivoluzzjoni diġitali u l-miġja tan-netwerks soċjali , speċjalment għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, fejn il-kapaċità li jintużaw teknoloġiji ġodda ħafna drabi ma tikkorrispondix għal sens kritiku adegwat, speċjalment meta wieħed jixtieq ifittex fihom rimedju għas-solitudni. U s-solitudni tista’ twassal għall-fatalitajiet. Għal xi żmien kien hemm żieda impressjonanti ta’ suwiċidji fost il-qassisin fil-Brażil. Matul l-2018, 17-il qassis neħħew ħajjithom u 10 oħra fl-2021.

Stress

Jekk wieħed jifli bir-reqqa l-ħajja ta’ saċerdot għandu mnejn jinduna li din tista’ tkun ħajja b’ħafna stress. Biss biss is-saċerdot ma għandux tmiem il-ġimgħa bla xogħol, anzi dawn il-jiem ikunu aktar impenjattivi. Saċerdot ma jirtirax mal-età tal-pensjoni. U ma’ dan kollu wieħed għandu mnejn jara l-ammont ta’ xogħol li din il-ħajja titlob. Hawn min jaħseb li s-saċerdot kemm iqaddes quddiesa u lesta l-ġurnata, imma jinsa x-xogħol l-ieħor kemm pastorali kif ukoll xogħol klerikali kif ukoll manwali li dan il-bniedem ikollu jagħmel matul il-jum. Qassis żagħżugħ f’pajjiż fejn hemm nuqqas ta’ saċerdoti, fejn jista’ jsib ruħu ffaċċjat b’ħafna – anzi b’wisq – xogħol pastorali, jista’ jasal għal attitudni iper-responsabbli, li faċilment twassal għal attiviżmu żejjed, li mbagħad jinbidel fi stress, u dan f'ansjetà u dipressjoni. U spiss dan ikun jgħix  waħdu u ma jkunx jaf jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. Nerġa’ nsemmi l-Brażil. Fl-2008 saret riċerka fejn inġabru madwar 1,600 intervista ta’ qassis u reliġjużi irġiel u nisa. Minn dan l-istudju kien innotat li l-kawża ewlenija ta’ stress fil-ħajja reliġjuża kienet in-nuqqas ta' privatezza,  nuqqas ta’ ħin u spazju għall-kura personali. Dan mhux xi sigriet, dawn huma ċifri li ġew ippubblikati u li kulħadd għandu aċċess għalihom. Għalhekk jekk żagħżugħ jew żagħżugħa jkunu qed jiddixxernu biex jidħlu għall-ħajja saċerdotali jew reliġjuża għandhom mnejn jaqtgħu qalbhom. Biss hawn tajjeb niftakru li l-istress, in-nuqqas ta’ ħin, privatezza u spazju ma jeżistux biss fil-ħajja tal-qassis, tal-patri u tas-soru imma f’kull stat ta’ ħajja.

Fr Reno Muscat

Il-Mument - 9 ta' Marzu 2025



Vokazjonijiet u n-nuqqas tagħhom

 

Spiss ngħidu li l-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi naqsu ħafna. Spiss ngħidu li pajjiżna, li darba kien jibgħat bosta missjunarji madwar id-dinja, għad jispiċċa hu fuq il-lista tal-pajjiżi tal-missjoni. Ikollna nammettu li tabilħaqq in-numru ta’ dawk li llum jagħżlu li joffru ħajjithom għas-servizz tal-poplu bħala saċerdoti jew reliġjużi naqas qatigħ meta mqabbel man-numru ta’ għexieren ta’ snin ilu. Il-fatt li bosta minna jħossuhom preokkupati b’dan il-fatt juri li għad hemm numru sostanzjali ta’ Maltin li mhux biss japprezzaw il-ħidma ta’ dawn it-talin imma wkoll iħossu l-ħtieġa tal-ħidma li jwettqu.

Sa mill-bidu

Elfejn sena ilu, meta kienet imwaqqfa l-Knisja, ma kienx hemm din il-problema? It-tweġiba għal din il-mistoqsija nistgħu nsibuha fil-paġni tal-Evanġelju. Ara ftit din is-silta, li għandna mnejn smajnieha kemm-il darba imma qatt ma rriflettejna dwarha jew qatt ma fhimna sewwa xi tfisser. Is-silta hija din: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu." (Lq 10:2)

Jekk nifhmu sewwa din is-silta ma ndumux ma nintebħu li sa mit-twaqqif tal-Knisja, ix-xogħol kellu jinqasam bejn ftit nies. Il-ħsad huwa l-ħidma filwaqt li l-ħaddiema huma s-saċerdoti u r-reliġjużi. Jekk nifhmu dan dlonk nindunaw li dak li qed naraw bħala problema kbira llum kienet diġà teżisti elfejn sena ilu. Minkejja kollox il-Knisja baqgħet wieqfa.

Żmien sabiħ u mhux

Kien hemm epoki fl-istorja tal-Knisja fejn din il-problema ftit kienet tinħass, imma dan kien meta l-ħajja kienet totalment differenti minn dik li ngħixu llum. Meta l-familji kienu numerużi aktar kien hemm probbabiltà li xi iben jew bint jagħżlu l-ħajja ta’ servizz fil-Knisja. Kien hemm żmien ukoll li familji nobbli kienu jaraw li xi ħadd minn uliedhom jagħżel il-ħajja reliġjuża. Insomma ma nkunx korrett meta ngħid il-kelma “jagħżel” għax fil-verità kien hemm żmien fejn il-ġenituri kienu jagħżlu huma din il-ħajja għal uliedhom. Kien hemm żmien fejn kien hemm dawk li jissejħu “donati”. Dawn kienu jkunu tfal ta’ familji, aktarx għonja, li jagħtu xi wieħed jew waħda minn uliedhom lil xi monasteru biex isiru raħeb jew soru tal-klawsura. Pereżempju San Tumas ta’ Aquino kien mogħti lill-monasteru ta’ Monte Cassino meta kellu 5 jew 6 snin. Meta kiber telaq u aktar tard ingħaqad mad-Dumnikani. Qegħdin nitkellmu fl-ewwel nofs tas-seklu 13. B’sistema bħal din, il-monasteri kienu jkunu mimlijin, imma kemm tabilħaqq kien ikun hemm membri li verament kien ikollhom vokazzjoni?

F’Malta

Xi snin ilu kont qed nitkellem ma’ persuna li għamlet xi żmien bħala ajk, jew fra. Din il-persuna qaltli li kienu ħafna aħwa u missieru kien webblu biex jidħol fra. Qalli li biex iħajru, missieru kien jgħidu li jekk jidħol il-kunvent jibda’ jiekol il-laħam mhux bħad-dar li l-laħam fuq il-mejda kien skars minħabba n-numru kbir ta’ wlied. Dan it-tali daħal b’dan il-ħsieb f’moħħu imma ftit wara ntebaħ li ħafna patrijiet kienu mżaqqin mhux għax kienu jieklu ħafna laħam imma għax kienu jieklu ħafna għaġin u ħobż. Wara xi snin ħareġ minn fra u żżewweġ.

Intant, inkompli dwar in-nuqqas ta’ vokazzjonijiet li qed naffaċċjaw illum. Qegħdin naraw parroċċi b’saċerdot wieħed, kunventi jingħalqu, kappelli li ma għadux isir quddies fihom u elf ħaġa oħra. X’nagħmlu? Mhux faċli twieġeb! Mill-esperjenza tiegħi ngħid li tabilħaqq illum, aktar minn qatt qabel, jgħodd għalina l-qawl Ingliż: Where there is a will there is a way!

Fr Reno Muscat

Il-Mument - 2 ta' Marzu 2025








 

Vokazzjonijiet u kariżmi

 

Sa issa naħseb li fhimna li hemm differenza bejn irħieb u patrijiet, bejn sorijiet tal-klawsura u sorijiet ta’ ħajja attiva. Spiss nisimgħu riferimenti żbaljati għalihom. Fil-fatt, spiss inkun qiegħed naqra, anke f’gazzetti prestiġjużi jew f’siti mill-aktar awtorevoli u nsib espressjonijiet bħal: “patri Benedittin” jew “raħeb Franġiskan”, kif ukoll “abbazija Franġiskana” jew “kunvent Benedittin”. Dawn l-iżbalji spiss insibhom f’kitbiet Taljani fejn fi lsienhom għandhom termini speċifiċi aktar minna l-Maltin. Il-Benedittini huma rħieb filwaqt li l-Franġiskani huma patrijiet filwaqt li raħeb joqgħod f’abbazija jew monasteru u patri joqgħod f’kunvent. Veru li l-użu ta’ dawn it-termini b’mod mhux xieraq ma jikkawża l-ebda disgrazzja, imma l-preċiżjoni m’għandhiex tkun dmir ta’ min jipprovdi l-informazzjoni? Intant id-differenzi li jeżistu bejn dawn ma hijiex biss fit-terminoloġija iżda fuq kollox hija fil-kariżma.

Ordnijiet Kontemplattivi

It-terminu “kontemplattivi” jirreferi għal dawk ir-reliġjużi kollha, ġeneralment irħieb, li għandhom it-talb u l-istudju tal-Iskrittura Mqaddsa bħala l-karatteristika primarja ta’ ħajjithom u jgħixu f’abbaziji jew monasteri bħalma diġà għidna. Il-Benedittini, tal-familji u l-kongregazzjonijiet kollha, iċ-Ċisterċensi, it-Trappisti, il-Kartużjani, il-Bażiljani tat-tradizzjoni Orjentali u l-Kanonċi Regolari tat-tradizzjoni Agostinjana huma ordnijiet kontemplattivi. Karatteristika komuni ta’ dawn il-familji kollha hija l-importanza tat-talb korali. Il-jum tal-irħieb kontempattivi huwa fil-fatt immarkat mil-Liturġija tas-Sigħat u talb komunitarju li jingħad fil-kor tal-knisja, ġeneralment permezz tal-kant Gregorjan.

Ordnijiet Mendikanti

It-terminu "ordnijiet mendikanti" jidentifika dawk l-ordnijiet reliġjużi kollha, imwielda bejn is-sekli 13 u 15 bħalma huma d-Dumnikani, il-Franġiskani, il-Karmelitani, is-Servi ta’ Marija eċċetra, dawk li jgħixu l-aspirazzjonijiet antiki tagħhom stess, bħall-faqar evanġeliku, il-predikazzjoni itineranti, il-libertà mill-kontroll episkopali u l-ħajja ta’ fraternità assoluta fost il-membri tal-ordni u għalhekk jissejħu “fra” minn Fratello bit-Taljan. Fost dawn insibu d-differenzi fil-kariżma tal-ordni. In-nukleu oriġinali tal-mendikanti huwa ffurmat mid-Dumnikani u l-Franġiskani, iż-żewġ ordnijiet li bdew din il-forma ta’ ħajja reliġjuża u warajhom imxew ordnijiet oħra. Fi ħdan l-ordnijiet mendikanti nsibu familji reliġjużi mwielda b’karatteristiċi u skopijiet differenti iżda li lilhom l-awtoritajiet pontifikali riedu jagħtuhom status legali komuni, speċjalment fir-rigward tal-possibbiltà li jipprietkaw, jiġbru l-elemosina (jittalbu) u jkunu eżenti mill-ġurisdizzjoni episkopali. Il-Knisja llum għandha sbatax-il ordni definiti bħala Mendikanti, filwaqt li tqis ukoll ir-riformi interni ta’ kull ordni. Pereżempju, hemm erba’ ordnijiet ta’ Franġiskani (Osservanti Minuri, Konventwali, Kapuċċini u Terzjarji), tlieta ta’ Agostinjani (Osservanti, Skalzi u Rikoletti), tnejn Karmelitani (Osservanti u Skalzi jew Tereżjani).

Kleriċi Regolari

Imbagħad hemm il-Kleriċi Regolari bħall-Ġiżwiti, il-Barnabiti, u t-Teattini. Karatteristika komuni ta’ dawn l-ordnijiet il-ġodda, li twieldu f’nofs is-seklu 16 u huma definiti bħala “Kleriċi Regolari”, huwa l-fatt li huma magħmula prinċipalment minn saċerdoti li ma għandhomx il-ħajja riġida tal-komunità. Huma jilbsu libsa simili bħal dik tas-saċerdoti djoċesani. Aktarx li dawn jipprattikaw forom ġodda ta’ talb bħalma huma l-Eżerċizzji Spiritwali ta’ Sant’ Injazju. L-edukazzjoni, il-predikazzjoni, il-missjoni u id-devozzjoni popolari huma fost il-kariżmi ta’ dawn il-Kleriċi.

Oħrajn

L-era moderna rat it-twelid ta’ Kongregazzjonijiet Reliġjużi li huma differenti mill-Kleriċi Regolari biss f’materji ġuridiċi u huma fil-biċċa l-kbira orjentati lejn għanijiet speċifiċi bħalma huma tagħlim, kura tal-morda jew missjonijiet. Minn dawn insibu ħafna madwar id-dinja, fost l-aktar magħrufin insibu lis- Salesjani, imwaqqfa minn San Ġwann Bosco. F’Malta għandna wkoll Soċjetà ta’ patrijiet imwaqqfa minn Malti bħalna. Dawn huma s-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, imwaqqfa minn Monsinjur Ġużeppi De Piro.

Fr Reno Muscat

Il-Mument - 23 ta' Frar 2025


Vokazzjonijiet attivi u kontemplattivi

 

Fil-ħajja reliġjuża nsibu ordnijiet jew istituti ta’ ħajja attiva u oħrajn ta’ ħajja kontemplattiva. Dawn huma kollha persuni li jikkonsagraw ħajjithom lil Alla, imma hemm differenza bejn ħajja u oħra. Il-ħajja attiva hija dik ta’ patrijiet u sorijiet, li jgħixu f’kunvent u li jaħdmu direttament mal-poplu. Għall-kuntrarju il-membri ta’ ordni, kongregazzjoni jew istitut ta’ ħajja kontemplattiva jgħixu f’monasteru jew abazija u ħajjithom hija aktar inklinata għat-talb milli għall-attivitajiet mal-pubbliku. Il-membri tal-ħajja kontemplattiva jissejħu rħieb il-fergħat maskili filwaqt li dawk femminili jissejħu sorijiet tal-klawsura. Malta ma għandniex irħieb, għalkemm bosta snin ilu kien hemm tentattiv li jitwaqqaf monasteru f’Malta imma l-pjan ma seħħx. Dan ma jfissirx li ma hemmx rħieb Maltin. Imma dawn qegħdin f’xi monasteru barra minn pajjiżna. Fejn jidħlu sorijiet tal-klawsura l-istorja hija differenti u nsibu numru ta’ monasteri f’Malta: tnejn il-Belt Valletta, wieħed fil-Birgu, wieħed Bormla, wieħed l-Imdina u wieħed San Ġiljan. F’Għawdex illum ma hemmx sorijiet tal-klawsura imma kien hemm żmien fejn kien infetaħ monasteru tas-Sorijiet Dumnikani u aktar qrib tagħha kien twaqqaf monasteru tal-Klarissi.

Ħajja kontemplattiva

Illum rari nisimgħu b’xi xebba li tingħaqad mas-sorijiet tal-klawsura u meta dan iseħħ tiġbed l-attenzjoni tal-media. Fiż-żminijiet li qed ngħixu fihom, imdawrin bil-media soċjali, taslilna l-aħbar u dlonk jibdew il-kummenti. Ħafna jqisu li jekk xebba tidħol f’monasteru tkun qed tarmi ħajjitha, tindifen ħajja, Oħrajn jgħidu li din hija ħajja moħlija u ladarba riedet tidħol soru setgħet daħlet soru ma’ xi kongeegazzjoni li tgħin lit-tfal, lix-xjuħ jew lill-morda. Min jirraġuna hekk ikun qed juri kemm ma jafx kemm jiswa t-talb u għandu mnejn għalih it-talb huwa ħin mitluf. Mhux bilfors hekk.

Tajjeb ngħidu li qabel ma San Duminku waqqaf l-ordni tal-patrijiet tiegħu, huwa waqqaf lis-sorijiet tal-klawsura biex jitolbu għal ħuthom il-patrijiet li billi l-kariżma tagħhom kellha tkun il-predikazzjoni, ma kienx ser ikollhom ħin daqs is-sorijiet biex jitolbu. Dan huwa s-sens ta’ ħajja f’monasteru tal-klawsura.

Ħafna jaħsbu li l-membri ta’ monasteru jkunu maqtugħin għal kollox mid-dinja. Dan huwa żball kbir. Nassigurakom li dawn il-membri jkunu jafu x’qed jiġri fid-dinja daqsna u kultant aktar minna. Dan juri kemm ikun żbaljat min jaħseb li dawk li jidħlu fil-klawsura jkunu donnhom mejtin u maqtugħin mill-kumpament tad-dinja. Huma għażlu din il-ħajja biex jitolbu għad-dinja, imma billi d-dinja tal-lum tilfet is-sens tat-talb, dawn jidhru li ramew ħajjithom.

Ħajja attiva

Mill-banda l-oħra hemm sorijiet ta’ ħajja attiva, li minkejja li n-numru tagħhom naqas sewwa, aħna aktar familjari magħhom. Dawn huma xebbiet li jagħżlu li jgħixu ħajjithom bil-voti tal-faqar, kastità u ubbidjenza imma jkollhom kuntatt kontinwu mad-dinja. Għalhekk insibu ħafna minn dawn is-sorijiet li jieħdu ħsieb tfal li ġejjin minn familji bi problemi, anzjani u morda. Ħajjithom issir talba. F’pajjiżna nsibu diversi kunventi ta’ sorijiet, xi wħud minnhom ta’ kongregazzjonijiet imwaqqfa minn Maltin stess bħal ngħidu aħna d-Dumnikani, imwaqqfa minn Carolina Cauchi u Fortunata Spiteri, is-Sorijiet Franġiskani talQalb ta Ġesù imwaqqfa minn Dun Ġużepp Diacono u Virginia Debrincat li mbagħad ħadet l-isem ta’ Suor Margerita tal-Qalb ta’ Ġesù, is-Sorijiet Ursolini, li twaqqfu minn Monsinjur Isidoro Formosa u Ulied Marija Ewkaristika li waqqafhom is-Superjur Ġorġ Grima. Dawn huma kollha sorijiet ta’ ħajja attiva li spiss niltaqgħu magħhom fil-ħajja tagħna.

Fr Reno Muscat

Il-Mument - 16 ta' Frar 2025



Vokazzjonijiet reliġjużi

 

Bit-twelid u l-formazzjoni tal-Muniċipalitajiet li seħħ fl-Ewropa lejn nofs is-seklu 12, is-soċjetà in ġenerali nistgħu ngħidu li ttrasformat ruħha. Il-monakiżmu tradizzjonali beda jidħol fi kriżi u bdew jitwieldu movimenti reliġjużi ġodda, l-aktar importanti minnhom huma dawk imwaqqfa minn San Franġisk ta’ Assisi u San Duminku ta’ Gużman.

Ordnijiet reliġjużi

L-Ordni Franġiskan u dak Dumnikan, imwielda fl-ewwel għoxrin sena tas-seklu tlettax, għandhom ħafna karatteristiċi komuni bejniethom li jiddistingwuhom mill-ħajja monastika. Dawn il-patrijiet jiċħdu kull tip ta’ ġid u ma jiddependux fuq ix-xogħol agrikolu biex jgħixu, bħalma kienu sa issa l-ordnijiet ta’ oriġini Benedittina, iżda fuq il-karità tal-fidili; għalhekk jissejħu Ordnijiet Mendikani, jiġifieri ordnijiet ta’ tallaba. Il-Franġiskani u d-Dumnikani jsejħu lilhom infushom patrijiet, aħwa, u mhux irħieb, jiġifieri rġiel solitarji, u jgħixu f’kunventi, postijiet fejn jinġabru, u mhux fil-monasteri, jiġifieri postijiet li fihom jiżolaw lilhom infushom. Hawn naraw ukoll li l-isem tad-djar fejn jgħixu dawn il-patrijiet kien element ġdid ukoll. Il-kelma “monasteru” turi fiha nnfisha is-solitudni: mono stare – tibqa’ waħdek, filwaqt li l-kelma “kunvent” ġejja minn con vivere: tgħix flimkien. Hawn naraw waħda mill-ħafna differenzi li jeżistu bejn l-irħieb, jew il-monaċi u l-patrijiet. Il-kunventi m'għadhomx jinbnew f'postijiet imbiegħda miċ-ċentri abitati, iżda fis-subborgi tal-bliet u wkoll it-tqassim arkitettoniku tal-knejjes ta’ dawn il-kunventi jkunu maħsub biex jilqgħu fihom bosta fidili. Dawn huma żewġ differenzi oħra li nsibu bejn il-ħajja monastika u dik f’ordni reliġjuż. Filwaqt li l-irħieb kienu jibnu l-monasteri tagħhom kemm jista’ jkun bogħod mill-ibliet, il-patrijiet bdew jibnu djarhom fil-qalba jew qrib l-ibliet. Il-knejjes tal-monasteri oriġinarjament kienu maħsuba biex fihom isir it-talb komunitarju tal-irħieb imma l-knejjes tal-patrijiet inbnew biex mal-komunità jingħaqdu wkoll il-fidili. Differenza oħra notevoli bejn il-Benedettini u l-membri tal-Ordnijiet Reliġjużi huwa l-vot tal-istabilità. Jekk raħeb jidħol f’monasteru jagħmel vot li jibqa’ fih ħajtu kollha, filwaqt li fl-ordnijiet mendikani dan il-vot ma jeżistix u patri jista’ jiġi trasferit minn kunvent għal ieħor skont il-ħtieġa jew fuq ordni tas-superjur, ġeneralment imsejjaħ “provinċjal.”

Riforma

Wara l- Konċilju ta’ Trento li sar bejn is-sena 1545 u l-1563, ġew ristrutturati ħafna ordnijiet reliġjużi tradizzjonali u twaqqfu oħrajn ġodda biex jiġġieldu l-ereżiji u biex jerġgħu jħabbru l-veritajiet tal-fidi lill-poplu Nisrani. L-istituti reliġjużi l-ġodda, bħalma huma t-Teatini, il- Barnabiti u l-Ġiżwiti huma nvoluti b’mod attiv fis-soċjetà billi jwettqu attivitajiet ta’ assistenza, appostolat u ta’ tagħlim mal-poplu. F’xi wħud minnhom hemm mentalità u dixxiplina militari, ta’ ġellieda lesti li jieħdu azzjoni. Dawn il-kongregazzjonijiet jissejħu Kumpanniji u s-superjuri tagħhom jissejjaħ Ġeneral.

Mhux irġiel biss

Sa issa aktarx trattajna l-ordnijiet jew l-istituti ta’ reliġjużi maskili imma nafu li jeżistu wkoll nisa reliġjużi, is-sorijiet. Hawn irridu niddistingwi bejn is-sorijiet tal-klawsura u s-sorijiet ta’ ħajja attiva. San Franġisk u Santa Kjara ta’ Assisi waqqfu s-sorijiet tal-klawsura li jissejħu Klarissi wara il-fundatur kien ġabar miegħu l-ewwel aħwa. Mill-banda l-oħra San Duminku waqqaf sorijiet tal-klawsura qabel waqqaf l-ordni tal-patrijiet li tissejjaħ Ordni tal-Predikaturi. Semmejt lil dawn iż-żewġ qaddisin għax kienu huma li biddlu r-rotta tal-ħajja komunitarja, minn persuni monastiċi għal persuni f’ordni reliġjuż. B’danakollu ma jfissirx li ma kienx hemm fundaturi oħra li waqqfu patrijiet u sorijiet.

Xi wħud mill-kongregazzjonijiet reliġjużi femminili twaqqfu minn fundaturi li għażlu r-regola ta’ xi ordni reliġjuż. Għalhekk insibu s-sorijiet Franġiskani u Dumnikani, imma dawn ma kinux imwaqqfa la minn San Franġisk u lanqas minn San Duminku.

Din hija l-istorja, fil-qosor ħafna, tal-bidu tal-ħajja reliġjuża.

Fr Reno Muscat

 Il-Mument - 9 ta' Frar 2025








Vokazzjonijiet monastiċi

 

L-ewwel tip ta’ ħajja komunitarja b’għan reliġjuż ma kinux il-patrijiet u s-sorijiet li nafu bihom illum. Kienu dawk li jissejħu “rħieb” li bdew din it-tip ta’ ħajja. Rħieb hija kelma Maltija li ma għadhiex tintuża u li tfisser dak li bit-Taljan jissejjaħ “monaco”, speċi ta’ patri tal-klawsura. Biex ngħidu kollox dan l-istil ta’ ħajja ma jeżistix biss fil-fidi Kristjana għax insibuh f’reliġjonijiet oħra bħalma huma l-Buddiżmu u l-Induiżmu. Imma billi aħna qegħdin nitrattaw il-vokazzjonijiet reliġjużi li aħna mdorrijin bihom ejjew niffukaw fuq il-monakiżmu Kristjan. Malta ma għandniex irħieb imma għandna għadd ta’ monasteri ta’ sorijiet tal-klawsura, li nistgħu ngħidu hija l-fergħa femminili tal-irħieb.

Tifsira u oriġini

Wara l-paċi Kostantinjana, il-martirju mdemmi tal-Insara sar rari ħafna. Din il-forma erojka ta’ qdusija tal-bidu tal-Kristjaneżmu ġiet sostitwita minn triq ta’ qdusija professata minn grupp ġdid ta’ Nsara, ħerqana għal spiritwalità aktar profonda, li jappartjenu biss lil Alla u għalhekk jgħixu waħedhom fil-kontemplazzjoni tal-misteri divini. Hekk twieled il-monastiċiżmu, il-ħajja fil-monasteru.

Il-kelma monastiċiżmu ġejja mill-kliem Grieg monos (waħdu) u oikia (dar). Din il-kelma tindika fenomenu partikolari, komuni għar-reliġjonijiet aktarx antiki, fejn xi individwi jinqatgħu mill-ħajja soċjali tas-soltu biex jgħixu  esperjenza ta’ fidi u jgħixu kull attività tal-ħajja tagħhom bħala att ta’ mħabba lejn Alla. Il-fenomenu tal-monastiċiżmu Kristjan beda madwar is-sena 280 fl-Eġittu u l-Lvant tas-Sirja. L-aktar raħeb famuż ta’ dan il-perjodu huwa Anton, żagħżugħ Eġizzjan li llum nafuh bħala San Anton Abbati jew magħruf ukoll ma’ ħafna bħala San Anton tal-ħanżira. Huwa wieħed mill-aktar eremiti illustri fl-istorja tal-Knisja. Ta’ għoxrin sena, dan Anton, abbanduna kollox biex jgħix l-ewwel maqtugħ mid-dinja, f’żona abbandunata u mbagħad fuq ix-xatt tal-Baħar l-Aħmar, fejn għex għal aktar minn 80 sena. Miet, fil-fatt,  ta’ ’l fuq minn mitt sena fis-sena 356. Bosta kienu dawk li mxew fuq il-passi tiegħu u ngħaqdu miegħu f’dan l-istil ta’ ħajja.

Monastiċiżmu tal-Punent

Bis-saħħa ta’ San Benedittu ta’ Norcia, li għex bejn is-sena 480 u s-sena 546, il-monastiċiżmu nfirex mal-Punent kollu. Benedittu ta l-ħajja lil monakiżmu fl-Ewropa u introduċa n-novità tal-istabbiltà tar-raħeb fil-komunità. Fi żmien qasir ir-regola tiegħu, ammirata għall-għerf, il-bilanċ u d-diskrezzjoni tagħha, ġiet adottata minn bosta monasteri li twieldu fil-kontinent tagħna. Bejn is-sekli 9 u 12, il-monakiżmu Benedittin sar il-pedament tal-kultura u ċ-ċivilizzazzjoni Ewropea.

Il-monasteri antiki tal-Ewropa jissejħu Benedittini imma ma jfissirx li dawn twaqqfu minn San Benedittu. Hemm fatt kurjuż dwar dan. Fis-sena 816 Luwiġi l-Piju, iben Karlu Manju, bl-għajnuna tar-raħeb Franċiż Benedittu ta’ Aniane, laqqa’ l-mexxejja tal-monasteri kollha. Il-mexxej ta’ monasteru jissejjaħ abbati u f’monasteru femminili tissejjaħ badessa.  F’din il-laqgħa kien deċiż li l-monasteri kollha jadottaw ir-regola ta’ San Benedittu bħala l-unika waħda valida għall-imperu Karolingju kollu. Minn dakinhar l-abbaziji kollha tal-imperu, irġiel u nisa, saru Benedittini u madwarhom l-Ewropa bdiet tibni mill-ġdid l-istruttura tagħha wara l-waqgħa tal-Imperu Ruman.

Ir-riformi

Il-monastiċiżmu Benedittin, filwaqt li baqa’ l-istess fil-linji fundamentali tiegħu, addatta ruħu għall-bżonnijiet storiċi u ġedded lilu nnifsu permezz ta’ ħafna riformi. Fl-1893 il-Papa Ljun XIII għaqqad mill-ġdid il-Kongregazzjonijiet Benedittini kollha f’Konfederazzjoni (mhux «Ordni»), taħt il-gwida ta’ Abbati Primat (magħżul mis-Superjuri Benedittini kollha) b’setgħat legali limitati ħafna, iżda b’influwenza morali għolja ħafna.

Fr Reno Muscat

Il-Mument - 2 ta' Frar 2025







Vokazzjoni

 

Minkejja li l-kelma “Vokazzjoni” bl-ebda mod ma hija marbuta mal-Knisja, ħafna drabi nassoċċjawha ma’ vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi, jiġifieri ma’ qassisin, patrijiet u sorijiet. Fil-verità il-vokazzjoni hija dik is-sejħa li ġġiegħel lill-bniedem jagħmel ċerti għażliet fi ħdan id-diversi stati possibbli tal-ħajja. Hawn min iħossu msejjaħ li jsir avukat, tabib jew xi professjoni oħra, hawn nisa jħossuhom imsejħin biex ikunu nisa tad-dar u iva. hawn persuni li jħossuhom imsejħin għall-ħajja ta’ saċerdot, patri jew fra f’każ ta’ raġel jew soru f’każ ta’ mara. Mela nistgħu ngħidu li kulħadd għandu xi vokazzjoni, iżda dan it-terminu aktarx li nużawh l-aktar għal dawk li jagħżlu l-ħajja ta’ saċerdot jew il-ħajja reliġjuża. Aħna hawnhekk sejrin nitrattaw il-vokazzjonijiet fi ħdan il-Knisja, u allura bla ma rridu nitrattaw in-nuqqas tagħhom, ta’ dawk li għażlu din it-triq għal ħajjithom.

Bidu

Bosta reliġjonijiet, anke dawk antiki ħafna, kellhom u għad għandhom il-qassisin tagħhom. Eżempju ta’ dan huma l-Lhud. Fit-Testment il-Qadim insibu bosta riferenzi għal xi qassis tal-fidi Ebrajka. Fit-Testment il-Ġdid insibu wkoll, imma l-enfasi ddur fuq Kristu, il-Qassis il-Kbir għal dejjem u fuq is-saċerdozju istitwit minnu.

Il-Knisja Kattolika Rumana, dik Ortodossa kif ukoll dik Anglikana japplikaw it-terminu saċerdozju kemm għall-ministeru tal-isqfijiet kif ukoll għall-presbiteri. Minkejja d-differenzi storiċi u teoloġiċi fost dawn il-Knejjes, hemm xebh kbir fit-tifsira u l-funzjoni tas-saċerdozju. Biex nifhmu dan ix-xebh u d-differenzi, jeħtieġ naraw l-oriġini tas-saċerdozju Kristjan fil-kuntesti storiċi u reliġjużi tiegħu, id-diverġenzi kbar, u l-iżviluppi u l-kontroversji kontinwi. L-idea u l-prattika tas-saċerdozju fil-Kristjaneżmu bikri kien iffurmaw madwar żewġ punti: ix-xebh mad-drawwiet Lhud minħabba li l-Kristjaneżmu twieled mill-fidi Ebrajka u s-saċerdozji ċiviċi u reliġjużi fid-dinja Greko-Rumana kienu karatteristiċi sinifikanti tal-kuntesti li fihom bdiet tikber u tinfirex il-Knisja meta l-appostli ħallew Iżrael u nxterdu mad-dinja biex iwasslu t-tagħlim ta’ Kristu. Allura hawn dlonk nifhmu li ma setax jonqas li l-fidi l-ġdida jkollha wkoll is-saċerdoti bħalma kienu mdorrijin bihom sew il-Lhud kif ukoll dawk imsejħin “pagani” ta’ dak iż-żmien.

Żvilupp

Il-ministeru saċerdotali kien istitwit minn Ġesù Kristu nnifsu waqt l-aħħar ikla tiegħu meta qal: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” Is-saċerdozju żviluppa ftit ftit fil-Knisja Kristjana tal-bidu hekk kif l-ewwel isqfijiet u mbagħad ix-xjuħ, jew “presbiteri,” bdew jeżerċitaw ċerti funzjonijiet saċerdotali, l-aktar b’rabta maċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Sal-aħħar tat-tieni seklu, l-isqfijiet tal-Knisja kienu jissejħu saċerdoti, kelma meħuda mil-Latin: sacerdos. Għalkemm l-uffiċċju saċerdotali kien jappartjeni primarjament għall-isqof, il-presbiteru kien jaqsam il-funzjonijiet saċerdotali tiegħu u fin-nuqqas tiegħu seta’ jeżerċita xi wħud minnhom bħala delegat tiegħu.

Bit-tixrid tal-Kristjaneżmu u t-twaqqif tal-knejjes parrokkjali, il-presbiteru, jew kappillan, adotta aktar mill-funzjonijiet tal-isqof u sar iċ-ċelebrant prinċipali tal-Ewkaristija. Bħala presbitru jew kappillan b’għadd ta’ Kristjani taħt il-ħarsien tiegħu, adotta wkoll is-sagrament tal-qrar u s-setgħa li jagħti l-assoluzzjoni. Eventwalment, is-saċerdot assuma r-rwol ta’ rappreżentant ewlieni ta’ Alla għall-poplu.

Biż-żmien

Għall-fini tal-istorja ngħidu li filwaqt li fix-xiżma ta’ bejn il-Kattoliċi Latini u dawk tal-Orjent, iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika nżammet nistgħu ngħidu intatta fil-qofol u s-sinifikat tagħha, mhux l-istess nistgħu ngħidu li seħħ fir-riforma protestanta fejn issa minkejja li s-saċerdot baqa’ jinstab fil-Knisja, it-teoloġija dwar il-ministeru tiegħu ma baqgħetx l-istess.

Illum hemm diversi differenzi bejn is-saċerdot Kattoliku, dak Ortodoss u dak jew dik Protestant jew Protestanta, imma x-xebh huwa li dawn kollha huma ministeri ta’ Alla.

Fr Reno Muscat


Il-Mument - 26 ta' Jananr 2025