Visualizzazione post con etichetta iraq. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta iraq. Mostra tutti i post

sabato 9 maggio 2015

Minkejja t-terrur u l-biża’ xorta baqgħu joqgħodu fl-Iraq

Minkejja li l-qagħda ġewwa l-Iraq ma hija xejn stabbli, minkejja li bosta entitajiet wissew biex dak li jkun iħalli dan il-pajjiż kemm jista’ jkun malajr, xorta hemm min għażel li jibqa’ jgħix f’ nofs it-terrur u l-biża’ li ħakkmu lill-Iraq dawn l-aħħar xhur.

Xhieda
“Matul il-lejl ġieli nisimgħu l-isparar, imma b’ xorti tajba qatt ma kien hemm ġlied qalil qrib id-dar tagħna.” Qal wieħed saċerdot li baqa’ jgħix ġewwa r-raħal ta’ Alqosh li jinsab madwar 12-il kilometru bogħod minn fejn l-armata Kurda qegħda tikkumbati lill-ISIS. Dan is-saċerdot huwa mir-raħal ta’ Batnaya u kien l-aħħar wieħed li ħalla dan ir-raħal qabel waslu fih il-Jiħadisti. Minn meta l-ISIS beda l-attakki fuq l-Iraq, għexieren ta’ qassisin u reliġjużi spiċċaw bla saqaf fuq rashom u kellhom jaħarbu. Dawn tilfu mhux biss darhom ,imma l-kunventi tagħhom, l-iskejjel u d-djar tat-tfal li kellhom – tilfu dak li kienu bnew b’ tant tbatija matul is-snin.

Sor Suhama, soru Dumnikana qalet li huma tilfu 23 dar u kunvent. “Fil-kunvent ta’ Qaraqosh konna 26 soru biss biss. Konna komunità sabiħa u kellna ħafna xogħol. Kellna nitilqu u ġejna ngħixu hawnhekk, qrib Erbil il-belt kapitali tal-Kurdistan. Bosta minna għadna noħolmu li xi darba nerġgħu lura lejn Qaraqosh.” Waqt li Sor Suhama kienet qegħda tirrakkonta, soru oħra kienet qegħda tisma’. Ħin bla waqt infexxet tibki u qaltlina: “Minn kemm ilna li ħallejna Qaraqosh, mietu 14-il soru – imma aħna nibqgħu hawn, qalulna bosta drabi biex inħallu l-Iraq, imma n-nies għandha bżonn il-Knisja, għandha bżonna.”

Sor Suhama qalet li huma obbligati jibqgħu man-nies u jekk l-Insara kollha jħallu l-Iraq, is-saċerdoti u s-sorijiet żgur li jkunu l-aħħar nies li jagħmlu dan. Madanakollu hija ma temminx li xi darba għad jispiċċaw l-Insara kollha mill-Iraq.

Sitwazzjoni attwali
Dawk li kellhom jaħarbu minn darhom, fosthom is-sorijiet, issa qegħdin jgħixu f’ caravans. Kull caravan fiha żewġt ikmamar u kamra tal-banju waħda. Sitwazzjoni bħal din minbarra li ma hija xejn pjaċevoli, qegħda ġġib bosta ġlied u nkwiet bejn il-familji li joqgħodu fl-istess caravan u ma’ oħrajn. Hemm madwar 800 familja jgħixu ’l barra minn Erbil. L-irġiel tilfu xogħolhom u għalhekk il-problemi komplew jiżdiedu anke fil-familji. Bosta drabi l-vittmi ta’ dan l-inkwiet fil-familji jkunu t-tfal li ma jafux jiddefendu ruħhom.

Qrib din iż-żona ta’ caravans hemm subborg bl-isem ta’ Kazanzan fejn hemm 3 sorijiet li jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jgħollu l-moral tal-Insara fil-post. Organizzaw kindergarten u fi żmien l-Għid li għadda mexxew il-liturġija minħabba n-nuqqas ta’ preżenza ta’ saċerdot.

Seminaristi
Bosta saċerdoti u seminaristi wkoll kienu mġegħlin mill-ISIS biex jaħarbu minn djarhom u dawn sabu kenn fi djar privati. “L-ISIS mhux talli waqqfuna mill-mixja tagħna, imma komplew isaħħulna l-vokazzjoni” qal Randi, seminaristi li kien jistudja fis-seminarju ta’  Erbil. “Kien hawn min hu xxurtjat u rnexxielu jibqa’ ħaj. Dan juri li Alla huwa Alla tal-ħajja u li jieħu ħsiebna” temm jgħid dan is-seminarist Iraqqin. Martin, seminarist ieħor, li huwa diġa djaknu, qal li x-xewqa tiegħu hija li jiġi ordnat saċerdot, jaf li din ix-xewqa li għandu tista’ jdum xhur twal biex isseħħ, imma l-akbar xewqa tiegħu hija li jagħmel l-ewwel quddiesa tiegħu f’ raħal twelidu, Karamlish mhux bogħod wisq minn Qaraqosh. Huwa qal li postu huwa hemmhekk u ma jimmaġinax li jħalli l-Iraq, minkejja li ommu u missieru ħarbu u llum jinsabu ġewwa l-Istati Uniti. “Posti hawnhekk, irrid naqdi lill-poplu tiegħi” qal Martin.

Jistgħu jitilqu
Bosta minn dawn ir-reliġjużi, saċerdoti u seminaristi kienu offruti l-okkażjoni li jħalli l-Iraq u jmorru jgħixu f’ pajjiż fejn hemm aktar sigurtà. Iżda minkejja kollox huma jħossu li posthom huwa hemm, iħossu li għandhom missjoni kbira x’ jaqdu, iħossu li jridu jerġgħu jibnu pajjiżhom filwaqt li jiżguraw li l-Knisja fl-Iraq tibqa’ tgħix. Iridu jerġgħu jgħallmu lill-poplu li huwa possibbli l-Musulmani jgħixu flimkien mal-Insara fis-sliem, sewwasew kif kienu jgħixu qabel. Tassew li l-aħħar li tmut hija t-tama u Allaħares ma kienx hekk għax kieku l-qagħda ta’ dawn il-povri nies hija bil-wisq agħar milli hi llum. Tama ta’ ħajja aħjar, tama li jerġgħu lura lejn darhom, tama li għad jerġgħu jibdew jgħixu ħajja bla ġlied, bla ħsejjes ta’ sparar. Tamiet u xewqat li nisperaw li ma jdumux wisq ma jsiru realtà.


Fr Reno Muscat


Dan l-artiklu deher f' In-Nazzjon, 9 ta' Mejju 2015





sabato 9 agosto 2014

Straġi inutli

Wara mitt sena inbidlu x-xeni, inbidlu l-atturi imma d-dramm baqa’ l-istess!


Sewwasew mitt sena ilu bdiet l-ewwel gwerra dinjija, jew kif baqgħet magħrufa, il-gwerra l-kbira. U tabilħaqq din kienet gwerra kbira li mhux biss biddlet l-istrateġija tal-gwerra iżda l-effetti tagħha biddlu wkoll l-istorja tad-dinja. Il-Papa Benedettu XV, li kien magħżul kap tal-Knisja Kattolika ftit ġimgħat wara l-bidu ta’ din il-gwerra kien qal li l-gwerra hija qerda ta’ xejn, sejħilha “Straġi inutli”. U tabilħaqq kienet straġi għax madwar 17-il miljun ruħ, bejn militari u ċivili kienu tilfu ħajjithom għalxejn. Ngħid għalxejn għax ftit snin wara t-tmiem ta’ din il-gwerra faqqgħet oħra akbar u li ġabet qerda u straġi bla qjies.

Mitt sena wara
Illum meta nħarsu lura u l-gwerra l-kbira narawha bħala oġġett tal-istorja, bla ma rridu ngħaqqdu dak li seħħ mitt sena ilu ma’ dak li qiegħed iseħħ fid-dinja llum. Kemm tixrid ta’ demm, kemm imwiet ta’ militari u ta’ nies ċivili smajna bihom dawn l-aħħar jiem! Bla ma trid tasal biex tgħid li l-bniedem ma tgħallimx mill-istorja, mill-passat relattivament riċenti. Allura il-kliem tal-Papa Benedettu XV jgħodd mhux biss għal dak li ġara mitt sena ilu imma għadu jgħodd għal dak li qiegħed jiġri llum ukoll. Fl-aħħar mill-aħħar illum ukoll qegħdin nassistu għal straġi inutli oħra.

Inbidel it-teatru
Nistgħu ngħidu li llum qegħda tirrepeti ruħha l-istorja ta’ mitt sena ilu. Jekk nemmnu bħal William Shakespeare li d-dinja hija teatru, inkunu nistgħu ngħidu wkoll li llum l-istess dramm qiegħed jerġa’ jinħadem b’ xeni u b’ atturi differenti. Illum l-istraġi qegħdin narawha fl-Iraq, fil-Lvant Nofsani, fil-Libja. Ma nistgħux ngħidu li dawn huma pajjiżi mbegħda minna u ma jolqtuniex għax ix-xtut ta’ Iżrael, tal-Palestina u tal-Libja jixxarrbu bl-istess baħar li jxarrbu xtutna. Mela nistgħu ngħidu li fit-teatru ta’ dak li qed jiġri fid-dinja bħalissa aħna ninsabu fil-filliera ta’ quddiem nett. Aħna qegħdin insegwu d-dramm mill-qrib, anzi ma nistgħux inkunu eqreb!

Involuti direttament
Jekk l-ewwel gwerra involviet lill-poplu kollu, min direttament u min indirettament, it-taqbid u l-ġlied ta’ dawn l-aħħar ġimgħat jinvolvu lilna wkoll b’ xi mod jew ieħor. Kull meta nisma’ b’ dak li qiegħed jiġri fl-Iraq niftakar f’ żewġ sorijiet Iraqqini li spiss kont niltaqa’ magħhom meta kont nistudja Bologna. Kont inkellimhom bil-Malti u kienu jifhmu. Min jaf x’sar minnhom? Min jaf kienux marru lura pajjiżhom wara li temmew l-istudji tagħhom? Tgħid għadhom ħajjin? Tgħid daqu l-martirju?

Meta nisma’ l-aħbarijiet ta’ dak li jiġri fix-xatt tal-Punent niftakar f’ meta kont pellegrinaġġ fit-Terra Santa. Anna u Aron, żewġ ħaddiema tal-lukanda li kont fiha u li konna sirna ħbieb. Tgħid għadhom jaħdmu hemmhekk? Tgħid tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom fil-ġlidied bla għadd li kien hemm f’ dik in-naħa tad-dinja minn kemm ilni li iltqajt magħhom. Tgħid għadhom ħajjin huma stess? U min jaf x’ sar minn dawk it-tfal Palestinjani li kienu jiġu jiġru warajna biex ibiegħulna xi ħaġa kull darba li noħorġu mil-lukanda. Tgħid hemm minnhom li ħadu sehem fid-dramm imdemmi ta’ bejn il-Lhud u l-Palestinjani? Tgħid kemm hemm minnhom li llum jitqiesu bħala eroj minsija?

Il-każ tal-Libja jolqotna aktar mill-qrib għax minbarra li kienu involuti Maltin bħalna fl-aħbarijiet mondjali, dan huwa pajjiż ġar tagħna. Niftakar spiss fil-kollegi tiegħi, dawk li kont naħdem magħhom qabel ma dħalt fil-kunvent. Dawk li spiss konna naħdmu skrivanija ma’ skrivanija. Abdul, Muftaħ, Rais, Sami, Yusef. Tlift il-kuntatt magħhom, ma nafx x’sar minnhom. Tgħid kienu joħolmu li r-Rebbiegħa Għarbija ta’ ftit snin ilu kellha tkun waħda twila? Tgħid kienu protagonisti? Tgħid  …  …  nixtieq inlissen il-mistoqsija imma nħossha tqila wisq biex nistaqsiha għax dawn kienu sħabi tax-xogħol…  min jaf forsi llum ma għadhomx iżjed!

Xi straġi inutli, x’ telf!


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher fin-Nazzjon, 9 ta' Awwissu 2014