Visualizzazione post con etichetta qaddisin. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta qaddisin. Mostra tutti i post

venerdì 20 maggio 2022

Taqbiliet tfulitna

 

Spiss niltaqa’ ma xi persuni tampari u ħafna drabi l-kliem tagħna jaqa’ fuq id-differenzi li hemm bejn it-tfulija tagħna u dik tat-tfal tal-lum. Nifhmu li l-ħajja nbidlet għal kollox u dak li għandhom it-tfal tal-lum lanqas qatt ma konna noħolmu bih aħna, it-tfal ta’ nofs seklu ilu. Biss ikollna ngħidu wkoll li dak li kellna aħna, it-tfal tal-lum ġew imċaħħdin minnu. Fejn hu dak iż-żmien li konna niġġerrew u nilgħabu barra t-triq bla ebda biża’ li se nittajru minn xi karozza? Fejn huma dawk il-fetħiet kbar ta’ għelieqi qrib djarna? Illum hawn aktar kumditajiet, it-tfal għandhom aktar biex jilgħabu imma l-logħob tagħhom sar mekkanizzat jew aħjar elettroniku. Frott ta’ din il-bidla hija wkoll in-nuqqas ta’ komunikazzjoni bejniethom. Mhux bħalna li konna naraw x’nivvintaw biex nilgħabu.

Taqbiliet

Minbarra l-logħob, dawk tampari kellna ħafna taqbiliet li konna nafuhom ilkoll kemm aħna bl-amment. Taqbiliet qosra li ladarba titgħallimhom tibqa’ tiftakarhom ħajtek kollha. Forsi dak li jkun jinsa xi biċċa imma kemm-il darba xi ħadd ifakkarhielu jerġa’ jiftakarha daqs li kieku għadu kif tgħallimha llum. Ħa nfakkarkom f’xi wħud minnhom!

Għada ma mmurx skola,

għax il-festa tas-Signora,

nitilgħu fuq il-bejt

u nwaddbulha flixkun żejt.

 

Is-signora ma hija ħadd għajr il-kap tal-iskola tal-bniet jew dik li llum isejħulha head teacher. Ma nafx għalfejn konna ngħidu hekk imma din hi waħda mill-aktar taqbiliet popolari li konna ngħidu aħna. Taqbila oħra li konna nafuha lkoll kienet titratta lil ċertu tifel bl-isem ta’ Toninu.

Waqt li Toninu, kien qiegħed jaqra,

b’qattus maġenbu u kelb daqs naqra

Daħlet in-nanna, inkiss inkiss

U tatu bewsa, kif kien imiss.

 

Taqbiliet bla ebda kumplikazzjonijiet ta’ xejn u kultant forsi bla ebda tifsira wkoll. Biss ikollna nammettu li lkoll konna nafuhom,inħobbuhom u ngħiduhom ta’ spiss.

Marbuta mal-fidi

Il-fidi tagħna, il-Knisja u l-qaddisin, qabel kellhom ħafna aktar post importanti fil-ħajja tagħna. Għalhekk ma jistax jonqos li konna nafu xi taqbiliet li kelhom b’xi mod rabta mal-fidi. Bħal din pereżempju:

X’xorti kellha dik Sant’Anna, il-Bambin jgħidilha Nanna,

X’xorti kellu San Ġwakkin, Nannu jgħidlu il-Bambin.

 

Il-festi tagħna wkoll kellhom importanza fil-kalendarju ta’ tfulitna. Mhux biss għax il-festa tar-raħal kienet tfisser tibdila ġdida, bosta drabi meħjuta minn ommijiietna stess, xi zija jew xi ħajjata ġara tad-dar tagħna. Mhux biss għax fil-ġimgħa tal-festa kien ikollna xi ftit ċenteżmi aktar fil-but biex nixtru dak il-famuż hot dog; bezzun imsaħħan fil-fwar b’zalzetta fih u b’kuċċarina fażola biz-zalza tal-bott fuq kollox. Il-festi tagħna kellhom ukoll post fit-taqbiliet tagħna, bħal din:

Santa Marija l-Mosta

Il-Vitorja in-Naxxar

Santa Liena Birkirkara

U tal-Grazzja Ħaż-Żabbar.

 

Jien bħala tifel minn Ħal Qormi niftakarni ngħidu taqbila biex ninku liż-żewġ irħula ġirien tagħna, Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi.

San Filep kemm hu iswed,

San Nikola kemm hu xiħ

Eviva Ġorġi tagħna

Kemm hu aħmar u sabiħ!

 

Mur għidilna ta’ tfal li konna li kemm l-istatwa ta’ San Filep kif ukoll dik ta’ San Nikola huma żewġ opri tal-arti mill-aqwa li għandna f’pajjiżna. Imma meta tkun żgħir dawn id-dettalji la tagħti każ tagħhom u lanqas biss taħseb dwarhom. Illum nifhmuha mod ieħor.

Fil-festi kont, u biex ngħidu d-dritt għadek tisma’ quddiem il-vara tal-qaddis jew qaddisa ċerti taqbiliet popolari bħal din:

Kollok deheb kollok djamanti, issa żgur ma jonqsok xejn.

Jonqsok biss it-talb ta’ qalbna u ċ-ċapċip minn tal-idejn.

 

Mal-logħob

Kif semmejt aktar qabel, il-logħob tagħna kien ikun spiss barra l-ħitan ta’ djarna u meta konna niltaqgħu ċorma tfal, kollha mill-istess triq, konna nilagħbu logħob li fih ukoll xi taqbiliet. Bħal ngħidu aħna din:

Pizzi, pizzi kanna, Dolores ta’ Sant’Anna,

Sant’Anna tal-morini, pizzi pizzi pellegrini,

 magħref tal-fidda, bandiera tal-ħarir,

 galletta mxarrba fl-ilma ħażin.

 

Kien hawn verżjonijiet oħra ta’ din it-taqbila imma jiena hawnhekk ġibt dik li konna ngħidu aħna. Il-logħba Pizzi Pizzi Kanna kienet issir fuq is-swaba tat-tfal. Taqbila oħra marbuta ma’ logħba kienet tinvolvi aktar moviment kienet din:

Bum bum il-bieb, onġi onġi onġella.

Bum bum il-bieb, onġijo kavallier.

Min ġie, min ġie, min ġie? Onġi onġi onġella.

Min ġie, min ġie, min ġie? Onġijo kavallier.

 

Din kienet taqbila ħafna itwal minn hekk, jien ktibtilkom biss l-ewwel ftit versi, biss żgur li hawn ħafna minnkom li jafu jkompluha sa tmiemha.

Nistqarr magħkom li dawn it-taqbiliet ġabuli ħafna u ħafna nostalġija, nostalġija ta’ tfuliti, nostalġija għal dak iż-żmien li tar li kif jgħidlu l-poeta  Ġan Anton Vassallo: “O żmien ħelu, kif għaddejtli, żmien ta' meta kont bla ħtija. It-tifkira biss ħallejtli biex il-għira nħoss għalik, int ma terġa’ iżjed għalija, u sal-mewt indum nibkik.”

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 21 ta' Mejju 2022




giovedì 2 marzo 2017

Il-qaddisin fuq fommna

Sfortunatament fostna l-Maltin hawn il-vizzju ikrah tad-dagħa. Insemmu l-isem ta’ Alla, tal-Madonna jew tal-qaddisin mhux b’ mod xieraq. Ma jien qed ngħid xejn ġdid, dan mhux xi sigriet! Iżda l-qaddisin aħna nsemmuhom ukoll fil-kliem ta’ bejnietna. Għandna rħula msemmijin għall-qaddisin, djar, toroq u waqfiet tal-karozzi tal-linja. Għandna espressjonijiet, idjomi u qwiel li ndaħħlu l-qaddisin fihom.

Santa Luċija għandha raħal f’ Malta u ieħor f’ Għawdex li jġibu isimha. Il-festa ta’ din il-qaddisa taħbat fit-13 ta’ Diċembru. Missirijietna kienu jibdew iżommu l-irwiegel f’ dan il-jum  għax dan huwa sewwasew 12-il jum qabel il-Milied. San Ġorġ għandu żewġ bajjiet, waħda f’ Birżebbuġa u oħra f’ San Ġiljan, raħal ieħor li hu msemmi għal qaddis. U la qed insemmu l-postijiet Maltin, insemmu li post mill-aktar imfittex għall-villeġġjatura huwa San Pawl, il-Baħar. Il-villaġġ li fl-antik kien jissejjaħ Imsieraħ, illum kulħadd jafu b’ San Ġwann. Santa Venera u San Lawrenz huma żewġ postijiet oħra b’isem il-qaddisin patruni tagħom. Tal-Pietà huwa sewwasew it-titlu tal-Madonna tad-Duluri. Fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta nsibu l-bajja ta’ San Tumas u St Peter’s Pool filwaqt li n-naħa tas-Siġġiewi nsibu Għar Lapsi. Fil-gżira ta’ Kemmuna għandna l-bajja ta’ San Niklaw u dik ta’ Santa Marija. F’ Għawdex insibu l-Bajja ta’ San Blas u dik ta’ San Filippu in-naħa ta’ Daħlet Qorrot.

Bosta qatgħet fil-kampanja, fi  bliet jew irħula Maltin ukoll issemmew għal xi qaddis bħalma huma San Martin limiti tal-Imġarr u San Pawl il-Baħar. Ġebel San Martin fiż-Żejtun. Fuq San Pawl u Santa Margerita Bormla kif ukoll Santa Margerita fil-Mosta.  Bormla nsibu ż-żona magħrufa bħala San Ġwann t’ Għuxa. Fil-Qrendi nsibu n-naħa ta’ San Niklaw u San Mattew tal-Maqluba filwaqt li fis-Siġġiewi niltaqgħu ma’ San Lawrenz tas-Salib. Fin-Naxxar għandna lil San Pawl tat-Tarġa, filwaqt li fil-Mosta hemm San Ġużepp tat-Tarġa. In-Naxxarin l-aqwa għax għandhom it-telgħa ta’ Alla u Ommu! Ħ’ Attard insibu ’l San Anton filwaqt li fil-Mellieħa għandna Santa Marija estate. Parti mir-Rabat ta’ Malta tissejjaħ Il-Kunċizzjoni filwaqt li parti minn Ħal Qormi hija magħrufa bħala l-Vitorja. Ir-Rabat għandu wkoll il-Lunzjata u Santa Katarina (tad-daħla) Ġewwa Ħaż-Żabbar u fl-Għarb Għawdex hemm iż-żoni magħrufa bħala San Pietru filwaqt li ’l ġewwa minn Kerċem insibu l-għadira ta’ San Rafflu. Kerċem ukoll għandu l-wied tal-Lunzjata. F’ Ħaż-Żebbuġ għandna lil San Blas, l-Isla fejn San Filippu u Raħal Ġdid ħdejn Santa Ubaldeska. Hemm oħrajn żgur!

Ejjew naraw xi qwiel li jsemmu lill-qaddisin: Meta tiġi l-Gandlora (2 ta’ Frar), it-temp jitlaq u jvora (jinbidel). Nhar San Pawl (10 ta’ Frar) it-temp iqalleb seba’ darbiet.  Ix-xita ta’ San Ġorġ (23 ta’ April)megħuda (kelma li tfisser imwiegħda). Ix-xita f’San Mark (25 ta’ April) nar fl-art, jew inkella; Wara San  Mark, min jitlob ix-xita jkun jixtieq in-nar fl-art. Għal San Mattija (14 ta’ Mejju), il-jum jagħmel pass ta’ tarbija. Qabel il-ħġejjeġ (San Ġwann, 24  ta’ Ġunju) tbiddilx ħwejjeġ, u hawn min jgħid; Qabel jiġi San Ġwann tneħħix is-suf minn fuqek. Ix-xita għal Sant’Anna (26 ta’ Lulju) bikrija. San Bartilmew (24 ta’ Awwissu) għandu il-muftieħ tax-xita. Għal San Mikiel (29 ta’ Settembru)lesti l-gandlier. Is-sajf ta’ San Martin (11 ta’ Novembru), il-biedja tifraħ bih. Sant’Andrija (30 ta’ Novembru), il-jiem jiqsaru pass ta’ tarbija. Nhar Santa Luċija (13 ta’ Diċembru) l-jum jitwal pass ta’ tarbija. Jekk taqa’ n-nida lejlet Santa Luċija l-qoton jitrabba bla tbatija. Sal-Milied la bard u lanqas ksieħ.  Dawn huma kollha qwiel li għandhom x’ jaqsmu maż-żmien tas-sena u t-temp. Hemm qwiel oħrajn li jsemmu l-qaddisin.

Għandna wkoll xi idjomi li fihom indaħħlu lill-qaddisin: Mill-Milied sa San Stiefnu (26 ta’ Diċembru) ngħiduha għal xi ħaġa li ma ddumx wisq. Il-Flus ta’ Santa Liena hawn min jirreferi għalihom għal dawk il-flus li ma jaslu qatt. Meta wieħed imur xi mkien bil-mixi jgħid li mar B’ ta’ San Franġisk u hawn min jgħidlek li fid-dinja trid  Paċenzja ta’ Ġobb. U meta titlef din il-paċenzja ngħidu li tela’ San Filep. Ma nafx liema San Filep hu, hux l-Appostlu, ta’ Agira, Filippu Neri jew xi Filippu ieħor mill-ħafna li hemm b’ dan l-isem!

Qiegħed niftakar li l-bużnanna tiegħi ma kinitx taf l-ismijiet tax-xhur. Għalxejn kont tgħidilha li twelidt fit-tali xahar għax ma kinitx tifhmek. Ix-xhur għaliha kienu marbutin mal-qaddisin. Għaliha Jannar kien ix-xahar tal-Istrina u Frar ta’ San Pawl. Marzu ta’ San Ġużepp u billi hi kienet Qormija, April għaliha kien ix-xahar ta’ San Ġorġ. Mejju kienet issejjaħlu tal-Madonna, Ġunju tal-Qalb ta’ Ġesù. Lulju għall-bużnanna kellu żewġ ismijiet, jew ta’ Sant’ Anna imma aktar kienet issejjaħlu tal-Karmnu. Awwissu ta’ Santa Marija, Settembru tal-Vitorja u Ottubru tar-Rużarju. Ma jistax jonqos li Novembru kienet issejjaħlu tal-Erwieħ kif bosta għadhom isejħulu sal-lum u Diċembru tal-Milied. Kollox kien marbut mal-qaddisin għall-bużnanna tiegħi u għal dawk kollha bħalha li d-dinja tagħhom kienet tibda mill-bank tal-kċina tad-dar u tispiċċa sas-siġġu tal-knisja.

X’ dawra dorna mal-qaddisin u l-użu ta’ isimhom. Min  jaf kemm-il darba insemmuhom bla ma nindunaw li qed insemmu qaddis jew qaddisa!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' Dawl Franġiskan ta' Marzu 2017




domenica 10 febbraio 2013

F’ ġieħ il-qaddisin


Minn kemm ilhom li l-waqfiet tal-karozza tal-linja ingħataw l-isem, ngħid għalija dawra b’ tal-linja saret aktar interessanti. Xi wħud mill-ismijiet iġegħluk taħseb dwar minn fejn ġew, x’ kien il-bidu tagħhom, għalfejn dik il-waqfa tissejjaħ hekk. Xi ismijiet huma faċli tinduna għalfejn issemmew hekk, per eżempju “Telgħa” hija waqfa fit-triq tar-Rabat li hija tassew triq għat-telgħa, imma l-waqfa ta’ ħdejn “Telgħa” hija “Qanpiena”. Din tal-aħħar għadni sal-lum ma nafx għalfejn tissejjaħ hekk. Żgur li hemm raġuni wara dan l-isem.
Ħaġa li laqtitni f’ dawn l-ismijiet huwa li numru minnhom għandhom isem ta’ bniedem. Lieni, Ġużepp, Ġwakkin, Ġorġ, Bastjan, Gaetano, Pawlu, Geraldu u bosta oħrajn. Fil-fatt dawn kollha għandhom x’ jaqsmu ma’ postijiet li jġibu isem ta’ qaddisin. Bla ma ridt ġiet f’moħħi r-rabta kbira li għandna aħna l-Maltin mal-qaddisin. Biżżejjed niftakru li kull raħal jew belt kull sena għandha appuntament li ma jonqos qatt: il-festa tal-qaddis patrun jew patruna tagħha, anzi hemm irħula li fihom aktar minn parroċċa waħda u għalhekk fihom isiru aktar festi. U fejn ma hemmx it-tieni jew it-tielet parroċċa insibu każi fejn mill-parroċċa stess issir il-festa sekondarja. Kollox marbut mal-qaddisin.

Għandna wkoll irħula li isimhom huwa propju ta’ xi qaddis: San Ġwann, San Ġiljan, Santa Luċija, Santa Venera, San Pawl, San lawrenz. San Ġorġ għandu żewġ bajjiet u San Tumas għandu waħda wkoll. In-naħa ta’ Birżebbuġa għandna wkoll Saint Peter’s pool. Barra minn hekk bosta rħula għandhom partiijet minnhom magħrufin man-nies tal-post b’ isem ta’ qaddisin.  Ħal Qormi maqsum bejn San Ġorġ u San Bastjan. Mhux biss imma hemm u il-Vitorja kif ukoll l-erba’ qaddisin. L-isla hemm fejn San Filippu, Bormla fuq SanPawl u Santa Liena. Raħal Ġdid hemm parti msejħa Santa Ubaldeska, Ħaż Żebbuġ għandna lil San Blas, u nsomma nistgħu nibqgħu nżidu.

Niftakar li l-bużnanna tiegħi ma kienitx taf l-ismijiet tax-xhur. Għalxejn kont tgħidilha li twelidt fit-tali xahar għax ma kienetx tifhmek. Ix-xhur għaliha kienu marbutin mal-qaddisin. Għaliha Jannar kien ix-xahar tal-Istrina u Frar ta’ San Pawl. Marzu ta’ San Ġużepp u billi hi kienet Qormija (dok) April għaliha kien ix-xahar ta’ San Ġorġ. Mejju kienet issejjaħlu tal-Madonna, Ġunju tal-Qalb ta’ Ġesù. Lulju għall-bużnanna kellu żewġ ismijiet, jew ta’ Sant’ Anna imma aktar kienet issejjaħlu tal-Karmnu. Awwissu ta’ Santa Marija, Settembru tal-Vitorja u Ottubru tar-Rużarju. Ma jistax jonqos li Novembru kienet issejjaħlu tal-Erwieħ kif bosta għadhom isejħulu sal-lum u Diċembru tal-Milied. Kollox kien marbut mal-qaddisin għall-bużnanna tiegħi u għal dawk kollha bħalha li d-dinja tagħhom kienet tibda mill-bank tal-kċina tad-dar u tispiċċa sas-siġġu tal-knisja. Minbarra li x-xhur kienu marbuta mal-qaddisin anke l-jiem tal-ġimgħa kellhom qaddis jew qaddisa abinat magħhom. Ma niftakarx kollox imma niftakar li l-Ħadd huwa ta’ Alla, it-Tlieta ta’ San Duminku u l-Ħamis ta’ Santa Rita. Il-Ġimgħa tad-Duluri u s-sibt tal-Erwieħ.


Il-ħajja tal-Maltin kienet marbuta mal-ħajja tal-Knisja. Is-sena tal-kalendarju ftit li xejn kienet taffettwa lil Ċikku l-Poplu għax ħajtu kienet tinbena mas-sena liturġika: Avvent, Milied, Randan, Għid, il-festa tal-patrun u l-kumplament. Jingħad li l-qbiela tar-raba kien jitħallas nhar Santa Marija, fil-15 ta’ Awwissu allura dak li jkun ma kellux għalfejn jiftakar ix-xahar u l-jum, basta jiftakar fil-qaddisa u jiftakar li jkun imissu jħallas il-qbiela. Bħal dal-każ tal-qbiela hemm bosta każi oħrajn fejn il-festa ta’ qaddis partikolari kienet timmarka avveniment jew punt fil-ħajja ta’ dak li jkun.

Dan ma jfissirx li l-Maltin ta’ dari kienu kollha qaddisin imma juri r-rabta ta’ bejn is-soċjeta u l-Knisja. Illum bis-sekulariżmu tlifna ħafna minn dan il-patrimonju. Imma ma tlifniex kollox. Hemm xi qwiel jew idjomi Maltin li għadna nużaw li fihom jissemmew il-qaddisin. Waqt li kont fuq tal-linja naħseb fuq dak li qed nikteb illum smajt wieħed iġorr li se jdum ma jasal għax il-karozza damet iddur. Huwa qal li kien jaqbillu jmur b’ ta’ San Franġisk (jiġifieri bil-mixi). Veru trid paċenzja ta’ Ġobb! (dan ukoll qaddis). Ara aħjar nieqaf hawn li ma jmurx f’ ġieħ il-qaddisin, xi ħadd b’dak li qed ngħid jitlagħlu San Filep!

Fr Reno Muscat OP
In-Nazzjon 7 ta' Frar 2013