Visualizzazione post con etichetta san Remo. Mostra tutti i post
Visualizzazione post con etichetta san Remo. Mostra tutti i post

sabato 20 febbraio 2021

Bobby Solo – Grazzi lill-Madonna ta’ Lourdes li reġa’ għandi leħen biex inkanta

 

<<Kienet is-sena 1979 u minħabba mediċina li kont qed nieħu qtajt korda vokali. Skont it-tobba ma stajtx inkanta aktar. Iżda mort fil-grotta ta’ Massabielle u minn qalbi għidt lil Marija: “Jien spiċċajt, għinni”. Tliet xhur wara dħalt fil-festival ta’ Sanremo bil-kanzunetta Gelosia. Fejqan li ma jistax jiġi spjegat lanqas mill-ispeċjalisti. U kelli grazzi oħrajn ukoll…>>

Bobby Solo huwa ikona tal-mużika Taljana, kantant li biegħ miljuni ta’ diski madwar id-dinja kollha. F’aktar minn ħamsin sena ta’ karriera ħareġ seba’ u tletin album, rebaħ il-Festival ta’ San Remo darbtejn u ħa sehem f’ħames films. Dan il-kantant, li twieled Ruma fl-1945, qatt ma ħeba d-devozzjoni tiegħu lejn is-Sultana tas-Sema.

Inti studjat fi skola Kattolika?

<<Iva, f’Ruma kont immur l-iskola primarja fl-istitut Maria Confolonieri dei Parioli. Kont imqareb u niftakar l-għalliema kienet tirrabja ħafna miegħi. Kienet Sor Adelberta li spiss kienet tugżani lil ommi. Ta’ għaxar snin il-ġenituri tiegħi daħħluni fi skola tal-Gvern. Kont ġibt 10 fir-reliġjon, 9 fit-Taljan u 3 fis-somom. Kont l-istudent preferut tal-għalliem tar-reliġjon, Patri Bellincampi.>>

Id-dar ħadt formazzoni reliġjuża mingħand il-ġenituri?

<<Ommi kienet temmen imma missieri kien jgħid li ma jemminx. Kien minħabba din in-nuqqas ta’ fidi tiegħu li sentejn ilu tlabt li nitgħammed.>>

X’okkażjoni kienet biex ħadt din id-deċiżjoni?

<<Minħabba rabta li kelli qabel (mal-ballerina Franċiża Sophie Teckel), fl-1996 iżżewwiġt biss ċivilment lit-tieni mara tiegħi Tracy. Sentejn ilu spiċċa kull impediment li kelli u għalhekk ingħaqadt fiż-żwieġ quddiem il-Mulej. Biss qabel ridt li Dun Renato De Zan jgħammidni. Billi huwa kien eżorċista staqsejtu jekk kontx persuna denja li titgħammed minħabba l-imħabba li għandi lejn il-mużika Rock. Missieri hekk kien jaħseb tant li riedni nagħżel isem għall-ispettaklu. Fil-verità jiena jisimni Roberto Satti. Monsinjur De Zan weġibni: “Inti persuna tassew nadifa u tajba.” Dan il-kliem qanqalni u wennisni u ninsab ċert li llum anke missieri minn hemm fuq huwa kuntent bija.>>

X’rabta għandek mal-Omm tas-Sema?

<<Rabta straordinarja. Fl-1979 kont iffissajt fil-body building u ridt nieħu xi ħaġa biex inkabbar il-muskoli. Minn dejjem ma kien fini xejn, ta’ għoxrin sena kont niżen biss sittin kilo. Billi nibża mit-titqib u wieħed spiżjar ma tanix parir nittaqqab, bdejt nieħu pilloli għall-muskoli. Dawn il-pilloli għamluli ħsara fil-kordi vokali. Darba fi tmiem ta’ kunċert waħda minn dawn il-kordi nqatgħet. Ħalqi mtela bid-demm u ma stajtx nitkellem. Wara bosta eżamijiet mediċi, it-tabib speċjalista wrieni ritratt tal-korda vokali u qalli li ma kontx nista’ nkanta aktar. Qtajtha li mmur Lourdes mal-ħabib tiegħi Tony Orsi. Niftakar li dak iż-żmien fil-grotta kien hemm imwaħħlin ħafna krozzi u ex-voti. F’dak il-post qaddis ħassejt tqanqil kbir, qisu xokk elettriku. Dort fuq il-Madonna u għidtilha: “Jien spiċċajt, għinni.” Xi ħaġa ġewwa fija qaltli mmur nixrob mill-ilma u mort u xrobt kemm flaħt. Xgħelt ukoll tliet xemgħat kbar. Ftit ftit leħni beda ġej lura. Tliet xhur wara ħadt sehem f’Sanremo bid-diska li mbagħad saret suċċess kbir, Gelosia (1980). Sal-lum għadni nagħti bosta kunċerti ta’ kull sena. Nemmen li kien sar miraklu. Biex inrodd ħajr lill-Madonna mort Lourdes darbtejn oħra fl-2009 u fl-2011.>>

It-tobba x’qalu?

<<Qalu li dan kien fejqan immedjat u bla spjegazzjoni mil-lat xjentifiku.>>

F’ħajtek kellek xi grazzji oħra marbutin ma’ Marija?

<<Il-Madonna dejjem iżżomm idha fuqi. Fl-2006 kont f’xifer il-mewt minħabba infezzjoni li kelli. Mort fis-santwarju ta’ Colognola ai Colli, li huwa ddedikat lill-Verġni Marija. Tlabtha ħafna u naf li kienet Hi li salvatni. Darba oħra fl-autostrada kont involut f’inċident ikrah bejn għaxar karozzi. Ħriġt mill-karozza qawwi u sħiħ b’miraklu grazzi għall-protezzjoni tagħha.>>

Hemm xi santwarji oħra li tħobb?

Ilni mhux ħażin noqgħod qrib Perdenone, marti li hija Amerikana ta’ nisel Korean trabbiet qrib Aviano. Magħha mmur spiss fis-santwarju ddedikat lill-Madonna ta’ Monte Marsure. Nieħdu wkoll lil missierha li jimmeravilja ruħu bil-koppla kbira tas-santwarju u jsejħilha l-kuruna tad-deheb.>>

Tmur quddies spiss?

 Tracy tmur erba’ darbiet fil-ġimgħa, jiena inqas. Iżda kull meta mur nitla’ naqra. Marti kienet Luterana, imbagħad Monsinjur De Zan fissrilha li t-twemmin tagħha kien bħal tagħna iżda mingħajr sagramenti. Allura Tracy għamet il-mixja u kkonvertit. Niftakar dakinhar taċ-ċerimonja, kien jum ta’ emozzjoni kbira. Dun De Zan rani hemm, mitluf f’nofs dik il-folla u qalli: “Mur għannaq waħda lil martek”.>>

Kif sirt tafha lil Tracy?

<<Fl-1995 hi kienet taħdem bħala air hostess u kienet xogħol fuq titjira li wasslitni l-Amerika. Iggustajtilha dawk it-toqob żgħar li jidhru fuq ħaddejha. Lill-kitarrista tiegħi kotn għidtlu: “Niżżewwiġha lil dik!” Bis-saħħa tal-pilota tal-ajruplan, Italo-Amerikan, iddubbjat in-numru tat-telefon tagħha. Wara xahar li bdejna niltaqgħu għidtilha: “Kieku ma kontx sitta u għoxrin sena akbar minek kont nitolbok tiżżewwiġni” u hi weġbitni: “Int itlobni”. Il-mużiċista Maurizio Majorama u l-preżentatur Red Ronnie kien x-xhieda tat-tieġ tiegħi. Kont nibża’ li dan iż-żwieġ ma jdumx wisq. Iżda issa ilna erba’ u għoxrin sena ferħanin flimkien. Alla ried li seba’ snin ilu jasal ibni Ryan. Mhux li kien twieled qabel, kieku kien ikun jista’ jwassalni hu bil-karozza għall-kunċerti.>>

F’liema mid-diski tiegħek tħossok qrib is-Sultana tas-Sema?

<<Una lacrima sul viso imma anke Se piangi, se ride, u Non c’è più niente da fare. Meta nkantahom naħseb fiha u nroddilha ħajr għal dak kollu li għamlet miegħi. Il-mużika hija lingwa universali li ma tistax tħawwad fiha: jekk tieħu żball f’nota kulħadd jinduna, bil-kliem mod ieħor għax tista’ tigdeb.>>

Għandek xi ħolma mużikali li għad trid twettaq?

<<Iva, dik li nagħmel album b’mużika Gospel bit-Taljan ma’ xi kor kbir. Anke Elvis Presly, wieħed mill-punti ta’ riferiment mużikali tiegħi, kien iħobb din il-mużika sagra. Snin ilu kont mort Tupelo f’Mississippi, fejn fi ċkunitu kien joqgħod dan il-kantant f’dar ċkejkna. Għad hemm knisja żgħira fejn ta’ tmien snin Elvis kien imur biex jisma’ l-mużika Gospel li anke kellha effett fuq il-mużika tiegħu.>>

X’taħseb dwar il-Papa Franġisku?

<< Jogħġobni, narah qrib tal-poplu. Fl-Arġentina nxtraw żewġ miljuni u nofs diski tiegħi. Naħseb li sema’ bija jew sema’ xi diska minn tiegħi. Waqt udjenza huwa semma l-kanzunetta Zingara li fl-1969 kantajtha f’Sanremo ma’ Iva Zanicchi, iżda la semma lilha u lanqas lili. Narah bħala bniedem kuraġġuż u jersaq lejn il-folla bla gwardji. Papa innovattiv, sewwasew dak li għandna bżonn bħalissa.>>

Xi proġetti riċenti

<<Preżentajt il-biografija tiegħi miktuba mill-mużiċist u preżentatur Dario Salatori, ħriġt kanzunetta ġdida ma’ Veronica Marchi bl-isem Il garage sta andando a fuoco u rrid noħroġ diska oħra: Italian International vintage songs.>>


Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f' XK - Xandar il-Kelma - Marzu 2021




venerdì 31 gennaio 2020

San Remo



Waħda mill-aktar bliet magħrufin fil-Majjistral tal-Italja hija dik li ġġib l-isem ta’ San Remo. Din tinsab ma’ xatt il-baħar fir-reġjun tal-Ligurja, mhux bogħod wisq mill-fruntiera Franċiża. Żgur li kulħadd sema’ b’din il-belt minħabba l-festival tal-kant li jsir fiha ta’ kull sena. L-ewwel darba li żort din il-belt kont għadni daqsxejn ta’ tifel ta’ seba’ snin. Dak iż-żmien fis-sajf missieri kien joħodna ngħumu x-Xemxija taħt Għajn Rażul. L-ewwel impressjoni li ħadt ta’ din il-belt sabiħa kienet li stħajjiltha x-Xemxija fil-kobor. Meta tkun għadek tfal l-immaġinazzjoni tkun fertili ħafna. Niftakar li qabbilt dawk il-yachts lussusi li kienu sorġuti qrib ix-xatt ta’ San Remo mal-ħafna dgħajjes li kien ikun hemm marbutin qrib il-passaġġ tal-konkos mal-baħar tax-Xemxija. Intant ejjew nerġgħu lura lejn San Remo!

Isem
Mill-ewwel nintebħu li isem din il-belt hu marbut ma’ xi qaddis. Hawn min isostni li dan l-isem huwa tgħawwiġa ta’ Sant Iermu, il-qaddis Dumnikan patrun tal-baħħara. Mhux ħaġa kbira għaliex din il-belt hija belt tmiss mal-baħar u fiha wkoll għexu baħħara. Oħrajn jaħsbu li l-isem ġej mill-qaddis Eramu jew Romolu. Dan huwa qaddis li kien isqof ta’ Ġenova. Mhux magħruf sewwa ż-żmien li fih għex dan l-isqof, iżda jingħad li minn Ġenova kellu jaħrab u sab kenn fil-post fejn illum jissejjaħ San Remo iżda dak iż-żmien kien iġib l-isem ta’ Villa Matutiae jew Villa Matutiana. Huwa miet hemmhekk u hemmhekk indifen ukoll. Bid-djalet tal-Ligurja dan il-post beda jissejjaħ San Roemu li maż-żmien sar San Remo. L-isem San Roemu jidher fuq bosta mapep antiki u baqa’ anke jintuża fi żmien Mussolini. Id-Duce, kif kien jissejjaħ Benito Mussulini, kien dejjem jipprova jerġa’ jqajjem is-sens ta’ nazzjonaliżmu u patrijottiżmu fit-Taljani. Kien għalhekk li isem dan il-post kien jinkiteb sewwasew kif kien jinkiteb fil-Medju Evu u xi snin wara. Hu x’inhu żgur li isem dan il-post huwa isem ta’ qaddis li ftit li xejn nafu dwaru.

Turiżmu
San Remo huwa wieħed mill-aktar postijiet imfittxija mit-turisti. Ix-xatt sabiħ u twil tal-post isaħħar lil kull min iżuru. Biss dan ma jifssirx li San Remo baħar biss joffri. Din il-belt hija wkoll magħrufa għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa. Minbarra dan, San Remo huwa wkoll magħruf għall-fjuri u fil-fatt ġieli jissejjaħ La città dei fiori. Dan wieħed jarah hekk kif jirfes il-belt għax kull roqgħa ħamrija tinżera’ kollha fjuri. Ir-residenti tal-post ukoll jgħinu għax bosta minnhom isebbħu t-twieqi ta’ djarhom bi qsari ta’ kull tip.

Dan huwa ftit minn dak li jiġbed it-turist lejn din il-belt. Il-klima wkoll tgħin u l-postijiet tad-divertiment li toffri l-belt huma numerużi ħafna.

Festival
Bla dubju ta’ xejn din il-belt hija magħrufa l-aktar għall-festival ta’ mużika li jsir fiha ta’ kull sena. Wara t-tieni gwerra dinjija, wara d-disfatta kbira li kellha l-Italja, kien jeħtieġ li jibda jsir xi ħaġa biex kemm isem il-belt kif ukoll il-qagħda ekonomika jerġgħu jieħdu l-ħajja. Kien fis-sajf tas-sena 1950 meta sid wieħed mill-casinos ta’ San Remo kien qed jitkellem mad-direttur tal-orkestra tar-Rai. Dawn qabblu li għandu jibda jsir festival ta’ kanzunetti li qabel ma kienu qatt instemgħu. Uffiċċjalment dan il-festival jismu Festival della Canzone Italiana iżda kulħadd isejjaħlu Festival ta’ San Remo jew iqsar minn hekk San Remo. L-ewwel edizzjoni ta’ dan il-festival sar fi tmien Jannar tal-1951.  Kien sar ġewwa l-casino ta’ San Remo u kien ixxandar fuq stazzjon tar-radju. Kien suċċess mill-ewwel u ta’ kull sena baqa’ jsir. Din is-sena qed issir is-sebgħin edizzjoni tiegħu. Illum dan il-festival sar appuntament ta’ kull sena mhux biss mat-Taljani imma ma’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-mużika Taljana. Dan sar il-benniena ta’ bosta kantanti Taljani li ddebuttaw fil-kant f’dan il-festival.

Teatru Ariston
Il-festival illum ma għadux isir fil-casino fejn sar l-ewwel darba imma ġewwa t-teatru Ariston, l-aktar teatru magħruf fil-belt. Dan it-teatru huwa sala taċ-ċinema. Beda jinbdena fl-1953 u tlesta fl-1963. Jesa’ elf u disa’ mitt ruħ. Mill-1977 il-festival tal-mużika Taljana beda jsir f’dan it-teatru. F’dan it-teatru wkoll issir iċ-ċerimonja tal-premju tar-reġija televiżiva, speċi ta’ Oscars fil-qasam televiżiv. Bosta attivitajiet oħrajn isiru fih matul is-sena għaliex huwa teatru prestiġġjuż u dak li jitla’ fuq il-palk tiegħu jista’ jgħid li se jikseb fama mhux biss fl-Italja imma possibbilment lil hinn mill-peninżula.

Belt mal-baħar, belt ta’ turisti, belt ta’ fjuri, belt ta’ mużika u festivals. Dan kollu u aktar jagħmel lill-belt ta’ San Remo dak li hi, belt imfittxija minn bosta eluf.

Fr Reno Muscat

Dan l-artiklu deher f'In-Nazzjon - 1 ta' Frar 2020