Visualizzazione post con etichetta sport. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta sport. Mostra tutti i post

venerdì 2 luglio 2021

Vjolenza fl-Isports


Issa li l-partiti tal-kampjonat tal-EUFA Euro 2020, riesaq lejn it-tmiem tiegħu, ġie f’moħħi l-ħsieb ta’ kemm l-isports kollu huwa maħluq biex dak li jkun jehda bih imma kemm ġieli kien okkażjoni ta’ ġlied.

Sfortunatament il-vjolenza hija fenomenu mifrux f’kull attività sportiva, u mhux biss illum, iżda wkoll fl-imgħoddi. Diġà fil-Greċja tal-qedem, li hija l-oriġini tal-istorja sportiva Ewropea tagħna, l-atti ta’ vjolenza kienu dejjem preżenti, speċjalment fl-isports bħall-lotta u agħar minn dan kienu dawk it-taqbidiet li fihom biex wieħed jirbaħ kien meħtieġ li jinqatel l-avversarju. Fl-isport fejn ma kienx neċessarju li jinqatel l-għadu bħalma huwa l-ġiri, qbiż fit-tul u logħob atletiku ieħor mhux meqjusa vjoleni, ħafna drabi kien jiġri li l-ġurijna (judges) kienu jinxtraw u ġieli ġew mhedda, sabiex tkun garantita r-rebħa. Għalhekk b’dan il-qerq jew brikkunati nistgħu ngħidu li minn dejjem kien hemm vjolenza, tilwim, ġlied u wara rikonċiljazzjoni bejn l-atleti.

Problema soċjali serja 

Fl-isport tal-lum, il-vjolenza tidher ukoll fost il-partitarji, li jitfgħu bombi tad-duħħan, murtaletti jew oġġetti perikolużi oħra fuq l-avversarji jew fil-grawnd. Dawn l-attitudnijiet vjolenti jseħħu fl-isports kollha, speċjalment f’logħbiet importanti u bejn timijiet b’saħħithom ħafna u magħrufa. Meta nara ġesti vjolenti fuq it-televiżjoni jiddispjaċini ħafna u tmut fija x-xewqa li nsegwi l-isport. L-atturi tal-vjolenza mhumiex biss il-partitarji iżda xi drabi wkoll l-isportivi nfushom. Ġieli jiġri li ma jaċċettawx id-deċiżjonijiet tar-referee u dan kultant jikkawża ġlied fil-grawnd. Jista’ jiġri li t-tilwima tkun frott ta’ drogi illegali li jintużaw biex itejbu l-prestazzjoni iżda min-naħa tagħhom jikkawżaw reazzjonijiet mhux mixtieqa.

Irridu ngħidu wkoll li llum l-isport huwa marbut sew mal-potenzjal ekonomiku. Il-plejer b’saħħtu huwa oġġett ta’ negozju għat-tim u għalhekk jista’ jkun soġġett għal trattamenti illegali u perikolużi għas-saħħa. Meta jiġri hekk ikun intilef kull sens sportiv.

Il-vjolenza fil-futbol 

L-isport huwa importanti ħafna biex isaħħaħ il-ġisem, għall-gost, imma fuq kollox biex titgħallem ħafna regoli ta’ koeżistenza ċivili. Mhux kulħadd jifhem li tistax tirbaħ dejjem; l-isport ifisser ukoll li tkun taf titlef, li taċċetta l-limiti tagħha l-bnedmin.

Huwa importanti ħafna li t-tfal li jilagħbu b'mod san, nadif, jiġifieri jieħdu gost billi jitgħallmu jirrispettaw lill-oħrajn u jobdu r-regoli li l-logħba timponi. Huwa għalhekk li huwa essenzjali għalihom li jkollhom eżempji pożittivi kemm mill-plejers, li għandhom jerġgħu jiskopru x-xewqa li jilagħbu waqt li jirrispettaw lilhom infushom, kif ukoll minn xi partitarji li jridu jitgħallmu mill-ġdid u jżommu f’moħħho  li wara kollox ...  din hija biss logħba.

L-istrateġiji biex tiġi limitata l-vjolenza fl-isport ilhom maħsuba għal żmien twil. Inħolqu liġijiet li jipprovdu l-kontroll ta’ nies li jidħlu fi grawnds, sanzjonijiet ekonomiċi għal dawk li għandhom fuqhom oġġetti perikolużi, u saħansitra projbizzjoni ta’ xi persuni milli jidħlu fil-grawnd biex jaraw il-partita.

Ultras

L-Ultras huma tip ta’ partitarji tal-futbol ta’ xi għaqda jew klabb li huma magħrufa għall-appoġġ fanatiku tagħhom. It-terminu oriġina fl-Italja iżda jintuża mad-dinja kollha biex jiddeskrivi lil dawk li jappoġġjaw tim partikolari tal-futbol u li jkunu organizzati b’mod predominanti. It-tendenza fl-imġieba ta’ gruppi ultras tinkludi l-użu ta’ murtali jew bombi oħra, appoġġ vokali, għajjat u kant fi gruppi kbar u l-wiri ta’ strixxuni fi grawnds tal-futbol, ​​li kollha huma mfassla biex joħolqu atmosfera li tħeġġeġ lit-tim tagħhom stess u biex jintimida lill-avversarji; kemm plejers kif ukoll partitarji.

L-azzjonijiet tal-gruppi ultras huma xi kultant estremi u jistgħu jkunu influwenzati minn ideoloġiji politiċi bħall-konservattiżmu jew ir-razziżmu. F’xi każijiet dan il-fanatiżmu jmur sal-punt fejn għal xi wħud l-appoġġ passjonat u leali tat-tim isir sekondarju għall-ideoloġija teoretika tal-fenomenu ultras. K’każi bħal dawn wieħed bla ma jrid jistaqsi kemm tabilħaqq din l-attitudni tixraq li titħallat mal-isports?

Hooligans

Filwaqt li l-gruppi tal-ultras jistgħu jsiru vjolenti, tajjeb ngħidu wkoll li l-maġġoranza tal-logħbiet li jattendu għalihom l-ultras jintemmu mingħajr inċidenti vjolenti. B’differenza għall-agir tal-hooligans, li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jiġġieldu ma’ hooligans ta’  klabbs oħra. Bil-kontra tal-ultras li l-għan ewlieni tagħhom ġeneralment huwa li jappoġġjaw lit-tim tagħhom stess. Xi hooligans jippruvaw ikunu diskreti meta jivvjaġġaw; is-soltu ma jilbsux flokkijiet tat-tim sabiex ma jinqabdux u jitwaqqfu mill-pulizija. L-ultras għandhom it-tendenza li jkunu iktar evidenti meta jivvjaġġaw lejn il-grawnd u lura d-dar kemm-il darba it-tim tagħhom joħroġ rebbieħ. Dawn tarahom b’xalel, bnadar u l-flokkijiet tal-klabb tagħhom waqt li jaslu fil-grawnd bil-mijiet. Din il-ħaġa tippermetti lill-pulizija żżomm għajnejha miftuħa fuq il-movimenti tagħhom. Il-hooligan aktarx ikun aktar diskret, ma jinġabarx ma’ gruppi kbar ħafna imma r-riżultat aħħari jkun differenti minn dak tal-ultras.

Kemm hi ħaġa ta’ dwejjaq li fi sport li suppost qiegħed hemm għall-mistireħ u l-mogħdija taż-żmien ikun hemm atti ta’ vjolenza!

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 3 ta' Lulju 2021




  

sabato 20 febbraio 2021

“L-isport tiegħi huwa ballun taċ-ċraret”

 

Papa Franġisku

L-ewwel intervista li saret lil Franġisku dwar il-valuri u r-rebbieħa

“L-isport tiegħi huwa ballun taċ-ċraret”

 “Meta kont tifel kont inħobb il-futbol, ​​ imma kont nilgħab ukoll il-basketball, l-isport ta’ missieri. Biex niedu gost kien ikun biżżejjed ballun taċ-ċraret. Jien ma kontx tajjeb, allura dejjem kienu jpoġġuni fil-lasta.  Li tkun gowler tfisser skola tal-ħajja.”

 

Il-Papa Franġisku wasal fil-ħin. Daħal fil-kamra tal-mistednin fir-Residenza Santa Marta b’pass sod u b’dik it-tbissima ħelwa li tikkaratterizzaa. Mingħajr maskra, iżomm iddistanza, iżda jurik dawk l-emozzjonijiet u jġiegħlek tħossok id-dar. Kellimna dwar tfulitu, meta kien jilgħab il-futbol b’ “pelota de trapo”, ballun taċ-ċraret. Kien biżżejjed biex tilgħab u tiddeverti. Is-sintesi tal-isport “tiegħu”. Il-metafora tal-passjoni tiegħu. Qalilna dwar l-imħabba tiegħu għall-isport, meta kein imur il-grawnd ma’ missieru biex jara t-tim ta’ San Lorenzo. Huwa tkellem dwar Bartali u Maradona ..., imbagħad id-diskors inbidel ħafna biex semma’ t-temi kollha tal-isport maħsub bħala mument ta’ tkabbir, bħala mod axxetiku biex jagħti l-aħjar. Mill-kundanna espliċita tad-doping, għall-impenn, il-ħtieġa li l-isport ikun xempju ta’ inklużjoni kontra n-non-kultura tat-twarrib, kwistjoni li hija għal qalbu ħafna. Franġisku wieġeb il-mistoqsijiet kollha tagħna u fl-aħħar tana l-iktar dokument dettaljat u profond li Papa qatt kiteb dwar id-dinja tagħna. Id-dinja tal-isport.

 

Santità, int għidt li meta kont tifel kont tmur il-grawnd mal-ġenituri tiegħek biex tara l-logħob tal-futbol.


 
"Niftakar tajjeb ħafna u bi pjaċir meta, meta kont tifel, il-familja tiegħi kienet tmur fil-grawnd, El Gasómetro. Niftakar, b’mod partikolari, il-kampjonat tal-1946, dak li San Lorenzo, it-tim tiegħi, kien rebaħ. Niftakar dawk il-ġranet li qattajt nara l-plejers tal-futbol jilagħbu u l-kuntentizza tagħna t-tfal meta morna lura d-dar: il-ferħ, il-ferħ fuq kull wiċċ, it-tbaqbieq tad-demm Imbagħad għandi tifkira oħra, dik tal-ballun taċ-ċraret, il-pelota de trapo

Jorge Mario Bergoglio
: il-ġilda kienet tiswa wisq u aħna kollha konna fqar, il-lastiku ma kienx daqshekk komuni, imma ballun taċ-ċraret kien biżżejjed għalina biex nieħdu gost u kważi konna nagħmlu l-mirakli, nilagħbu fil-pjazza żgħira viċin id-dar. Bħala tifel kont nħobb il-futbol, ​​imma ma kontx fost l-aqwa, anzi jien kont dak li fl-Arġentina jsejħu “pata dura”, litteralment sieq iebsa. Huwa għalhekk li dejjem ġegħluni nilgħab fil-lasti. Imma li tkun gowler kienet skola kbira tal-ħajja għalija. Il-gowler irid ikun attent biex jirrispondi għall-perikli li jistgħu jaslu minn kullimkien ... U lgħabt ukoll il-basketball, jogħġobni l-basketball għax missieri kien kolonna fit-tim tal-basketball ta’ San Lorenzo.”

 

L-isport huwa wkoll festa u ċelebrazzjoni. Tip ta’ liturġija, ta’ ritwali, ta’ appartenenza. Mhux ta’  b’xejn li nitkellmu dwar “fidi sportiva”.

 "L-isport huwa dak kollu li għidna: għeja, motivazzjoni, żvilupp tas-soċjetà, assimilazzjoni ta’  regoli. U allura huwa divertenti: naħseb fil-koreografija fil-grawnds tal-futbol, ​​fil-kitbiet fuq l-art meta jgħaddu ċiklisti, fil-posters ta’ inkoraġġiment meta issir xi kompetizzjoni. Trumbetti, sparar, tnabar: bħallikieku kollox sparixxa, id-dinja kollha tinbidel f'dak il-mument. L-isport, meta milgħub tajjeb, huwa ċelebrazzjoni: insibu ruħna flimkien, nifirħu, nibku, inħossu l-appartenenza għal tim. Jappartjeni dak li jammetti li waħdu mhux daqshekk sabiħ li tgħix, tifraħ, tiċċelebra. Huwa fatt kurjuż li hawn min jorbot il-memorja ta’ xi ħaġa mal-isport: Is-sena li fiha tim rebaħ il-kampjonat, li fiha dak iċ-champion rebaħ il-kompetizzjoni. Is-sena tal-Olimpjadi, tat-Tazza tad-Dinja. B’xi mod l-isport huwa esperjenza tan-nies u l-passjonijiet tagħhom, jimmarka l-memorja personali u kollettiva. Forsi huma preċiżament dawn l-elementi li jawtorizzawna nitkellmu dwar 'fidi sportiva'”.

 

 Hemm xi stroja sportiva, jew avveniment, li tiftakar bi pjaċir?

 “Ma nifhimx wisq f’dan is-suġġett, imma nista’ ngħidlek li nsegwi b’interess dawk l-istejjer kollha sportivi li mhumiex għan fihom infushom, imma jippruvaw iħallu d-dinja ftit aħjar milli jsibuha. Meta, waqt vjaġġ appostoliku, kont f’Yad Vashem f’Ġerusalemm, niftakar li kellmuni dwar Gino Bartali, iċ-ċiklist leġġendarju li kien imqabbad mill-Kardinal Elia Dalla Costa, bl-iskuża li jitħarreġ fuq ir-rota, kein imur minn Firenze lejn Assisi u jirritorna b’għexieren ta’ dokumenti foloz moħbija fil-qafas tar-rota li kienu jintużaw biex jaħarbu għadd ta’ Lhud u b’hekk isalvaw. Hu qadef għal mijiet ta’ kilometri kuljum jaf li, jekk iwaqqfuh, kien se jkun it-tmiem tiegħu. Meta għamel hekk offra ħajja ġdida lil familji sħaħ ippersegwitati min-Nażisti, ħeba wħud minnhom anke fid-dar tiegħu. Jingħad li għen lil madwar tmien mitt Lhudi, mal-familji tagħhom, biex isalvaw lilhom infushom waqt il-barbariżmu li kienu soġġetti għalih. It-tajjeb isir bla ma jingħadx, inkella x’tajjeb ikun? Yad Vashem huwa meqjus bħala “Ġust Fost in-Nazzjonijiet”, billi għaraf l-impenn tiegħu. Din hija storja ta’ sportiv li ħalla d-dinja ftit aħjar minn kif sabha.”

 

 It-telf u r-rebħ huma parti mid-dinamika sportiva, kif ukoll mill-ħajja tagħna.

 “Ir-rebħ u t-telf huma żewġ verbi li jidhru li jopponu lil xulxin: kulħadd iħobb jirbaħ u ħadd ma jħobb jitlef. Ir-rebħa fiha eċċitament li huwa saħansitra diffiċli biex tiddeskrivih, iżda t-telfa għandha wkoll xi ħaġa mill-isbaħ. It-tentazzjoni li tħossok invinċibbli hija qawwija: ir-rebħa, xi drabi, tista’ tagħmlek arroganti u twasslek biex taħseb li wasalt fuq nett. It-telfa, min-naħa l-oħra, tiffavorixxi l-meditazzjoni: aħna nistaqsu lilna nfusna r-raġuni għat-telfa, nagħmlu eżami tal-kuxjenza, nanalizzaw ix-xogħol li nkunu wettaqna. Huwa għalhekk li minn ċerti telfiet, jitwieldu rebħiet sbieħ: għax, ladarba jiġi identifikat l-iżball, jitwieled l-għatx għall-fidwa. Jien ngħid li min jirbaħ ma jafx xi jkun tilef. Dan mhuwiex biss logħob bil-kliem: staqsi lill-foqra.”

 

Wara kull rebbieħ kbir hemm kowċ. It-taħriġ huwa ftit jew wisq bħall-edukazzjoni?

 “B'xi mod, iva. Fil-mument tar-rebħa ta’ atleta, il-kowċ tiegħu kważi qatt ma jidher: ma jitlax fuq il-podju, ma jilbisx il-midalja, il-kameras rarament iduru fuqu. U madankollu, mingħajr kowċ, ma jkunx hemm rebbieħ: xi ħadd li jagħmel imħatri fuqu, li jinvesti l-ħin fih, li jaf jara kemm jista’ jkolluj possibiltajiet li lanqas hu ma jimmaġina. Li jkun kemmxejn viżjonarju, nabbuża ngħid. Madankollu, it-taħriġ tal-ġisem mhux biżżejjed: trid tkun taf titkellem mal-qalb, timmotiva, tikkoreġi mingħajr umiljazzjoni. Iktar ma l-atleta jkun brillanti, iktar ikun delikat u jaf jittratta miegħu il-kowċ veru, l-edukatur veru, li jaf jitkellem mal-qalb ta’ dawk li jitwieldu rebbieħa. mbagħad, fil-mument tal-kompetizzjoni, ikun jaf kif iwarrab u jaċċetta li jiddependi fuq l-atleta tiegħu Huwa jerġa’ lura f’każ ta’ telfa, u jħares lejh wiċċ imb wiċċ.”

 

Jista’ spirtu kompetittiv qawwi jgħin ukoll biex jimmatura l-ispirtu uman?

 “Jiġu f’moħħi żewġ siltiet miktuba minn San Pawl fl-ittri tiegħu. L-ewwel waħda: “Ma tafux li l-ġerrejja fl-istadju kollha jiġru, imma l-premju wieħed jirbħu? Iġru, mela, ħalli tirbħuh.” (1 Kor 9,24). Hija stedina sabiħa biex tinvolvi ruħek, biex ma tħaresx lejn id-dinja mit-tieqa. It-tieni silta li niftakar hija meta Pawlu, waqt li kien qed jitkellem ma’ ħabibu Filemon, bħallikieku kien qed jafdalu s-sigriet tiegħu: “ Niġri  ’il quddiem biex naħtaf dan, bħalma Kristu Ġesù ġa ħataf lili.” (Fil 3: 12). L-ebda atleta ma jiġri biss biex jiġri: dejjem hemm xi sbuħija li, bħal kalamita, tattira lil dak li jagħmelu sfida miegħu nnifsu. Il-nbidu dejjem ikun għax ikun hemm xi ħaġa li taffaxxinana.”

 

Il-qalb tinsab fiċ-ċentru tal-attività sportiva kif ukoll tal-esperjenza reliġjuża. Jekk il-qalb tinżamm “imħarrġa” huwa s-sigriet li ma jitlifx it-talent?

 "Li żżomm il-qalb fl-ordni huwa s-sigriet għal kull rebħa, mhux biss għall-isport: is-salmista, fil-fatt, jistaqsi lil Alla: “Tkun qalbi bla ħtija fil-kmandamenti tiegħek, biex ma jkollix għax nistħi.” (Salm 119,80). Jekk inħarsu lejn l-istorja tat-talenti, nindunaw li tant nies b’talent intilfu preċiżament minħabba xi diżordni. Qalb ordnata hija qalb hienja, fi stat ta’ grazzja, lesta biex tisfida. Naħseb li kieku staqsejna lil xi sportiv is-sigriet aħħari tar-rebħiet tiegħu, aktarx li jgħidilna li rebaġ għax kein kuntent. Il-kuntentizza, għalhekk, hija l-konsegwenza ta’ qalb ordnata. Ferħ li jinqasam, għax jekk inżommu għalija nnifisi jibqa' żerriegħa, imma jekk naqsmu jista’ jsir fjura.”

 

Ħafna rebbieħa jgħidu li bdew l-avventura sportiva tagħhom għad-dell ta’ xi kampnar, fl-għalqa tal-oratorju ta’ xi knisja fiċ-ċentru jew fil-periferija tal-belt.

 

“Il-Knisja dejjem kellha interess kbir fid-dinja tal-isport. Nistgħu ngħidu li fl-isport il-komunitajiet Insara identifikaw waħda mill-iktar grammatika li tinftiehem biex titkellem maż-żgħażagħ. Aħna naħsbu f’Don Bosco u l-oratorji Salesjani imma naħsbu wkoll fil-parroċċi kollha tad-dinja, anke l-ifqar parroċċi, li fihom dejjem hemm xi grawnd disponibbli biex fih isirt l-isport. Permezz tal-isport, żagħżugħ huwa mħeġġeġ biex jagħti l-aħjar tiegħu nnifsu, biex jistabbilixxi lilu nnifsu u li jikseb għan, biex ma jaqtax qalbu, li jikkollabora fi grupp. Hija opportunità sabiħa li taqsam il-pjaċir tar-rebħa jew l-imrar tat-telfa, li tiltaqa’ flimkien u tagħti l-aħjar li tkun tista’.”

  

Int, bħala Ġiżwita, int iben spiritwali u kulturali ta’ Sant Injazju ta’ Loyola, “champion” tal-Eżerċizzi Spiritwali. “Eżerċizzju” huwa sinonimu ma’ taħriġ. Hemm xi relazzjoni bejn l-isport u l-eżerċizzji ta  ’Sant Injazju?

 "Meta Sant’Injazju ta’ Loyola kiteb l-Eżerċizzi Spiritwali, għamel dan billi ħaseb lura fl-istorja tal-passat tiegħu bħala suldat, magħmul minn eżerċizzji u taħriġ. Huwa jħoss li l-ispirtu, bħall-ġisem, irid ikun imħarreġ ukoll. Id-dixxiplina hija meħtieġa: l-eżerċizzji huma għalliema tajbin ħafna. Guillaume de Saint-Thierry, patri Belġjan li għex fis-seklu 12, jgħid li “r-rieda tiġġenera l-prattika, il-prattika tiġġenera l-eżerċizzju u l-eżerċizzju jipprovdi s-saħħa għal kull xogħol.” Li teżerċita t-tjubija, is-sbuħija u l-verità huma okkażjonijiet li fihom il-bniedem jista’ jiskopri riżorsi fih innifsu li ma jkunx jaf bihom.”

 

X'tip ta’ sportiv tapprezza l-iktar?

 “Nirringrazzjak talli ma tlabtnix insemmi ismijiet proprji: mhux sewwa li tagħżel wieħed għad-detriment ta’ ieħor. Napprezza, madankollu, lil dawk li huma konxji tar-responsabbiltà għat-talent tagħhom, ikun x’ikun l-isport jew id-dixxiplina li jappartjenu għalih. Iċ-champion isir, bil-forza taċ-ċirkostanzi, u jkun mudell ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor, muża, punt ta' referiment. Huwa importanti li l-atleti u r-rebbieħa jkunu konxji ta’ kemm il-kelma tagħhom u l-attitudni tagħhom jistgħu jaffettwaw eluf ta’ nies. Hemmm  nbosta aspetti sbieħ, u nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lil-membri tat-tim nazzjonali tal-futbol Taljan li kull sena flimkein mal-kowċ tagħhom, iżuru sodda sodda, lit-tfal fl-isptar tal-Papa (il Bambino Gesù ta’ Rumal-aktar fid-dipartiment tal-onkoloġija. Dan isir ukoll ġo sptarijiet oħra u f’ħafna postijiet. Dan huwa mod kif tirrealizza l-ħolm tat-tfal li jkunu qed ibatu. Meta, madankollu, r-rebbieħ jinsa din id-dimensjoni, jitlef is-sbuħija kollha. Din hija opportunità sabiex dawk li jieħduh bħala mudell ikunu jistgħu jitjiebu, jikbru u jsiru champions huma ukoll. Nixtieq liċ-champions jitgħallmu virtù prezzjuża ħafna: it-temperanza, l-abbiltà li ma jitilfux is-sens tal-proporzjon. B’dan il-mod biss ikunu jistgħu jaraw valuri akbar bħall-onestà, il-ġustizzja, id-dedikazzjoni. Dawn mhumiex affarijiet żgħar.”

 

Il-futbol, ​​anzi l-isport kollu, dan l-aħħar tnikket bil-mewt ta’ Maradona, meqjus minn ħafna bħala l-akbar plejer tal-futbol li qatt kien deher. X’irrappreżenta għall-Arġentina?

 “Iltqajt ma’ Diego Armando Maradona fl-okkażjoni tal-logħba għall-Paċi fl-2014: Niftakar bi pjaċir dak kollu li Diego għamel għal Scholas Occurrentes, il-Fondazzjoni li tieħu ħsieb dawk fil-bżonn madwar id-dinja kollha. Fil-grawnd kien poeta, champion kbir li ferraħ lil miljuni ta’ nies, fl-Arġentina kif ukoll f'Napli. Kien ukoll raġel fraġli ħafna. Għandi memorja personali marbuta mal-Kampjonat Dinji tal-1986, dak li l-Arġentina rebħet grazzi għal Maradona. Fi Frankfurt, kien żmien diffiċli għalija, kont qed nistudja l-lingwa u niġbor materjal għat-teżi tiegħi. Ma kontx mort nara l-finali tat-Tazza tad-Dinja u sirt naf l-għada bir-rebħa tal-Arġentina fuq il-Ġermanja, meta tfajla Ġappuniża kitbet fuq il-blackboard !Viva l-Arġentina” waqt lezzjoni tal-Ġermaniż. Niftakarha, personalment, bħala r-rebħa tas-solitudni għax ma kelli lil ħadd ma’ min naqsam il-ferħ ta' dik ir-rebħa sportiva: fis-solitudni tħossok waħdek, filwaqt li dak li jagħmel il-ferħ sabiħ huwa li tkun tista’ taqsam dak li tkun qed tħoss. Meta qaluli bil-mewt ta’ Maradona, tlabt għalih u bgħatt kuruna tar-rużarju lill-familja tiegħu u messaġġ bi ftit kliem ta’ faraġ.”

 

Il-Belt tal-Vatikan għandha t-tim tal-atletika tagħha stess. Imbagħad hemm “il-Clericus Cup”, tip ta’ kampjonat għall-istudenti ta’ universitajiet pontifiċjii. Mhuwiex sport biss.

 “L-evanġelizzazzjoni tfisser xhieda, fil-ħajja personali u f’dik tal-komunità, tal-ħajja ta 'Alla fina, dik li ġiet mogħtija lilna fil-Magħmudija. M’hemmx strateġiji, m’hemm l-ebda sens ta’ kummerċ tal-fidi: meta raġel jew mara jara biss raġel jew mara li tgħix bħal Ġesù, allura tista’ tkun affaxxinata u tista’ tibda tieħu bis-serjetà l-proposta tal-Evanġelu. Tevanġelizza bl-ispirtu ta’ ħajjitha stess li jkollha r-riħa u t-togħma tal-beatitudnijiet. It-timijiet tal-atletika u t-Tazza Clericus isibu s-sens tal-preżenza tagħhom fil-Vatikan preċiżament biex jixhdu stil evanġeliku fl-isport. Huwa wkoll mod kif tinħoloq komunità. Qed naħseb fil-varjetà ta’ atleti li ġejjin minn amministrazzjonijiet differenti: gwardji Svizzeri, ġardinara, spiżjara, impjegati tal-Mużewijiet tal-Vatikan, tal-Vilel Pontifikali, saċerdoti u forsi anke xi Monsinjur. Knisja li toħroġ il barra ... anke fl-oqsma tal-isports!”

 

Hemm qawl Għarbi li jgħid: “Taqtax qalbek. Inti tirriskja li tagħmlu siegħa qabel ma jseħħ il-miraklu.” Qawl li jgħodd għall-fidi u l-isport.

 “Il-telqa tiegħek hija l-ħolma tal-avversarju tiegħek: jekk iċċedi tkun qed tagħtih ir-rebħa. Hemm dejjem riskju: “ U kieku rreżistejt naqra oħra?” tibqa' tgħid lilek innifsek għal min jaf kemm-il darba wara li tara kif spiċċat l-istorja. Veru wkoll li hemm ġranet li fihom ikun aħjar li tkompli tiġġieled u oħrajn li fihom ikun iktar għaqli li titlaq.Il-ħajja hija bħal gwerra: tista’ titlef battalja, imma mhux gwerra! Raġel ma jmutx meta jkun megħlub: imut meta jċedi, meta jieqaf jiġġieled. Il-foqra, minn dan il-lat, huma eżempju spettakolari ta’ xi tfisser li ma ċċedix. Lanqas quddiem l-indifferenza: jibqgħu jiġġieldu biex jiddefendu l-ħajja.”

 

It-taħriġ huwa t-triq tat-titjib. Huwa l-punt tat-tluq biex tegħleb lilek innifsek.

 “L-ebda ħaġa rebbieħ ma jinbena fil-laboratorju. Dak li ġara darba ma nistgħux inkunu ċerti li ma jerġax iseħħ, anke jekk nittamaw li le! Iżda ż-żmien jikxef it-talenti oriġinali minn dawk mibnija: champion jitwieled u jissaħħaħ bit-taħriġ. Id-doping fl-isport mhuwiex biss serq, huwa triq qasira li tħassar id-dinjità. It-talent huwa rigal riċevut imma dan mhux biżżejjed: trid taħdem fuqu. It-taħriġ, allura, se jkun qed jieħu ħsieb it-talent u jipprova jimmaturah bl-aħjar possibbiltajiet tiegħu. Qed jiħuni f’moħħi dawk li jiġru l-100 metru fl-Olimpjadi: għal dawk il-ftit sekondi, snin u snin ta’ taħriġ. Kultant naqra dwar xi rebbieħ kbir li jkun l-ewwel wieħed li jasal għat-taħriġ u l-aħħar li jitlaq: hija x-xhieda li l-forza tar-rieda hija aktar b'saħħitha mill-abilità Hawnhekk l-isport jimxi id f’id mal-ħajja: is-sbuħija, tkun xi tkun id-deklinazzjoni tagħha, hija dejjem frott ta’ fjamma li triq żżommha tħeġġeġ jum wara jum.”

 

 Il-motto Olimpiku “Citius, Altius, Fortius” japplika wkoll għall-ħajja tagħna ta’ kuljum?

 “Il-motto huwa sabiħ: “Aktar malajr! Ogħla! Aktar b’saħħa!”  jattribwixxuh lill-Baruni Pierre De Coubertin, iżda kien imlissen minn predikatur Dumnikan, Henri Didon. Flimkien mal-ħames ċrieki u l-fjamma Olimpika, dan il-motto huwa wieħed mis-simboli tal-Logħob. Mhux stedina għas-supremazija ta’ tim. Min-naħa l-oħra, wisq inqas mhuwiex tip ta’ stimoliu għan-nazzjonaliżmu. Huwa eżortazzjoni għall-atleti, sabiex dawn billi għandhom it-tendenza li jaħdmu fuqhom infushom, onestament jegħlbu l-limiti tagħhom biex jibnu xi ħaġa kbira, mingħajr ma jħallu lilhom infushom jiġu mblukkati. L-istedina biex ma naċċettawx li ħadd saret il-filosofija tal-ħajja.”

 

L-Olimpjadi li jmiss se jsiru fil-Ġappun, f’Tokyo. Waħda mill-massimi Ġappuniżi tista’ tiġi tradotta hekk: “Jekk taqa’ seba’ darbiet, qum tmienja.” Inti żort il-Ġappun: liema memorji ġibt miegħek?

 “Żort il-Ġappun darbtejn. F’dawn iż-żewġ vjaġġi tiegħi ltqajt ma’ art mill-isbaħ, għanja fid-drawwiet, fidi u memorja. Ftit snin qabel ma għamilt it-tieni vjaġġ lejn il-Ġappun, kont rajt ritratt li laqatni ħafna: dik ta’ tifel li qed iġorr fuq spallejh lil ħuh mejjet lejn il-krematorju (ir-ritratt huwa tal-fotografu Amerikan Joe O’Donnell. Il-Papa ltaqa’ ma’ ibnu fit-tieni vjaġġ tiegħu.) Stampajt ir-ritratt u fuqha ktib: “Il-frott tal-gwerra”. F’dawk ix-xhur, qassamt ir-ritratt lin-nies li ltqajt magħhom biex ma ninsewx il-fallimenti kbar tal-umanità. Meta, fit-tieni vjaġġ tiegħi, mort, bħala pellegrin tal-paċi, f’Nagasaki u f’Hiroshima, waqaft fis-skiet quddiem dik il-paġna tal-istorja: tal-ħolm ta’ ħafna li baqa’ biss dell u skiet. Nies differenti ħafna magħqudin minn destin traġiku. Madankollu, rajt ukoll tama f’dak il-mument: bogħod  mill-għajnejn  fejn dawk li baqgħu ħajjin minn dak il-barbariżmu, sabu l-kuraġġ li jkomplu jgħixu, minkejja kollox. B’qalbi kollha nispera li l-Olimpjadi li jmiss isibu ispirazzjoni f’dawk id-dehriet li qatt ma qatgħu il-qlub.”

 

Il-Paralimpiċi hija waħda mill-ogħla forom ta’ ugwaljanza, dinjità, rispett, huma parti integrali mill-Olimpjadi. Xhur ilu, permezz tal-gazzetta tagħna Alex Zanardi qasam il-ħsieb tiegħu. L-intenzjoni tiegħu dehret ċara ħafna: li titkellem miegħu ifisser tkellem ħafna u ħafna nies li jsibu ruħhom f’dik l-istorja bħal tiegħu.

 “Meta nara minn x’kapaċi jagħmlu ċerti atleti, li għandhom xi diżabilitajiet fil-ġisem tagħhom, niskanta bil-qawwa tal-ħajja. Fl-isport inħobb l-idea ta’ inklużjoni, dawk il-ħames ċrieki li jduru flimkien u jispiċċaw jingħaqdu huwa xbieha mill-isbaħ ta’ kif tista’ tkun id-dinja. Il-moviment Paralimpiku huwa prezzjuż ħafna: mhux biss għax jinkludi lil kulħadd, iżda wkoll għax huwa opportunità li tagħti drittijiet ta’ ċittadini fil-midja għal stejjer ta’ rġiel u nisa li għandhom xi diżabilitajiet. Meta nara jew naqra dwar xi wħud mill-kisbiet tagħhom, naħseb li l-limitu mhuwiex fihom iżda biss f’għajnejn min jarahom. Huma stejjer li jwelldu stejjer, meta kulħadd jaħseb li m’għadx hemm stejjer xi tgħid.”

 

Int dilettant kbir tal-futbol: meta kont tifel kont issegwi lit-tim ta’ San Lorenzo. L-isport, madankollu, mhux futbol biss.

 “Aħna nafu li f’kull rokna tad-dinja, anke fl-iktar waħda moħbija u fqira, ballun ikiun biżżejjed biex jibda jimla l-qlub u jnissel tbissima.Forsi huwa għalhekk li l-futbol jilgħab daqsxejn mis-sehem tal-iljun. Daqsxejn bħalma jiġri d-dar, bejn aħwa: dejjem hemm min jaħseb li jiswa aktar mill-oħrajn! Imma ovvjament id-dinja tal-isport hija kostellazzjoni vera b’ħafna stilel. Jien ukoll lgħabt il-basketball u nħobb ħafna r-rugby, per eżempju: minkejja li huwa sport iebes, qatt mhu vjolenti. Il-lealtà u r-rispett li hemm f’dan l-isport ħafna drabi jittieħdu bħala mudell. Naħseb fit- “tielet taqsima” dak ta’ wara l-logħba: il-plejers kollha taż-żewġ timijiet jiltaqgħu flimkien anke biss għal tislima unjieħdu b’idejn xulxin. Dan għandu jkun: agħti ruħek meta tilgħab imma wara l-partita  jkollok il-kuraġġ li tieħu b’id l-avversarju tiegħek. Ma kinitx gwerra bejn l-għedewwa iżda biss opportunità għal kompetizzjoni bejn l-avversarji fil-logħba. Dawk li jitqiesu bħala sports minuri, xi drabi, jistgħu jagħtu lezzjonijiet kbar lis-Sur Futbol.”

 

Hemm negozju kbir li jdur madwar din id-dinja mill-isbaħ tal-isports. Kif tistaà tiġi salvata s-sbuħija tal-isports mingħajr ma jintilfu erwieħ?

“L-atleta huwa misteru affaxxinanti, kapolavur tal-grazzja, tal-passjoni. Huwa faċli ħafna, madankollu, li tibdlu f’oġġett jew komodità li tiġġenera l-profitt. Fl-aħħar enċiklika, “Fratelli Tutti”, ridt nispeċifika li s-suq ma jsolvix kollox anke jekk il-kultura tal-lum tidher li tridna nemmnu akkost ta’ kollox f’din id-dogma tal-fidi neoliberali. Dan jiġri meta l-valur ekonomiku jiddetta l-liġi, fl-isport bħal f’ħafna setturi oħra ta’ ħajjitna,  il-qligħ faċli jirriskja li jmewwwet il-passjoni li tkun biddlet kull tifel f’eżempju. Personalment nemmen li daqsxejn "ġuħ" fil-but huwa s-sigriet biex qatt ma tħossok sodisfatt, biex iżżomm dik il-passjoni ħajja li, bħala tfal, tkun affaxxinatna. Huwa ta ’niket li naraw rebbieħa sinjuri ħafna imma bla edda ħajra, kważi burokratiċi tal-isport tagħhom: nagħmlu minn kollox biex nassiguraw li d-dimensjoni tad-dilettanti tal-isport tiġi salvata. Intenni li mhux kollox huwa solvut bil-libertà tas-suq.”

 

Qatt ħsibt dwar enċiklika fuq l-isport?

 “Ngħidlek id-dritt: le, imma, per eżempju, ħafna elementi jistgħu jinstabu fl-enċiklika “Fratelli Tutti”. Pereżempju, il-kapitlu ħames joffri ideat biex bniedem jirrifletti fuq id-dinja ekonomika imponenti li ddur madwar l-isport u jissuġġerixxi wkoll kif l-isport jista’ jgħin jew għallinqas jista’ jagħti l-kontribut tiegħu stess għall-globalizzazzjoni tad-drittijiet. Imma forsi anke din il-konversazzjoni tagħna tista’ tissejjaħ bħala t-tnedija ta’ enċiklika dwar l-isports. Naraw x’jissuġġerixxi l-Mulej fil-kumplament tal-pontifikat! Ħaġa waħdadiġà nistgħu naqsmuha. Kull erba’ snin isiru l-Olimpjadi, bil-liġijiet olimpiċi tagħhom. L-Olimpjadi jistgħu jkunu bħala xempju għal kulħadd: il-persuna hija fiċ-ċentru, il-bniedem li qed jistinka għall-iżvilupp tiegħu, id-difiża tad-dinjità ta’ kwalunkwe persuna. U l-isbaħ parti: jikkontribwixxi għall-kostruzzjoni ta’ dinja aħjar, mingħajr gwerer u tensjonijiet, billi jeduka liż-żgħażagħ permezz ta’ sport prattikat mingħajr diskriminazzjoni ta’ xejn, fi spirtu ta' ħbiberija u lealtà.” Kollox ġie miktub: ejjew ngħixuh!”

 

Il-qaddis huwa ċ-champion tal-fidi. Il-qaddisin, bħala champions, ma jitwieldux imma jsiru. X’inhu s-sigriet biex tikkompeti fil-kampjonat tal-qdusija?

 “Nibqgħu nitkellmu bil-lingwaġġ sportiv kif qed tissuġġerixxi int f'din it-taħdita. Għalija s-sigriet li tkun tixtieq u li tgħix il-qdusija huwa li tinvolvi ruħek. Fil-fatt, x’jagħmel plejer meta jkun imsejjaħ għal xi logħba jew atleta qabel ma jipparteċipa għall-kompetizzjoni? Jiħarreġ, jitħarreġ u jerġa’ jitħarreġ. Lil kull wieħed minna Alla tah għalqa, biċċa art li fiha jista’ jilgħab matul ħajtu: .mingħajr taħriġ, madankollu, anke l-aktar talent jaqla; daqqa ta’ ħarta jgħidu. U anke jien bħala Papa jrid dejjem nitħarreġ u nistaqsi lil Alla kuljum: “Xi tridni nagħmel, xi trid b’ħajti?” Nistaqsi lil Ġesù, billi niffaċċjah qisu l-kowċ. U jekk tagħmel xi żelqa, tibża xejn: ħdejk hemm min hu lest biex iqajmek lura fuq saqajk. Iżda tibżax tqum.”

 

Michael Jordan, wieħed mill-aqwa plejers tal-basketball ta’ kull żmien, qal li "jekk taqta’ qalbek darba, isir drawwa. Qatt taqta’ qalbek." Santità: kif tista’ ma taqta’ qalbek qatt?

 “Irrid inkun naf li jien nilgħab f’tim fejn il-Kaptan għandu d-dritt li jkollu l-aħħar kelma: nitlob biex inkun nista’ nifhem u nattwa l-kliem li hu jissuġġerili bl-aħjar mod possibbli, biex noffrihom lill-poplu .Fuq kollox, il-poplu huwa sejħa, stedina, biex toħroġ mill-iżolament u hekk kif tavvanza, tagħti ħajja lit-territorju li jkollok. JIen inżomm il-foqra viċin tiegħi: meta tasal il-lejla, naħseb fil-foqra kollha li jorqdu madwar il-Kolonat ta’ Pjazza San Pietru: il-qawwa tagħhom hija l-ispirazzjoni tiegħi, il-preżenza tagħhom hija l-protezzjoni tiegħi. Naħseb fihom u qatt ma nħossni waħdi: ġewwa dak il-laħam fraġli u midrub, Alla jaħbi lilu nnifsu, tabilħaqq juri ruħu, biex jissuġġerilni l-iskema tal-logħba rebbieħa. U nafdah: hu qatt ma naqta’ qalbi, lanqas quddiem il-fraġilità tiegħi.”

 

 Din hija l-ewwel ħarġa ta’ dan il-ġurnal għall-2021. X’inhi x-xewqa tal-Papa Franġisku għall-umanità fil-bidu tas-sena?

 “Ix-xewqa tiegħi hija sempliċi ħafna, nikkwota l-kliem li hemm fuq flokk li kienu tawni: “Aħjar telfa nadifa minn rebħa maħmuġa.” Huwa l-isbaħ mod kif tilgħab ħajtek b’rasek mgħollija. Jalla Alla jagħtina ġranet qaddisa. Itlob għalija, jekk jogħġbok: biex ma nieqafx nitħarreġ ma’ Alla!”

 

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' XK - Xandar il-Kelma - Marzu 2021

 

 


 

sabato 4 luglio 2015

Bla sabar ta’ xejn

Fis-snin li kont ngħix l-Italja kont ninnota li meta kien ikun qiegħed joqrob tmiem is-sajf, mal-ewwel żiffa ħafifa li kienet tinqala’, bosta kienu joħorġu bix-xalla mdawra ma’ għonqhom u jitfgħu ħwejjeġ itqal fuqhom. Issa li qiegħed Malta ninnota li mal-ewwel jum li t-temperatura togħla bi grad, ikun hemm min iqaċċat ħwejġu minn fuqu. Tabilħaqq żewġ estremi. Tassew li fid-dinja donnu ma fadalx mezzutemp u donnhom li l-istaġuni ma għadhomx erbgħa imma saru tnejn, jum inkunu liebsa l-flokkijiet bil-kmiem twal, l-għada nilbsu t-T shirt. Sirna ngħaġġlu żżejjed jew ma sar għandna sabar ta’ xejn? Qegħdin ninsew li kollox għandu ħinu u kollox għandu waqtu? Qagħadt naħseb ftit u ndunajt li mhux biss fl-ilbies ma nistennewx, imma f’ kull ħaġa li sirna nagħmlu.

Kabbarna t-tfal bil-għaġla
Niftakar fi ċkuniti konna nsibu ċans biex imorru l-iskola, immorru l-Museum, nilgħabu barra, u min kien irid kien isib ukoll ħin jistudja. Illum titkellem mal-ġenituri u jgħidulek li uliedhom ma għandhom ħin ta’ xejn. Tipprova tara x’ differenza hemm bejn il-ħajja tal-ulied tal-lum u l-ħajja li konna ngħixu aħna meta konna ta’ mparhom.


Jibdew isemmulek elf impenn li għandhom uliedhom illum, sports, żfin, arti marzjali, kant, scouts, privat, duttrina u ma nafx kemm-il attività oħra. Aħna konna nilgħabu, min kien dilettant kien imur jitrenja l-futbol, konna mmorru l-iscouts, imma konna nagħmlu kollox f’ ħinu f’ waqtu. Ħaġa wara ħaġa mhux kollox  f’ salt. Ma konniex naqbdu mitt tarf imma wieħed biss u nibqgħu fih. Illum le, illum it-tfal għandhom xogħol aktar milli jifilħu. Illum ingorru għax it-tfal ma fadlilhomx ħin ħieles, imma t-tort ta’ min hu, tagħhom jew ta’ min jokkupalhom kull minuta ħielsa li jkollhom? Agħar minn hekk huwa l-każ ta’ meta lill-uliedna ngħabbuhom b’ attività li nkunu għażilna aħna li għandha mnejn ma tkunx togħġob lit-tfal. Bosta drabi dan isir għax it-tifel jew it-tifla tal-ġara tagħmel dik l-attività, jew għax il-kuġin jew kuġina tattendi fit-tali post u nkunu rridu li uliedna jagħmlu bħalhom. Kabbarna t-tfal malajr u biex għamilna hekk kellna nisirqulhom tfulithom.

Ngħalqu l-Museum
Wieħed missier kien qiegħed jitkellem miegħi u qalli li binti ta’ xi 12-il sena dejjem għaddejja, skola, privat, Museum, banda, sports u ma nafx x’ semma’ aktar. Qalli li jkun aħjar kieku ma tmurx aktar il-Museum u t-tagħlim għall-Griżma tal-Isqof li dalwaqt sejra tagħmel, isir waqt il-lezzjoni tar-reliġjon fl-iskola. Mela ħin għall-Museum ma għandiex din it-tifla imma għall-banda kollox sew. Ma kienx ikun aħjar kieku dan il-missier stenna li bintu tagħmel il-Griżma tal-Isqof u wara tibda titgħallem il-banda? Għandi raġun ngħid li ma għandna sabar ta’ xejn? Lil dan il-ħabib staqsejtu x’ nagħmlu bil-Museum allura u weġibni li jekk ikun hemm bżonn jagħlqu! Kont sejjer nistaqsih għaliex għandhom jagħlqu l-oqsma tal-Museum u mhux il-każini tal-Banda, imma għalaqt ħalqi.

Minix kontra l-każini tal-Banda u min jafni jista’ jikkonferma dan, imma li nagħtihom importanza żejda huwa ħażin.  Nemmen li tfal taħt l-14-il sena posthom il-Museum u mhux f’ każin tal-Banda, f’ konkorsi ta’ kant, konkorsi ta’ sbuħija, sfilati ta’ moda.  Ladarba jikbru ftit ieħor ikunu jistgħu jibdew xi waħda minn dawn l-attivitajiet u jkollhom età biżżejjed biex jiddeċiedu huma liema attività jkunu jixtiequ jsegwu.

Dak li għandek tirgħan biegħu
Dan il-qawl antik Malti jrid jgħidilna li dak li għandek tagħmel fittex għamlu, imma ma rridux ninsew qawl ieħor Malti li forsi iktar magħruf: il-qattusa għaġġelija, frieħ għomja tagħmel. Meta nitkellem ma’ żgħażagħ, ma’ koppji li għadhom għarajjes dejjem insemmilhom dan il-qawl tal-qattusa. Ħafna minnhom jifhmuh mill-ewwel. It-tendenza bejn il-koppji saret ukoll bla sabar ta’ xejn, dak li jmissni nagħmel għada, nagħmlu llum bla ma noqgħod nistenna.

Ftakart f’ każ ta’ ħabib tiegħi. Kienet il-Ġimgħa l-Kbira u dan it-tali ltaqa’ ma’ ħabib tiegħu li kien Malta għall-btala. Ħadu grokk għax kienu ilhom snin kbar ma jiltaqgħu, u grokk iġib lill-ieħor  u tistgħu taħsu x’ ġara! Addio l-qdusija ta’ dak il-jum. X ħin rajt lil dan il-ħabib  qalli: “Jien xrobt bil-lest għal Nhar il-Ħadd!”

Kollox f’ ħin u f’ waqtu. L-għaġla żejda, f’ kollox ħażin. Is-sabar jista’ jiskansana milli niżbaljaw, irridu biss inkunu nafu nistennew.


Fr Renò Muscat

Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon - 4 ta' Lulju 2015