Ta’ kull sena, bħal-lum, 29 ta’ Ġunju, il-Knisja Kattolika
tiċċelebra l-festa ta’ San Pietru u San Pawl, iżda magħna l-Maltin dan il-jum
huwa aktar magħrf bħala “L-Imnarja”.
Festa tal-bdiewa
Fl-imgħoddi, lejlet il-festa, il-bdiewa kienu jgħaddu l-lejl
fuq is-Saqqajja, imbagħad filgħodu jisimgħu l-Quddiesa tas-sbiħ il-jum
tal-Imnarja u wara jassistu għall-purċissjoni li toħroġ mill-Katidral immexxija
mill-isqof u l-monsinjuri tal-Katidral u
li fiha kienu jieħdu sehem ukoll bosta membri ta’ ordnijiet reliġjużi u mijiet
ta’ fratelli. L-attrazzjoni
ewlenija tal-Imnarja, kienet tkun it-tiġrijiet tal-bhejjem. Il-premjijiet ta’
dawn it-tiġrijiet kienu jkunu palji tad-damask li spiss kienu jingħataw
mir-rebbieħa lil xi knisja.
Aktar tard
Fi żmien
il-Gvernatur William Reid, bdiet tittella’ fil-Buskett wirja agrarja. L-ewwel
darba li din saret kienet filgħodu tad-29 ta’ Ġunju tal-1854. Fl-1844 twaqqfet
is-Società Agraria di Malta bil-għan li tgħin lill-bdiewa. Mż-żmien din ħadet
f’idejha l-wirja ta’ prodotti agrarji fil-Buskett nhar l-Imnarja. Fis-sena
1866, il-wirja bdiet tiftaħ fit-28 ta’ Ġunju u tkompli sal-għada filgħodu. F’din il-wirja, li għadha ssir sal-lum, wieħed
ikun jista’ jara bosta prodotti tar-raba’, bħal ħaxix u frott kif ukoll
prodotti oħra tal-bdiewa bħal ġobon, għasel, suf u tajjar. Ma’ dawn ikun hemm
ukoll il-wirja tal-annimali, kull tip ta’ annimal li wieħed isib għand
il-bdiewa, minn tiġieġa jew fenek sa nagħaġ u barrin. Il-jum tal-Imnarja
fil-Buskett kien ukoll ikkaratterizzat mill-għana Malti. U ma’ dan kollu
jingħaqad l-ikel, xi fenkata tajba u xarba nbid milli jaf jagħmel il-bidwi
Malti.
Obbligu
Il-festa tal-Imnarja kienet ukoll marbuta mal-obbligi taż-żwieġ, fejn in-nutar kien jikteb il-kuntratt taż-żwieġ u l-għarus kien iħallas lil missier l-għarusa somma flus skont il-ftehim tagħhom. Dan il-ftehim kien jorbot ukoll lill-għarus biex jieħu lil martu futura għall-festi ta’ San Girgor, ta’ San Ġwann u l-festa tal-Imnarja peress li fl-imgħoddi ma tantx kien hemm okkażjonijiet għal miżżewġin ġodda biex jiddevertu. Fuq din kien hemm taqbila ħelwa li parti minnha tgħid hekk:
Fl-iskrittura
Matrimonjali
Jagħmlu
l-pattijiet konjugali
Li joħodha
l-festi prinċipali
Jonsobha fuq
il-ħajt
Jixtrilha
xriek qubbajt
Li jkun
tal-qannebusa
Għax minnu
tiggosta l-għarusa.
Għawdex
Illum
Forsi għal
ħafna minna llum huwa biss jum ta’ festa, festa pubblika, waħda mill-bosta li
għandna matul is-sena. Tabilħaqq li din is-sena l-Imnarja ħabtet is-Sibt u
għalhekk għal xi wħud ma tibdel xejn. Biss l-attivitajiet għal din il-festa
għadhom isiru, mhux bħalma kienu jsiru qabel u n-nies għadha titla’ l-Buskett,
forsi mhux daqs qabel ukoll, imma din hija festa li għadha ssir, festa
tradizzjonali tal-bdiewa, li minkejja l-progress kollu li sar anke fil-qasam
agrarju, ma mititx mewta naturali.
Fr Reno
Muscat
Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 29 ta' Ġunju 2024